1 minute read

Intenzjoni Missjunarja

Għall‑Anzjani

Nitolbu għall‑anzjani li jirrappreżentaw l‑għeruq u l‑memorja ta’ poplu, sabiex l‑esperjenza u l‑għerf tagħhom jgħinu lil dawk iktar żgħażagħ sabiex iħarsu lejn il‑futur b’tama u responsabbiltà.

Lulju 2022

Fuq ix‑xewqa ta’ Papa Franġisku, kif ħabbar is‑sena l‑oħra, f’dan ix‑xahar niċċelebraw il‑Jum Dinji tan‑Nanniet u tal‑Anzjani. Il‑Papa, li huwa nnifsu jiftakar il‑memorja sabiħa tan‑nanniet tiegħu li kienu ġew l‑Arġentina mill‑Italja, jixtieq ukoll li l‑Knisja tkompli tiskopri l‑valur tan‑nanniet u tal‑anzjani li huma tassew teżor kbir għall‑familji u għaż‑żgħażagħ tagħna. Għalhekk, għandna dejjem nirrispettaw lill‑anzjani tagħna u nirringrazzjawhom tal‑valuri sodi u sani li huma tawna. Jixraq fuq kollox li nieħdu ħsiebhom ħalli wkoll l‑aħħar snin ta’ ħajjithom jgħixuhom b’dinjità li tant tixirqilhom.

Il‑Bibbja wkoll titkellem diversi drabi dwar l‑importanza u l‑valur tal‑anzjani, kif wieħed jara fi żmien il‑patrijarki Abraham, Iżakk u Ġakobb. Anke fit‑tradizzjoni tal‑Knisja hemm bagalja t’għerf li dejjem żammet ħajja kultura ta’ rispett lejn l‑anzjani, dispożizzjoni

għall‑akkumpanjament mimli mħabba u solidali f’din l‑aħħar fażi tal‑ħajja tagħhom. Din it‑tradizzjoni għandha għeruqha fl‑Iskrittura Mqaddsa, kif pereżempju nsibu fil‑ktieb ta’ Bin Sirak: “Tonqosx tagħti kas ta’ kliem ix‑xjuħ, għax huma wkoll tgħallmu mingħand missirijiethom, mingħandhom titgħallem tkun bil‑għaqal, u meta jeħtieġ tkun tista’ tagħti tweġiba.” (Sir. 8:9) Dan huwa wieħed mill‑kotba tal‑għerf li huwa sabiħ ħafna. Tant kien importanti fil‑bidu tal‑Knisja li kien jintuża fil‑katekeżi u fit‑tagħlim morali. Fih tagħlim għal kull persuna ta’ kull età, speċjalment għaż‑żgħażagħ, iżda fuq kollox dwar l‑anzjani u dwar ir‑rispett li wieħed għandu juri lill‑ġenituri anzjani tiegħu kif naraw f’Kapitlu 3 ta’ dan il‑ktieb.

Papa Benedittu XVI, huwa u jżur dar tal‑anzjani, uża kliem ċar u profetiku, meta qal: “Il‑kwalità ta’ soċjetà, irrid ngħid ta’ ċiviltà, tiġġudikaha anki minn kif huma ttrattati l‑anzjani u mill‑post miżmum għalihom fil‑ħajja komuni.” (12 ta’ Novembru 2012) Ejjew nitolbu għall‑anzjani tagħna, ejjew nitolbu għal dawk li qegħdin jinkwetaw minħabba l‑familjari tagħhom u li jinsabu waħedhom u mwarrbin. 

This article is from: