
2 minute read
Reċensjoni Ta' Ktieb
San Ġużepp Bħala Patrun Tal‑Knisja Universali
Qabel ma nibda din ir‑reċensjoni dwar Il‑Ktieb ta’ San Ġużepp: ġabra ta’ studji, miġbur minn Andrew Borg, u li fih ġabra ta’ diversi kittieba u studjużi oħrajn, tajjeb li nisiltu xi tagħrif dwar Andrew Borg. Huwa twieled u għex l‑ewwel 50 sena ta’ ħajtu f’San Ġiljan fejn wara mar joqgħod ir‑Rabat f’Malta. Huwa studja fl‑Università ta’ Malta u eventwalment segwa karriera fit‑tagħlim fejn laħaq Assistant Kap ta’ skola. Bħalissa huwa d‑direttur ta’ stamperija. Andrew huwa devot ħafna ta’ San Ġużepp. Kien mar kors dwar il‑qaddis żmien ilu li kien sar mill‑mibki Patri Guido Schembri OFM. Missieru kien jismu Ġużeppi. Tajjeb li ngħidu li t‑tnedija ta’ dan il‑ktieb saret nhar l‑Erbgħa 26 ta’ Jannar, fejn l‑Arċisqof Charles J. Scicluna kien ippreżentat bl‑ewwel kopja mill‑editur Andrew Borg. Dan il‑proġett ta’ studju sar fl‑okkażjoni tal‑150 sena minn meta l‑Beatu Papa Piju IX ipproklama lil San Ġużepp Patrun tal‑Knisja Universali nhar it‑8 ta’ Diċembru 1870. L‑arċisqof bierek dan il‑ktieb u qal li huwa ktieb mimli informazzjoni sabiex tagħmel riċerka biex wieħed jista’ jissaħħaħ spiritwalment. Fil‑ktieb insibu wkoll kelmtejn mid‑Direttur tal‑APS Bank is‑Sur Marcel Cassar. Dan il‑ktieb għandu 832 paġna, ġie stampat minn Deer Publications u sponsorjat mill‑APS Bank u l‑Knisja Maltija. Il‑magħruf Josefologu Taljan, Patri Tarcisio Stramare, iwiddibna li San Ġużepp qatt mhu se jbegħedna la minn Ġesù u lanqas minn ommu Marija. Dan il‑ktieb jgħinna nagħrfu lil Ġesù bħala l‑uniku Salvatur tagħna. Dejjem obda San Ġużepp, kif insibu bosta drabi fil‑ktieb. Huwa r‑raġel silenzjuż li jisma’ l‑wiċċ t’Alla.
Kienu diversi l‑kittieba li għamlu studji dwar dan il‑qaddis. Fosthom insibu lill‑Professur Mons. Lawrenz Sciberras MA, Rev. Dr. Martin Micallef OFM Cap, Dr. Joseph Ciappara, Rev. Dr. Johnathan Farrugia, il‑Karmelitan Patri Victor Paul Farrugia, Rev. Chris Caruana OP, Rev. Dr. Krystof, Mons. Profs. Hector Scerri, Rev. Kan. Brendan M. Gatt, Mark Micallef Perconte, Rev. Anton Farrugia OFM, Rev. Dr. Charlò Camilleri O.Carm, Rev. Dr. Jesmond Manicaro, Dr. Pauline Dimech, ir‑Rettur tal‑Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp tar‑Rabat Malta Anthony Casha, il‑Franġiskan Rev. Dr. Marcello Ghirlando, Rev. Dr. Nicholas Cachia u l‑editur tal‑ktieb Andrew Borg. Nikkonkludi billi nħeġġeġ lil kulħadd jixtri dan il‑ktieb tassew importanti. Nifraħ mill‑ġdid lis‑Sur Andrew Borg u ngħid grazzi sinċiera lil dawn il‑ kittieba kollha ta’ kalibru.
It‑Tbissima Maltija Fuq Il‑Ħajja
Mad‑deċina tispiċċa l‑istrina! Mal‑ventina titfaċċa l‑ħanina! Mat‑trentina ħadd ma jista’ għalina! Mal‑kwarantina tibda xi tgħattina! Maċ‑ċinkwantina nitilfu xi skorfina! Mas‑sessantina nitilfu xi urina! Mas‑settantina nitilfu l‑ħanina! Mal‑ottantina jidħqu bina! Man‑novantina ċumpaq taħt it‑tina!

Mibgħuta minn Dun Victor Agius
AVVIŻ IMPORTANTI
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ id‑Direttiva Nru 19 u fost l‑oħrajn avża li, mill‑1 ta' Jannar 2022, il‑banek lokali kollha mhux ser isarrfu aktar ċekkijiet li jammontaw għal €20 jew anqas. Għalhekk niġbdulkom l‑attenzjoni u nitolbukom sabiex l‑abbonament tar‑rivista Malta Missjunarja, isir billi tagħżel waħda minn dawn l‑għażliet:
1. 'Cash' ‑ billi tmur personalment f'wieħed mill‑uffiċini tagħna fil‑Belt jew il‑Mosta,
2. Permezz ta' 'bank transfer' (ara dettalji f'paġna 19),
3. Tabbona għal sentejn b’ċekk ta’ €21 pagabbli lil Missio Malta
(ara dettalji f'paġna 35 u formola fil‑paġna ta' wara).
Missio jirriserva d‑dritt li, f'ċirkostanzi li m'għandux kontroll fuqhom, jieħu deċiżjonijiet għall‑benefiċċju tal‑qarrejja u tal‑missjonijiet li nsostnu. Għal aktar tagħrif ikkuntattjana fuq 2123 6962. Grazzi mill‑qalb ‑ Missio Malta