
5 minute read
Dehriet Tal‑Madonna
Il-Ħidma Evanġelika ta’ Marija Santissima Bħala Missjunarja
Is‑Sbatax‑il Parti
San Ġakbu u d‑dixxipli tiegħu jaduraw lill‑Madonna tal‑Pilastru, pittura ta’ Goya (ċ. 1775–1780).
Id-Dehra tal-Madonna tal-Pilar, f’Zaragoza, Spanja
Ftit snin biss wara l‑mewt u l‑qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristù, fis‑sena 40 AD, seħħet l‑ewwel dehra ta’ Marija Santissima. Il‑Verġni Mbierka dehret lil wieħed mill‑appostli, San Ġakbu l‑Kbir, ħu San Ġwann l‑Evanġelista, fi Spanja. Din id‑dehra hija magħrufa bħala l‑Madonna tal‑Pilastru (tal‑Pilar), bl‑Ispanjol Nuestra Senora del Pilar de Zaragoza. Din id‑dehra hija rikonoxxuta bħala l‑Ewwel Dehra tal‑Madonna fl‑istorja tal‑Kristjaneżmu u hija l‑unika waħda li seħħet waqt li l‑Verġni Marija kienet għadha ħajja u tgħix f’din id‑dinja. Din id‑dehra titqies bħala bilokazzjoni (jiġifieri li wieħed jidher u jkun f’aktar minn post wieħed fl‑istess ħin) għaliex realment u fiżikament Marija kienet tgħix Ġerusalemm ma’ San Ġwann l‑Appostlu, kif riedha Ġesù meta fuq is‑salib qalilha: “Mara dan hu Ibnek”. Dan ġara qabel ma’ hija ġiet imtellgħa fis‑sema, però xorta waħda titqies mit‑tradizzjoni tal‑Knisja bħala dehra mirakoluża u spiritwali tal‑Madonna.
Il-Ġrajja u l-Għan ta’ Din l-Ewwel Dehra Marjana
Wara l‑Pentekoste, it‑tnax‑il appostlu, fl‑ewwel żminijiet tal‑Kristjaneżmu, kellhom jivvjaġġaw f’diversi partijiet tad‑dinja biex ixandru l‑Evanġelju. Kull wieħed minnhom kellu missjoni ta’ Evanġelizzazzjoni xi jwettaq; min f’pajjiż u min f’ieħor. San Ġakbu l‑Kbir

Statwa tal‑Madonna tal‑Pilar.
kellu jivvjaġġa u jxandar il‑Kelma ta’ Kristu fl‑artijiet pagani fil‑provinċja Rumana ta’ Hispania, illum Spanja, biex jevanġelizza lit‑tribujiet lokali. Għaldaqstant, Ġakbu beda l‑vjaġġ tiegħu u mar biex jipprietka fin‑Nofsinhar tal‑Peniżola Iberika. Huwa għamel użu mit‑traffiku marittimu Ruman li f’dak iż‑żmien kien impenjattiv ħafna. Ġakbu beda mit‑Tramuntana tal‑Portugall u wasal f’Iria Flavia, fejn beda jipprietka. F’dawn il‑vjaġġi, Ġakbu, minbarra li kellu jiffaċċja diffikultajiet kbar, beda jara li n‑nies ta’ dik l‑art ma kinux qed iwieġbu tant għall‑Evanġelju u jikkonvertu għall‑Kristjaneżmu. Jingħad li minħabba f’hekk, l‑appostlu beda jaqta’ qalbu mill‑ħidma Evanġelika tiegħu f’dak il‑pajjiż. It‑tradizzjoni tgħid li meta kien fl‑aktar punt baxx ta’ skuraġġament, waqt lejl wieħed kien qiegħed jitlob ma’ numru żgħir ta’ dixxipli li kienu saru Nsara, max‑xatt tax‑Xmara Ebro ħdejn il‑belt ta’ Zaragoza (dak iż‑żmien Caesaraugusta), f’daqqa waħda ra dawl qawwi. Niżel għarkopptejh u f’dak id‑dawl ra lill‑Verġni Marija, imdawra b’eluf t’anġli biex tikkonslah u tħeġġu. Qaltlu biex ma jaqtax qalbu mill‑ħidma tiegħu tal‑Evanġelizzazzjoni, imma kellu jippersevera, u aċċertatu li fl‑aħħar mill‑aħħar ix‑xogħol tiegħu għal Ġesù kien se jkollu riżultati kbar u ħafna f’dik l‑art se jaċċettaw il‑fidi Nisranija.
Skont wieħed mir‑rakkonti, il‑Madonna, qabel kienet wiegħdet lil San Ġakbu li
Ottubru 2022 23 ta' Ottubru 2022 - Ġurnata Missjunarja kienet se tiġi tgħinu meta l‑aktar ikollu bżonn. Fil‑fatt, kienet hi li bagħtet lil Ġakbu f’dak ir‑reġjun tal‑Imperu Ruman. Imbagħad, fis‑siegħa l‑aktar deżolata tiegħu, meta kien qed jikkunsidra li jabbanduna dik il‑missjoni, il‑Madonna ġiet biex tagħmillu kuraġġ u tgħinu kif kienet wegħditu. Hija dehret lil Ġakbu u lid‑dixxipli tiegħu wieqfa fuq pilastru tal‑ġebla tal‑jaspru, filwaqt li kienet qiegħda żżomm statwa żgħira tal‑injam; xbieha tagħha nnifisha bit‑tarbija Ġesù f’idejha. Dan seħħ fit‑12 t’Ottubru 40 AD. Marija Santissima qalet lil Ġakbu biex ma jinkwetax għax in‑nies li lilhom kien qiegħed jipprietka mhux biss kienu se jikkonvertu, imma għad ikollhom fidi b’saħħitha f’binha Ġesù daqs il‑pilastru li fuqu hija kienet wieqfa. Hija talbet lil San Ġakbu u tmien dixxipli tiegħu biex jibnu knisja fuq dak il‑post, filwaqt li wegħditu li: “Tibqa’ minn dak il‑mument sal‑aħħar taż‑żmien sabiex Alla jagħmel mirakli u għeġubijiet permezz tal‑interċessjoni tiegħi għal dawk kollha li jpoġġu lilhom infushom taħt il‑patroċinju tiegħi.” Jingħad ukoll, li l‑Madonna tat l‑istatwa żgħira tal‑injam lil San Ġakbu. San Ġakbu

Il‑Bażilika tal‑Madonna tal‑Pilar max‑Xmara Ebro.
bena knisja żgħira kif talbet il‑Madonna max‑Xmara Ebro f’Zaragoza, Spanja. Dan kien l‑ewwel Santwarju Marjan magħruf fl‑istorja, magħruf bħala s‑Santwarju tal‑Madonna tal‑Pilastru. Din il‑knisja żgħira tkabbret matul is‑sekli ta’ wara. Il‑bażilka preżenti nbniet fis‑Seklu 17. L‑istess knisja baqgħet fl‑istess post wara nirien, gwerer u diżastri matul is‑sekli. Tliet bombi waqqgħu fuq il‑bażilika matul il‑Gwerra Ċivili Spanjola (1936‑1939), iżda mirakolużament l‑ebda waħda ma splodiet. L‑istatwa li ngħatat lil San Ġakbu u l‑pilastru ġew ippreservati għal aktar minn elfejn sena. Il‑pilastru issa huwa miksi b’kisja tal‑metall intaljat, iżda parti minnu hi esposta għall‑qima ta’ kulħadd.
L-Approvazzjoni tal-Knisja
Id‑dehra tal‑Madonna tal‑Pilastru ġiet rikkonoxxuta bħala kanonika minn Papa Innoċenzu XIII fl‑1723. Iżda, tant kienu qamu kontroversji dwar din id‑dehra u l‑oriġni mirakoluża tal‑knisja li l‑Awtoritajiet Reliġjużi u Ċivili Spanjoli talbu lill‑Papa jsolvi dawn il‑kontroversji. Wara investigazzjoni bir‑reqqa, it‑tnax‑il kardinal, li f’idejhom kienet fdata l‑kwistjoni, adottaw dan ir‑rakkont li kien ġie approvat mis‑Sagra Kongregazzjoni tar‑Riti fis‑7 t’Awwissu 1723 u aktar tard imdaħħal fil‑lezzjonijiet tal‑Uffiċċju Divin tal‑Festa tal‑Madonna tal‑Pilastru, iċċelebrat fit‑12 t’Ottubru. “Mill‑postijiet kollha li Spanja toffri għall‑qima tad‑devoti, l‑aktar magħruf huwa bla dubju s‑Santwarju kkonsagrat lil Alla taħt l‑invokazzjoni tal‑Verġni Mbierka, taħt it‑titlu tal‑Madonna tal‑Pilastru, f’Zaragoza. Skont tradizzjoni antika u qaddisa, San Ġakbu l‑Kbir, immexxi mill‑Providenza fi Spanja, qatta’ xi żmien f’Zaragoza, fejn irċieva sinjal favur mingħand il‑Verġni Marija Mbierka. Waqt li kien qiegħed jitlob mad‑dixxipli tiegħu, lejl wieħed, fuq xatt tal‑Ebro, kif tgħidilna l‑istess tradizzjoni, dehritlu Omm Alla li kienet għadha tgħix, u ordnatlu jwaqqaf oratorju f’dak il‑post. L‑appostlu ma damx m’obda din l‑ordni u bl‑għajnuna tad‑dixxipli tiegħu malajr bena kappella żgħira.
Maż‑żmien inbniet knisja akbar li bid‑dedikazzjoni ta’ San Salvador, tinżamm bħala festa fil‑belt u djoċesi ta’ Zaragoza, f’Ottubru.”
Papa Kalistu III, f’Bolla Pontifiċja tat‑23 ta Settembu 1456, minbarra li ħeġġeġ pellegrinaġġi lejn il‑Knisja tal‑Madonna tal‑Pilar, u kkonferma l‑isem u l‑oriġni mirakoluża, iddikjara indulġenza ta’ seba’ snin għal dawk kollha li jżuru l‑Madonna tal‑Pilar, u jsemmi speċifikament ‘Pilar’, li għall‑ewwel darba jissuġġerixxi l‑eżistenza ta’ xbieha magħrufa bħala l‑Madonna tal‑Pilar. Fis‑sena 1730, Papa Klement XII, ippermetta ċ‑ċelebrazzjoni tal‑Festa tal‑Madonna tal‑Pilar madwar l‑Imperu Spanjol kollu. Ix‑xbieha tal‑Madonna tal‑Pilar f’Zaragoza ġiet inkurunata kanonikament fl‑1905 waqt il‑Pontifikat ta’ Papa Piju X. Il‑festa tal‑Madonna tal‑Pilar f’Zaragoza, fit‑12 t’Ottubru, ġiet introdotta uffiċjalment mill‑Kunsill ta’ Zaragoza fis‑Sena 1640, li mhix biss il‑Patruna ta’ Spanja, iżda wkoll tal‑popli Hispaniċi kollha. Ta’ min igħid li inċidentalment kien fit‑12 t’Ottubru 1492, li Kristofru Kolombu wasal fl‑art Amerikana u ġiet iċċelebrata l‑ewwel quddiesa fl‑Amerika.

Nota: San Ġakbu l‑Kbir kien mar lura Ġerusalemm fejn fis‑Sena 44 AD sofra l‑martirju bil‑qtugħ ir‑ras (Atti 12:I‑2) fiż‑żmien il‑ħakma tas‑Sultan Erodi Agrippa. B’hekk, huwa sar l‑ewwel appostlu li sofra l‑martirju għall‑Fidi Kristjana. F’dik l‑istess sena, diversi dixxipli tiegħu ħadu l‑ġisem tiegħu u reġgħu lura Spanja fejn l‑Appostlu San Ġakbu jinsab midfun.
San Ġakbu l‑Kbir, pittura ta' Guido Reni.
Ritratt: Google Art Project.
Rivista missjunarja b’40 paġna, kollha bil-kulur, maħruġa minn Missio (Uffiċċju Missjunarju) għal aktar minn 80 sena
Aġġorna ruħek fuq id‑Dinja Missjunarja. Abbona fir‑Rivista Malta Missjunarja fejn issib: Aħbarijiet mid-dinja missjunarja | Intenzjoni tax-xahar Esperjenzi missjunarji Maltin u Għawdxin | Ċajt u kompetizzjonijiet

Dan kollu għall‑prezz ta’ €21 għal abbonament ta’ sentejn li jinkludi wkoll Kalendarju MIssjunarju b‘xejn.