1 minute read

Intenzjoni Missjunarja

April 2022

Għall‑ħaddiema fil‑qasam tas‑saħħa

Nitolbu sabiex l‑impenn tal‑ħaddiema sanitarji fl‑assistenza tal‑persuni morda u tal‑anzjani, speċjalment fil‑pajjiżi l‑iktar foqra, ikunu megħjuna mill‑mexxejja u mill‑komunitajiet lokali.

Kienu ħafna dawk it‑tobba u l‑infermiera li mietu martri billi taw ħajjithom waqt il‑pandemija tal‑COVID‑19. Tobba u infermiera bil‑familja li kellhom iħabbtu wiċċhom qrib ħafna tal‑marda tal‑coronavajrus sabiex joffru fejqan u sostenn lill‑pazjent marid. Għal ħafna dan swielhom il‑ħajja tagħhom stess, wara li sfaw huma wkoll vittmi tal‑vajrus qerriedi. Huma tassew martri tal‑pandemija COVID‑19! Ħaddiema tassew eroj li ħadmu kemm felħu, sigħat bla waqfien, biex joffru assistenza kontinwa, faraġ u tenerezza fid‑diversi swali tal‑isptarijiet sabiex isalvaw dejjem il‑ħajja tal‑bniedem. Kienu ħafna dawk il‑pajjiżi u mexxejja tad‑dinja li għarfu u rrikonoxxew din il‑ħidma fejjieda sanitarja.

Papa Franġisku li jqabbel il‑Knisja ma’ sptar waqt it‑taqbida tal‑gwerra, faħħar dejjem lil dawn il‑ħaddiema fil‑qasam tas‑saħħa fl‑assistenza tal‑morda u tal‑anzjani. Ta’ min ifaħħar fuq kollox lil

dawk il‑ħaddiema fil‑qasam tas‑saħħa fil‑pajjiżi foqra tad‑dinja, li, neqsin minn ħafna riżorsi wettqu mirakli kbar sabiex ifejqu u jsalvaw il‑ħajja tal‑bniedem u għamlu minn kollox sabiex titrażżan il‑pandemija. Kienu wkoll diversi pajjiżi li waqt il‑pandemija kienu solidali mal‑pajjiżi foqra u batuti, sabiex is‑sistemi sanitarji f’dawn il‑pajjiżi jkomplu jaħdmu u joffru l‑għajnuna siewja. Dan il‑ħsieb jitkellem minnu Papa Franġisku fil‑‘Fratelli Tutti’ Numru 154: “Hemm

bżonn ta’ politika mtejba mqiegħda għas‑servizz tal‑veru ġid komuni biex ikun hemm żvilupp tal‑komunità dinjija bil‑ħila li tinkiseb il‑fraternità mill‑popli u n‑nazzjonijiet li jgħixu fil‑ħbiberija soċjali.”

Inkomplu mela nitolbu f’dan ix‑xahar ta’ April għal dawn il‑ħaddiema kollha li għandhom din il‑vokazzjoni tassew importanti u kuraġġuża, u sabiex il‑pajjiżi għonja jkunu dejjem ta’ pont ta’ salvazzjoni għall‑pajjiżi foqra f’dan il‑qasam indispensabbli tas‑saħħa tal‑bniedem, fuq l‑eżempju ta’ Ġesù Kristu li għadda ħajtu jgħallem u jfejjaq, kif insibu f’Luqa 7:18‑23:

“Morru agħtu lil Ġwanni l‑aħbar ta’ dak li rajtu u smajtu: kif il‑għomja qegħdin jerġgħu jaraw, iz‑zopop jimxu, l‑imġiddmin ifiqu, it‑torox jisimgħu u l‑mejtin iqumu, u kif il‑Bxara t‑Tajba qiegħda tixxandar lill‑fqar. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija.” 

This article is from: