2 minute read

Messaġġ mid‑Direttur

Ilkoll Differenti, Imma Lkoll Bżonn Xulxin

Fl‑ewwel paġni tal‑Ktieb tal‑Ġenesi nsibu li Alla ħalaq ir‑raġel u l‑mara differenti minn xulxin, iżda fl‑istess waqt kumplimentari għal xulxin. (Ġn. 2:20) Dak li nsibu fir‑raġel ma nsibuhx l‑istess fil‑mara u viċi versa. Kull wieħed u waħda aħna uniċi, jiġifieri la kien hawn u lanqas qatt jista’ jkun hawn xi ħadd eżatt bħalek. Kull wieħed u waħda għandna l‑karattru, il‑gosti u l‑fehmiet tagħna. Il‑ħajja hekk sabiħa; wieħed differenti minn ieħor, iżda fl‑istess waqt bżonn xulxin. Fil‑ħajja ta’ kuljum tagħna, forsi bla ma nindunaw, ikollna bżonn ta’ persuni differenti u b’kapaċitajiet differenti. Ġieli jkollok bżonn mekkanik jew bennej jew tabib jew skarpan jew avukat. Alla ħares kien kulħadd l‑istess u bl‑istess kapaċitajiet, għaliex il‑ħajja kienet tkun wisq monotona u fl‑istess waqt kienet tistaġna.

Dan is‑sens ta’ reċiproċità għandu joħloq fina sens ta’ mħabba u ta’ rispett lejn xulxin. Illum għandi bżonnok jien, għada tista’ tiġi bżonni int. Waħda mill‑istejjer żgħar u sbieħ ta’ Esopu li kellna fil‑kotba tal‑primarja, kienet tgħid li darba ljun feroċi kien ser jgħaffeġ ġurdien żgħir. Dan beda jitlob bil‑ħniena lill‑iljun biex iħenn għalih u ma joqtlux, filwaqt li

kompla jgħidlu: “Min jaf għadx tiġi bżonni.” L‑iljun daħaq daħqa kbira u wieġbu: “Jien niġi bżonnok? Jiena r‑re tal‑annimali kollha u kulħadd joqgħod għal li ngħid jien. Imma din id‑darba ser neħilsek.” Għadda ftit taż‑żmien u l‑iljun spiċċa maqbud ġo xibka bla ma seta’ jiċċaqlaq. Il‑ġurdien għaraf l‑iljun u qallu: “Qiegħed tara kif ġejt bżonni. Issa ngerrem ix‑xibka ħalli neħilsek.” U hekk ġara. Ħadd minna m’għandu għalfejn jitkabbar jew iħossu superjuri fuq l‑oħrajn għaliex aħna lkoll bħal katina, wieħed għandu bżonn ’l‑ieħor. Jekk nitgħallmu naħdmu u nikkollaboraw flimkien, x’paċi kbira u x’armonija jkun hawn bejn bniedem u ieħor, bejn familja u oħra, bejn nazzjon u ieħor. Alla ħalaqna differenti ħalli fostna jsaltnu dejjem is‑sliem, l‑għaqda, l‑imħabba u r‑rispett reċiproku. San Pawl jgħallimna li: “Hemm diversi doni, imma l‑istess wieħed hu l‑Ispirtu; hemm diversi ministeri, imma l‑istess wieħed hu l‑Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l‑istess Alla li jaħdem kollox u f’kulħadd.” (1Kor. 12:4‑6) Fl‑istess ittra, San Pawl ikompli jgħid li bħalma l‑ġisem huwa wieħed u fih ħafna membri, għad li huma ħafna u differenti, ilkoll jagħmlu ġisem wieħed. Kull parti tal‑ġisem għandha bżonn il‑bqija tal‑partijiet l‑oħra kollha.

Jeħtieġ li lkoll nitgħallmu nirrispettaw lil dawk kollha li huma differenti minna: kulturi, lingwa, fehmiet u twemmin. Id‑differenza bejn bniedem u ieħor, bejn nazzjoni u ieħor, hija nixxiegħa ta’ rikkezza liema bħalha. Filwaqt li nagħrfu dan, inkunu qegħdin fl‑istess waqt nikkoperaw mal‑pjan t’Alla għalina li ried isebbaħ il‑ħolqien bid‑differenzi li nsibu fih. 

DONAZZJONIJIET B’RIS Q IL‑MISSJONI

sms fuq 50617374 –  2.33 | sms fuq 50618820 –  6.99

B’SMS ta’  €6.99 tkun qed B’SMS ta’ 6.99 tkun qed tixtri l‑kotba għal tifel jew tifla tixtri l‑kotba għal tifel jew għal sena skolastika. tifla għal sena skolastika.

B’SMS ta’ €2.33  tkun qed titma’ B’SMS ta’ 2.33 tkun qed 7 t’itfal għal ġurnata. titma’ 7t itfal għal ġurnata.

Jien. Int. Aħna. Flimkien.

(VO/1178)

Int tista’ tagħti daqqa t’id. Missio għandu bżonn il‑voluntiera. Jekk int interessat, ċempel 21236962

This article is from: