1 minute read

Festa Differenti għaż-Żgħażagħ ta’ Birżebbuġa

Pietru: Ħarisna mill-Ħsarat u l-Vizzjijiet

Festa Differenti għaż-Żgħażagħ ta’ Birżebbuġa

Advertisement

Andrè Busuttil

Sezzjoni Żgħażagħ Iljuni

Waslet festa oħra li rridu niċċelebraw b’differenza assoluta milli nafu nagħmlu s-soltu aħna l-Iljuni ta’ Birżebbuġa. Inqattgħu l-famuż marċ tal-Ħadd filgħodu mingħajr briju u armar li aħna magħrufa għalihom, fejn is-soltu jingħaqdu l-partitarji kollha flimkien u naqsmu ġurnata f’daqqa b’allegrija liema bħalha.

Il-Ħidma

Il-messaġġ ewlieni tas-Sezzjoni Żgħażagħ Iljuni huwa li minkejja li l-attivitajiet huma skarsi, diġà qegħdin nippjanaw għall-futur fejn nerġgħu niċċelebraw kif xieraq. Aħna lesti għal dak iż-żmien ta’ normalità biex nerġgħu nuru fejn tinsab il-qawwa tar-raħal. Lesti għal kull okkażjoni sabiex niċċelebraw u nferrħu lill-Birżebbuġin kollha. Ma nixtieqx ninsa nsemmi li s-Sezzjoni Żgħażagħ Iljuni għenet lis-soċjetà minn wara l-kwinti fl-ispejjeż kbar illi għandha, għax bħala parti mis-soċjetà nħossu li l-ewwel dover tagħna huwa li nissodisfaw il-ħtiġijiet tas-soċjetà.

Il-Manutenzjoni

Ma naqasx ix-xogħol tal-manutenzjoni fl-armar tal-bandalora, l-umbrelel kif ukoll ħriġna bandiera ġdida għal Birżebbuġa. L-attivitajiet ta’ matul is-sena ma kinux bħal tas soltu, imma milli stajna nagħmlu, għamilna. Flimkien mal-Għaqda tan-Nar 22 ta’ Frar u l-Kummissjoni Armar Estern ġiet organizzata Carwash filwaqt illi bħala Sezzjoni Żgħażagħ Iljuni tellajna lotterija diversi statwi fi żmien ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa u raffles permezz ta’ hampers.

Inħeġġeġ

Minn qalbi nħeġġeġ liż-żgħażagħ jersqu iktar qrib tas-soċjetà biex insaħħu s-Sezzjoni Żgħażagħ Iljuni filqalba ta’ Birżebbuġa u nissuktaw inkabbru l-imħabba lejn il-festa għażiża tagħna u lejn il-patrun għażiż, San Pietru.

F’ismi u f’isem is-sezzjoni żgħażagħ nirringrazzja lis-soċjetà, lill-membri, lill-partitarji u lil kull ċittadin ta’ Birżebbuġa tal-għajnuna li offra matul iż-żminijiet diffiċli li ġarrabna flimkien. Nixtieq nagħlaq fuq nota pożittiva u nfakkar li lis-Sezzjoni Żgħażagħ Iljuni se ssibuha hemm għall-għajnuna mingħajr l-ebda fanfarunati.

Minn dejjem konna u dejjem se nibqgħu hemm għall-aħjar tal-komunità. Insellmulkom u dejjem ngħajtu Viva San Pietru u Viva tal-Iljun!

Is-Sezzjoni Żgħażagħ Iljuni

Ma stajniex immorru aħna, ġie jżurna hu… carcade spontanju mat-toroq ta’ Birżebbuġa fl-assenza tal-purċissjoni s-sena l-oħra. Il-Ħadd 2 ta’ Awwissu 2020

Mob: (+356) 7744 0133

This article is from: