5 minute read

Intervista Mal‑Arċisqof Tar‑Repubblika Ċeka

Mons. Jan Graubner

Waqt li kont fuq perijodu ta’ studju, riċerka u noffri psiko‑terapija spiritwali fir‑Repubblika Ċeka, ġejt mistieden niltaqa’ personalment mal‑Arcisqof Mons. Jan Graubner fil‑Kurja Arċiveskovili fil‑belt pittoreska ta’ Olomouc. Hawn ħadt l‑opportunità li nagħmillu intervista waqt li tlabtu jagħtini l‑viżjoni personali tiegħu dwar il‑Knisja Kattolika f’pajjiżu.

Tista' tagħtini ftit ħjiel bijografiku dwar ħajtek u dwar il‑vokazzjoni saċerdotali tiegħek? Nibda biex ngħidlek li tul il‑perijodu li fih pajjiżna kien taħt ir‑Reġim Kommunista ma kienx faċli li persuna tistudja biex issir saċerdot, speċjalment jekk ma kontx ġej minn familja tal‑ħaddiema. Peress li l‑Partit Kommunista kkonfiska l‑fabbrika tal‑familja tiegħi biex għamilha tappartjeni lill‑istat, allura jien kelli nħabbrek biex immur insib impjieg banda oħra. Però meta fl‑1968 pajjiżna għadda minn dik hekk imsejħa ‘Rebbiegħa ta’ Praga’, infetaħ mill‑ġdid seminarju wieħed bil‑kunsens tal‑Istat Kommunista. Għalhekk stajt nidħol is‑seminarju biex nistudja għal saċerdot. Kien proprju f’dan iż‑żmien li ħafna professuri tal‑università reġgħu ġew lura jgħallmu d‑diversi xjenzi akkademiċi wara żmien ta’ arresti u xogħol sfurzat. Ix‑xhieda u t‑testimonjanza ta’ dawn il‑professuri kienet ħafna iktar importanti għalina l‑istudenti mill‑kontenut u t‑tagħlim aġġornat li xtaqna li jgħallmuna. Imma sentejn wara l‑ftuħ tas‑seminarju, ġiet l‑ordni biex ma jiġux aċċettati iktar seminaristi, u fil‑fatt dawk biss li kienu diġà qed jistudjaw fis‑seminarju setgħu jiggradwaw. Jien kont wieħed minn dawn is‑seminaristi li kelli din il‑grazzja, u malli ordnajt saċerdot intbgħatt neżerċita s‑saċerdozju tiegħi fil‑parroċċi rurali. Iżda meta fl‑1990, waqa’ r‑reġim tal‑partit Kommunista f’pajjiżna, ġejt ordnat isqof u msejjaħ biex inservi bħala isqof awżiljarju tal‑arċidjoċesi ta’ Olomouc.

Kemm ilek teżerċita l‑arċipiskopat tiegħek u kif tħossok f’din il‑pożizzjoni fil‑Knisja? Ikolli ngħid li ilni nokkupa l‑ministeru t’arċisqof tal‑belt ta’ Olomouc mill‑1992. Għalkemm dil‑belt għandha storja u tradizzjoni twila ta’ episkopat, wara l‑waqgħa tal‑Kommuniżmu f’pajjiżna kellna nerġgħu nibdew mill‑ġdid mingħajr ħafna esperjenza u preparazzjoni meħtieġa f’dan ir‑rigward. Iżda kellna l‑vantaġġ li

nesperjenzaw ritorn mill‑gdid lejn il‑prattiċi reliġjużi wara żmien twil ta’ oppressjoni. Imma dan il‑fervur malajr beda jmajna b’tali mod li kellna nħabbtu wiċċna ma’ sitwazzjonijiet ġodda.

Tista' tagħtini ftit ħjiel dwar is‑sitwazzjoni tal‑Knisja Kattolika llum fir‑Repubblika Ċeka? Kemm għandha djoċesijiet? Kemm huwa l‑persentaġġ tal‑Kattoliċi u kemm imorru l‑Knisja kull nhar ta’ Ħadd, speċjalment f’Olomouc? Fir‑Repubblika Ċeka għandna żewġ provinċji ekklażjastiċi, waħda hija l‑provinċja tal‑Boemja, li tikkonsisti f’ħames djoċesijiet, u l‑oħra hija l‑provinċja tal‑Moravja, li tikkonsisti fi tliet djoċesijiet. Il‑popolazzjoni tal‑pajjiż tammonta għal 10 miljun ruħ, u huwa kkalkulat bejn wieħed u ieħor, li 3 miljuni huma Kattoliċi mgħammdin, li minnhom 10% biss jattendu għall‑quddies kull nhar ta’ Ħadd. Tajjeb ngħidu li l‑persentaġġ ta’ dawk li jattendu l‑quddies il‑Ħadd fl‑arċidjocesi ta’ Olomouc huwa kemxejn iktar minn 10%. L‑arċidjocesi ta’ Olomouc tħaddan 420 parroċċa b’madwar 300 saċerdot, inklużi r‑reliġjużi.

Il‑Katidral ta' San Wenceslas f'Olomouc.

X’inhuma l‑isfidi li l‑Knisja Kattolika fir‑Repubblika Ċeka esperjenzat fl‑imgħoddi, kif ukoll illum? Dak li l‑Knisja f’pajjiżna għaddiet minnu fl‑imgħoddi, speċjalment taħt il‑Partit Kommunista, huwa fatt magħruf, imma llum fl‑arċidjoċesi tagħna bnejna għoxrin Skola tal‑Knisja u waqqafna assoċjazzjoni tal‑karità (Caritas Olomouc), li timpjega madwar elfejn persuna. Riċentament, qed naraw li l‑livell tal‑ħajja soċjali qed jogħla, iżda r‑rata tat‑twelid f’pajjiżna naqset bil‑konsegwenza li naqsu wkoll il‑vokazzjonijiet. Dan kollu qed iwassal lill‑Knisja biex tesperjenza realtajiet u sfidi ġodda li jitolbu pjan ta’ riforma fil‑Knisja u li jibqa’ għaddej. Imma jkolli ngħid li l‑ikbar sfida li qed nesperjenzaw bħala Knisja hija l‑kriżi li fiha tinsab il‑familja f’pajjiżna, kif ukoll madwar id‑dinja.

X’inhuma l‑pjanijiet tal‑arċidjoċesi tiegħek biex tissaħħaħ il‑fidi Nisranija? Qegħdin naħdmu id f’id mal‑kunsilli pastorali parrokkjali biex insaħħu l‑ħajja fil‑Knisja u biex nagħtu ħajja mill‑ġdid lill‑parroċċi. Qed nenfasizzaw ukoll il‑bżonn li nsaħħu l‑formazzjoni Kattolika fl‑iskejjel tal‑Knisja. Ninsabu wkoll f’mixja biex insaħħu l‑adorazzjonijiet Ewkaristiċi fil‑knejjes tagħna u biex ngħinu liż‑żgħażagħ jibnu relazzjoni personali u ta’ ħbiberija ma’ Kristu Ġesù. Huwa proprju f’din il‑mixja li jiena nara tama fil‑Knisja. Biex insaħħu l‑fidi Nisranija mhux biżżejjed li nserrħu fuq it‑tagħlim Kattoliku. Għalhekk għandna bżonn li nsaħħu r‑relazzjonijiet u noħolqu esperjenzi madwar il‑Kelma t’Alla fi spirtu ħaj ta’ Knisja‑Komunità.

X’inhu l‑parir tiegħek lill‑koppji miżżewġa? Fid‑djoċesi tagħna għandna ċ‑Ċentru Djoċesan għall‑Familja li qed jagħti ħafna għajnuna u jisħaq fuq il‑bżonn li l‑familji Nsara jingħaqdu f’komunitajiet li jgħinuhom jikbru fl‑ispiritwalità Nisranija. Għal

dan, id‑djoċesi diġà taħdem qatigħ biex toffri diversi korsijiet ta’ formazzjoni għall‑animaturi tal‑familja. Imbagħad għandna wkoll korsijiet ta’ preparazzjoni għall‑koppji li ser jidħlu għas‑sagrament taż‑żwieġ. Dawn il‑korsijiet jinkludu madwar tmien sessjonijiet ta’ formazzjoni li nofshom jitmexxew minn saċerdot u n‑nofs l‑ieħor minn koppji miżżewġa b’esperjenza.

X’tip ta’ saċerdozju tixtieq li tara fid‑djoċesi tiegħek? Nixtieq nara saċerdozju mimli ferħ u ta’ xhieda Evanġelika madwar komunitajiet li jikbru fil‑fidi. Nixtieq nara saċerdoti, irgiel ta’ talb, li jkunu tassew jistgħu jgħinu lill‑poplu jesperjenza l‑imhabba t’Alla u jakkumpanjawh fit‑triq tal‑Mulej.

X’inhu l‑ktieb favorit tiegħek barra l‑Iskrittura Mqaddsa? Jien għandi ħafna kotba spiritwali għal qalbi, iżda jogħġbuni ħafna l‑kitbiet spiritwali ta’ Chiara Lubich li jaffaxxinawni b’mod personali, tant li għadni sal‑lum ngħożż il‑laqgħa personali li darba kelli magħha.

Lulju 2022 23 ta' Ottubru 2022 ‑ Ġurnata Missjunarja Liema sentenza jew kwotazzjoni spiritwali hi tant għal qalbek? Fil‑fehma tiegħek x’inhi r‑riċetta għall‑qdusija? Jien milqut ħafna mill‑kliem ta’ Marija fit‑tieġ ta’ Kana: “Agħmlu dak li jgħidilkom Hu.” (Ġw. 2:5) Tant hu hekk li għażilt proprju dan il‑kliem ta’ Marija bħala l‑motto tal‑episkopat tiegħi. Rigward il‑qdusjia, jiena nemmen li l‑Evanġelju huwa t‑triq ‘naturali’ għall‑qdusija u li jgħinna nibnu l‑Knisja ta’ Ġesù fid‑diversi ċirkostanzi u sfidi li ngħaddu minnhom. 

POWERED BY

Jien. Int. Aħna. Flimkien.

(VO/1178)

'Dinja Mutur' huwa proġett eċċitanti li Missio beda fuqu b'kollaborazzjoni ma' Stephen Formosa, li ser ikun qed isuq il‑mutur tiegħu madwar l‑Afrika, l‑Asja u l‑Amerika t'Isfel f'avventura ta' vjaġġ waħdu. Matul il‑vjaġġ, Stephen ser ikun qed jgħaddi minn irħula bi proġetti appoġġati u ffinanzjati minn Missio sabiex jiddokumenta l‑esperjenza tiegħu. Minn għajnejn Stephen, wieħed ser ikun jista’ jara stampa ċara u reali ta’ kif Missio jgħin komunitajiet li jgħixu f’irħula remoti u kif Missio jinvesti fit‑tul fl‑edukazzjoni ta’ dawn l‑individwi. Il‑kontribuzzjoni ġeneruża tiegħek tgħinna nsostnu lil Stephen matul il‑vjaġġ tiegħu waħdu madwar il‑kontinenti u jgħin lil Missio jittrasmetti l‑esperjenza tiegħu sabiex inkunu nistgħu ngħixu dan il‑vjaġġ eċċitanti u l‑proġetti li jibdlu l‑ħajja, imwettqa grazzi għall‑ġenerożità ta’ ħafna. Nirringrazzjawk tal‑appoġġ tiegħek.

This article is from: