
1 minute read
Bil-Pandemija għal Sena Oħra
Marouska Bonnici B.A.(Hons)
Helpers Nisa Petrini
Advertisement
Għeżież Birżebbuġjani
Għal sena oħra qed nerġa’ nikteb f’isem il-Helpers Nisa Petrini. Waslet festa oħra, u erġajna bil-pandemija. Sfortunatament din il-pandemija waqqfet l-andament tal-ħajja tal-każin u għaldaqstant ma tantx stajna ntellgħu attivitajiet. Kif tafu l-każin kellu jagħlaq għal numru ta’ ġimgħat, anzi xhur. Kellna ħafna affarijiet u attivitajiet ippjanati madanakollu kellna nipposponuhom. Nittamaw illi s-sena li ġejja nkunu nistgħu norganizzaw aktar attivitajiet fi ħdan issoċjetà.
Minkejja dan kollu tafu li x-xogħol fil-binja tal-każin baqa’ għaddej ġmielu u l-helpers nisa meddew idejhom fejn setgħu sabiex il-każin ġawhra tagħna jieħu x-xejra li jixraqlu. Bħal dejjem nixtieq intenni l-appell lil kull min hu interessat biex jingħaqad magħna n-nisa, ma jiddejjaqx jagħmel dan. Minkejja li jsir ħafna xogħol volontarju, il-każin huwa ambjent ta’ familja. Naħdmu flimkien imma nieħdu gost flimkien. Din is-sena bla mistenni jien ukoll parti mill-Kumitat Ċentrali u bħala nisa qegħdin jien u Nicola Bonnici Mc Intyre. Nassigurakom illi hija esperjenza mill-isbaħ u minkejja li l-maġġoranza huma rġiel, jirrispettawna immens u jagħtuna ħafna ċans inwasslu l-veduti tagħna, li ġieli jkunu differenti minn dawk talmaġġoranza, imma dejjem jisimgħuna u jirrispettaw kif naħsbuha. Minn qalbi nixtieq nawgura lill-Petrini kollha l-festa t-tajba. Minkejja li hi festa differenti mis-soltu, tajjeb illi nżommu f’moħħna li l-festi huma tal-qaddisin u dejjem huwa xieraq illi niċċelebraw lil San Pietru. Nittamaw dejjem fi żmien aħjar għal kulħadd.
Parti mill-membri talHelpers Nisa mal-istatwa ta’ San Pietru fi tmiem il-Konċelebrazzjoni Solenni, nhar it-22 ta’ Frar

BIRÛEBBUGA FILLING
STATION Misra˙ is-Summit, BirΩebbu©a Tel: 21654842