2 minute read

Nippreparaw għal Divo Petro

Peter Paul Caruana

Id-Delegat tal-Banda Birżebbuġa

Advertisement

Żgur illi f’paġni oħra qrajtu li s-Soċjetà Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa din is-sena, propju s-Sibt 24 ta’ Lulju 2021 se tkun qed ittella’ għall-ewwel darba l-oratorio Divo Petro b’riċerka Biblika ta’ John Saliba, lirika tal-poeta Sebastian Saliba u mużika ta’ Mro Ray Sciberras illi riċentament inħatar Surmast Onorarju tal-Banda Birżebbuġa.

Flimkien mal-Banda Birżebbuġa se jkunu qed jieħdu sehem diversi strumenti li m’aħniex imdorrijin bihom regolarment fil-baned Maltin. Nistgħu nsemmu l-arpa u diversi strumenti oħra tal-perkussjoni bħallfrosta. It-tenur, fil-parti ta’ San Pietru se jkun Charles Vincenti, u bħala solisti se jkun hemm ukoll il-kontralto Pamela Bezzina u l-baritonu Louis Cassar. Xogħol kbir bħal dan jirrikkjedi anke kor kbir, u għalhekk flimkien mal-kor tas-soċjetà, Xmun Pietru, dirett mis-Sinjura Marouska u l-assistent Surmast Christopher Bonnici se jkun qed jingħaqad il-kor Mirabitur taħt it-tmexxija ta’ Mro Mario Attard. Ma tantx niltaqgħu ma korijiet tattfal f’okkażjonijiet bħal dawn, imma dan l-oratorio fih ukoll kor tat-tfal u l-kor magħżul għal din l-okkażjoni huwa l-Harmonic Ensemble Childrens’ Choir dirett misSinjura Ritienne u Mro Joseph Chircop. Kienet xewqa li nagħlqu s-sena anniversarja 2020 bl-eżekuzzjoni ta’ dan l-oratorio, propju s-Sibt 7 ta’ Novembru 2020, madankollu minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija ma stajniex, imbagħad dan kellu jittella’ l-Ħadd 11 ta’ Lulju, imma minħabba ċirkostanzi li ma kellniex kontroll fuqhom ġie pospost għas-Sibt 24 ta’ Lulju 2021. Kull meta jiġi pospost kellna għal bosta drabi nikkuntattjaw lis-solisti, korijiet u mużiċisti b’kull bidla u b’dati ġodda anke tal-provi, għalhekk tistgħu taħsbu kif għejejna nippreparaw għal dan il-jum, għax ix-xogħol kollu li s-soltu jsir darba, qabel kull okkażjoni, kellu jsir mill-inqas tliet darbiet!

Forsi wieħed jistaqsi għaliex is-soċjetà tonfoq dawn il-flejjes f’kompożizzjoni bħal din. Parti integrali minn isimna huwa Banda Birżebbuġa u għalhekk ilfokus għandu jkun dejjem il-banda, u kienet xewqa tagħna li fl-arkivji jkollna xogħol kbir bħal dan. Il-Banda Birżebbuġa hija banda pjuttost żagħżugħa u għalina huwa ta’ unur illi għandna oratorju mill-isbaħ tal-ogħla livell u se nippreżentawh għall-ewwel darba fil-Katidral Metropolitan tal-Imdina.

Is-sena l-oħra għamilna biss il-programm MillBandisti għall-Membri fid-29 ta’ Frar u akkumpanjajna b’innijiet Marjani l-pellegrinaġġ tal-Madonna tadDuttrina f’Ħal Tarxien. Din is-sena għandna l-oratorju... nittamaw illi s-sena d-dieħla jkollha sena sħiħa ta’ servizzi f’Birżebbuġa u barra minnha sabiex il-Banda Birżebbuġa tibqa’ tkun il-leħen tal-Birżebbuġin kull fejn tkun.

Il-festa t-tajba lil kulħadd!

Parti mill-kor Xmun Pietru waqt il-provi għall-oratorio

Il-Banda Birżebbuġa waqt il-provi għall-oratorio

This article is from: