5 minute read

Nittamaw

Pietru: Ħarisna mill-Ħsarat u l-Vizzjijiet Mill-Pinna tal-Editur

Nittamaw…

Advertisement

Christopher Bonnici B.A.(Hons); M.A.; ALCM; LLCM

Insellmilkom u Paċi u Saħħa lil Kulħadd!

Nixtieq nibda l-messaġġ bil-frażi ‘Waslet Festa Oħra’, imma nibża’ li nkun qed inweġġa’ xi sentimenti ta’ xi persuna jew oħra. Għax ngħiduha kif inhi, lil San Pietru nħobbuh, u għalhekk billi nattendu l-funzjonijiet festivi fil-knisja parrokkjali għandna jkollna s-sodisfazzjon illi għallinqas nistgħu ngawdu l-funzjonijiet interni wara li s-sena l-oħra kellna niċċaħdu minnhom ukoll minħabba r-restrizzjonijiet illi kellna. U biex iżżid il-melħ fuq il-ferita, propju Lejlet il-Festa titulari ħarġet id-deċiżjoni li lanqas stajna niċċelebraw il-festa bil-pellegrinaġġ. Kienet festa li fiha kull min iħobb lil San Pietru verament ħass qalbu tingħafas fiha...

Ittamajna

Ittamajna fuq li ttamajna li l-affarijiet jitjiebu, u kien hemm ċans. Ix-xewqa li almenu naraw lil San Pietru fi triqatna s-sena l-oħra kienet kważi realtà sakemm Lejlet il-Festa ħarġet id-direttiva tal-Kurja Arċiveskovili li dan ma jsirx bħala prekawzjoni. Niftakar lill-Kappillan jgħid fi tmiem il-quddiesa tal-festa li sena oħra bħal dak il-ħin, jekk Alla jrid, San Pietru jkun fil-bieb tal-knisja filbidu tal-purċissjoni... imma għal darba oħra... dan ma kellux ikun, u lil San Pietru se jkollna ngawduh biss minn fuq il-bankun... bħall-festi l-oħra kollha.

Niftakru

Mis-sena l-oħra ’l hawn tlifna bosta nies b’effett talpandemija, imma mhux biss. Bosta nies tilfu ħajjithom b’kawżi oħra, oħrajn sfaw mingħajr impjieg, oħrajn qed ibatu. Qed niftakar b’mod speċjali fil-membri tassoċjetà u fil-memorja tal-Professur Oliver Friggieri, li bħal diversi oħrajn għallimni fis-snin tal-Università u li għandna fl-arkivji tagħna monument letterarju fl-innu li jfakkar għeluq il-50 sena mill-miġja tal-istatwa titulari f’raħalna, l-innu Inħobbuk Bħalma Niesna Ħabbewk. Lill-editur ta’ qabli Josef Schembri kkuntattjajtu sabiex jagħmlilna artiklu dwaru, imma minħabba d-daqs illi kellu jiġi l-ktieb, jekk Alla jrid, dan l-omaġġ inħalluh għall-pubblikazzjoni tas-sena d-dieħla.

Huwa d-dmir tagħna bħala Nsara li niftakru f’dawn in-nies u fl-għeżież tagħhom. Ma nistgħux nifirħu li qegħdin niċċelebraw festa nisranija jekk fuq kollox ma nagħtux kas ta’ min qed ibati.

Is-Soċjetà

Is-sena l-oħra fakkarna t-tletin sena mit-twaqqif u ma waqafniex hemm. Xtaqna li kieku nagħmlu aktar, xtaqna li kieku mmorru aħjar u nagħmlu l-proġetti li kellna f’moħħna, imma s-sitwazzjoni ma ħallitniex nagħmlu dan. Għall-grazzja t’Alla u ta’ San Pietru, isSibt ġimgħa qabel il-festa titulari se jkun qed jittella’ l-Premiere tal-Oratorio Divo Petro fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl, l-Imdina, li kellu jittella’ f’Novembru 2020. Nittamaw illi kollox imur sewwa ħalli din l-okkażjoni tkun ħolqa oħra fil-kullana ta’ suċċessi fis-soċjetà tagħna. Il-ħaddiema manwali tagħna, b’mod volontarju, pandemija u mhix, qatt ma waqfu, kif se taraw f’paġni oħra ta’ dan l-annwal. Il-ħidma fis-sular ta’ isfel u l-bottegin kif ukoll xogħol ieħor fil-każin ma waqfux, anzi fiż-żmien illi dan kellu jinżamm magħluq, ix-xogħol aktar tkompla ħalli l-membri u l-pubbliku li jiffrekwentaw is-sede tas-soċjetà jkollhom dejjem ambjent aħjar li jilqagħhom. Dan mhux dejjem kien faċli, għax il-ħidma dejjem kellha tibqa’ għaddejja b’rispett sħiħ lejn ir-restrizzjonijiet imposti mill-Awtoritajiet tasSaħħa.

L-Istorja tas-Soċjetà

Matul din is-sena, is-Soċjetà Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa ppubblikat ukoll il-ktieb talistorja tagħha. Ktieb illi involva ħafna riċerka u ħidma minn diversi persuni li kienu ta’ għajnuna u sapport għalija matul is-sena li fi żmien il-pandemija kelli naħdem fuq din il-ħolma tiegħi li kienet ukoll il-ħolma ta’ bosta membri mis-soċjetà. Nammetti li għalija ma kienx żmien faċli u kien hemm mumenti li bdejt naqta’ qalbi li nlestih. Kont għaddej bl-istudju tiegħi fuq Diploma oħra mużikali mal-London College of Music, il-lezzjonijiet online, u fuq kollox it-twelid ta’ bintna Petra Marie. Imma bil-għajnuna anke tal-mara tiegħi, irnexxieli dejjem inlaħħaq u nsib bilanċ f’kollox. Kull membru u partitarju tas-soċjetà għandu jara li jkollu kopja ta’ din il-pubblikazzjoni Benniena Mużikali tal-Birżebbuġin fillibrerija tiegħu. Dan l-appell imur ukoll għar-riċerkaturi u dawk illi tinteressahom l-istorja tas-soċjetajiet mużikali ta’ pajjiżna.

Aħna... mhux Jien!

U dan il-ħsieb tal-ktieb tal-istorja jwassalni sabiex naħseb daqsxejn. Kultant jidher isem ta’ persuna waħda fuq biċċa xogħol, imma wara dik il-persuna jkun hemm ħafna oħra, kultant lanqas jidhru f’ritratt wieħed, kultant lanqas jissemma isimhom, imma jkunu għamlu ħafna ħidma minn wara l-kwinti. Nammetti, li kieku ma kellix l-għajnuna ta’ bosta persuni, il-ktieb tassoċjetà ma kienx jitlesta. L-istess din il-pubblikazzjoni. Ejjew dejjem napprezzaw il-ħidma ta’ xulxin, ċkejkna kemm hija ċkejkna. Ejjew dejjem nużaw aktar il-kelma Aħna, grammatikalment Pronom Magħżul Personali tal-Ewwel Persuna fil-Plural, nagħmlu aktar ġid milli ngħidu “jien”. Ejja nħallu l-ego tagħna fil-ġenb u

niffukaw fuq kif nistgħu naħdmu flimkien, kif nistgħu nieħdu l-fehmiet ta’ xulxin, anke jekk ma nkunux aħna li ħriġna bihom. Is-soċjetà b’hekk timxi ’l quddiem, billi napprezzaw aktar Aħna mhux Jien.

Ejjew inkunu rikonoxxenti lejn xulxin. Il-proġetti jsiru bis-saħħa ta’ kulħadd, it-tagħlim isir bis-saħħa ta’ kulħadd, il-pubblikazzjonijiet isiru bis-saħħa ta’ kulħadd... kulħadd huwa importanti, minn min jiffirma l-ewwel karta fi ftehim sa min iwaħħal l-aħħar musmar. Għalhekk inħossni komdu f’din is-soċjetà għaliex minn meta xrift għall-ewwel darba fiha ħassejtni milqugħ u apprezzat. Naf, ma nistax inqandel ġebel jew niżbogħ, imma kapaċi nagħmel affarijiet oħra, u dak illi kapaċi nagħmel dejjem tawni ċ-ċans nagħmlu, anzi joħolquli l-ambjent fejn nagħmlu. Eżempju ta’ dan huwa l-programm Mill-Pinna tal-Kompożituri li beda tista’ tgħid beda b’ċajta bejni, bejn il-President Alexander Caruana, is-Segretarju Henry Bonnici u l-Uffiċjal għarRelazzjonijiet Pubbliċi, Jonathan Ellul Bonnici, li nieħu l-opportunità sabiex nifraħlu fl-okkażjoni taż-Żwieġ tiegħu ma’ Yanica.

Il-Festa Titulari

Ma tantx stajt nikteb dwar il-festa din is-sena, għax ilkoll nafu x’qed jiġri, imma huwa l-obbligu tiegħi li nħeġġiġkom sabiex aktar mis-soltu niffullaw fil-knisja parrokkjali fil-funzjonijiet liturġiċi tal-festa. Ejjew inkunu preżenti, madwar l-altar ħdejn l-Appostlu Missierna San Pietru li għalih ma nistgħux nagħmlu l-festa tradizzjonali esterna. Min is-soltu jarma t-toroq, din is-sena jista’ jiġi aktar il-knisja, l-istess min jaħdem u jarma n-nar, min is-soltu jkun qed jarma l-banda u l-kumplament. Ejjew nirringrazzjaw lil Alla l-Imbierek, lil Ommna Marija u lill-Patrun maħbub tagħna talli tana din l-okkażjoni li minkejja kollox niċċelebraw festa oħra f’ġieħu. Ejjew ninġabru flimkien ħalli nitgħallmu aktar dwaru u nsiru nafuh. B’hekk verament ikollna l-unur ngħidu li aħna Petrini Birżebbuġin.

Għeluq

Inħeġġiġkom tagħmlu dejjem użu mill-ħwienet, ditti u servizzi li jirreklamaw magħna. Nafu għalikom kemm kien żmien diffiċli u għalhekk aktar napprezzaw isservizz tagħkom. Żgur illi l-Kaxxier Walter Pace flimkien mal-Kumitat u l-membri japprezzaw is-sagrifiċċji tagħkom sabiex tgħinuna. Grazzi lil kulħadd u minn qalbi, minkejja kollox nixtieq il-festa t-tajba lilkom ilkoll u jalla s-sena d-dieħla jkollna festa kompluta, sħiħa u li nieħdu gost flimkien u napprezzaw aktar il-ħidma ta’ kull sezzjoni li qed taħdem għal festa dejjem akbar f’ġieħ il-Prinċep tal-Appostli, il-Patrun tagħna, il-Maħbub San Pietru fil-Ktajjen.

VIVA L-APPOSTLU MISSIERNA SAN PIETRU! VIVA S-SOĊJETÀ FILARMONIKA SAN PIETRU! VIVA L-BANDA BIRŻEBBUĠA – TAL-ILJUN!

Security Systems

ACCESS CONTROL | CCTV | INTERCOMS INTRUDER ALARM SYSTEMS | SHOP SYSTEMS

G 09, New Industrial Park, Valletta Road, Għaxaq, GXQ 2245, Malta +356 27 88 33 88 | info@unitech.com.mt

This article is from: