2 minute read

L‑ Esperjenza Ta’ Patri Joseph Mary Grixti OFM

Cap

Fil‑Gwerra tal‑Golf (1990‑1991) fl‑Iraq kien hemm mewġa ta’ refuġjati lejn it‑Turkija, għax il‑pajjiż kien intlaqat ħafna mill‑bombi. Il‑Kapuċċini

Taljani bdew jilqgħuhom fil‑Knisja ta’ Mersin. Kienet sitwazzjoni iebsa għax il‑patrijiet ma kinux jafu jitkellmu bl‑Ingliż. Il‑Ġeneral tal‑Kapuċċini f’Ruma ssuġġerixxa l‑għajnuna tal‑Provinċja tal‑Kapuċċini Maltin. Dik il‑ħabta, jien kont ilni biss ftit xhur li ġejt lura mill‑missjoni fil‑Kenja u kont qisni għadni ma sibtx saqajja hawn Malta.

Il‑Provinċjal talabni mmur nagħti l‑għajnuna tiegħi fit‑Turkija. Meta wasalt Mersin ma kontx kuntent bil‑mod kif kienu jiġu milqugħa r‑refuġjati.

Intlabt ngħin lil ċertu Patri Gregorju, u xogħli kien li nimmaniġġja l‑flus tar‑refuġjati u nara kif nagħmel biex insibilhom pajjiz li jaċċettahom. Dak iż‑żmien, fit‑Turkija kien hemm ukoll patri ieħor Kapuċċin Malti, Patri Joe Buttigieg.

Ħaġa li nibqa’ niftakar hija li kull sena, fil‑15 t’Awwissu, kienet issir ċelebrazzjoni organizzata mill‑Insara Armeni. Kienu jinġabru fuq il‑muntanja qrib id‑dar tal‑Madonna, jagħmlu t‑talb u ċelebrazzjonijiet reliġjuzi mas‑saċerdoti tagħhom, u jkantaw kant reliġjuż u kant tradizzjonali tal‑pajjiżi minn fejn ikunu oriġinaw. Imbagħad isir bħal piknik. Għal din iċ‑ċelebrazzjoni, jiġu nies mill‑bogħod u saħansitra jaqsmu l‑fruntieri minn pajjiżi oħra. Kien ikun hemm mijiet preżenti. Patri Gregorju kien jorganizza xarabank biex immorru niltaqgħu magħhom fuq il‑muntanja. M’għandniex xi ngħidu, ftit li xejn għad baqa’ Armeni fit‑Turkija wara l‑gwerra tal‑1920, imma xorta l‑ftit li baqa’, baqgħu jżommu t‑tradizzjoni u d‑devozzjoni tal‑antenati tagħhom lejn il‑Madonna. Darba minnhom iltqajt ma’ mara anzjana li missierha kien arkitett minn Malta u kien emigra lejn Mersin fil‑bidu tas‑Seklu 20. Kunjomu kien Abela. Din il‑mara kienet iżżewġet raġel Ingliż u romlot żgħira. Meta mietet, kont jien li għamiltilha l‑funeral. Bdejt nitgħallem nitkellem bil‑lingwa Torka u filgħaxija kont inħobb nitkellem mar‑refuġjati.

Kienu joffrulna xi kikkra kafè jew xi biċċa dulliegħa. Għad‑dulliegħ, l‑għeneb, il‑jogart u ż‑żebbuġ, ħadd ma jirbħilha lit‑Turkija!

Il‑post li mort wara Mersin kien Adana. Ma kienx faċli tgħix hemmhekk, għaliex kien post ta’ miljun ruħ, kollha Musulmani konservattivi għall‑aħħar. Ma ninsewx li t‑Turkija kienet il‑benniena tal‑Kristjaneżmu. San Pawl, fil‑missjoni tiegħu, kien darha xi tliet darbiet.

San Pawl kien bniedem straordinarju għall‑forza u l‑kuraġġ li kellu. Il‑kelma

Tarsus kienet iddoqq wisq sabiħa ġo widnejja. Kienet iġġibli l‑memorji ta’ meta naqra dwar San Pawl, il‑kolonna tal‑Kristjaneżmu, u dwar il‑vjaġġi tiegħu.

F’Tarsus kien hemm Knisja

Medjevali li kienet fi stat ta’ miżerja. Min jaf kemm kienu daħlu suldati tal‑kruċjati jitolbu fiha meta kienu jkunu għaddejjin minn hemm fi triqithom lejn l‑Art Imqaddsa! Kienet is‑sena 1992 u tawna permess biex niċċelebraw quddiesa hemmhekk fejn ikkonċelebrajt għall‑ewwel darba bil‑Latin. F’Tarsus hemm tradizzjoni li tgħid li f’din il‑belt hemm il‑qabar tal‑Profeta Danjel.

F’Lulju tal‑1993 bdejt inħossni għajjien u ddeċidejt li ninżel lura Malta. Kont ilni ħafna snin fil‑missjonijiet ngħix ġo postijiet f’kundizzjonijiet iebsa sew fil‑Kenja mal‑fqar, kif ukoll mar‑refuġjati fit‑Turkija, u fi klima ħarxa u kulturi differenti ta’ tribujiet diversi. Kienu tassew esperjenzi missjunarji li għallmuni www.adoptgrandparent.org

Tweġġa’ meta tħossok waħdek... iżda Missio, flimkien ma’ Newsbook.com.mt ħarġu b’inizjattiva li tagħtik il‑possibilità li ssib qalb ta’ ħbiberija permezz tal‑proġett Adopt a Grandparent. Jekk inti interessat tipparteċipa, ċempel fuq 2122 2001.

This article is from: