
3 minute read
Il‑Qaddisa Tax‑Xahar
Santa Kateri Tekakwitha (Lily of the Mohawks)
F’Għeluq l‑Għaxar Anniversarju mill‑Kanonizzazzjoni
Ir‑ritratt uffiċjali tal‑Vatikan ta’ Kateri Tekakwitha mpinġi mill‑artist Mohawk Jordan Tehaweiakaron Thompson ta’ Akwesasne.
Santa Kateri Tekakwitha hija l‑ewwel nattiva Amerikana li ġiet rikonoxxuta bħala qaddisa mill‑Knisja Kattolika. Hija twieldet fis‑sena 1656, fir‑raħal Mohawk ta’ Ossernenon, fin‑naħa tan‑Nofsinhar tax‑xmara Mohawk fl‑Istat ta’ New York tal‑lum. Ommha kienet Algonquin, li nqabdet mill‑Mohawks u żżewġet kap Mohawk. Meta Kateri kellha erba’ snin qabditha il‑ġidri f’epidemija u din il‑marda ħallitilha ċikatriċi koroh ħafna fuq wiċċha. Dawn kienu sors ta’ umiljazzjoni kbira għaliha f’żgħożitha. Ġeneralment biex taħbi wiċċha, Kateri kienet tilbes kutra. Barra minn hekk, il‑familja kollha tagħha mietet bit‑tixrid tal‑marda. Sussegwentement, Kateri trabbiet minn zijuha, li kien il‑kap tal‑klann Mohawk.
Kateri kienet magħrufa bħala ħaddiema tas‑sengħa, u kienet diliġenti u paċenjuża ħafna. Madanakollu, hija rrifjutat li tiżżewweġ. Meta l‑ġenituri adottivi tagħha pproponewlha raġel għaż‑żwieġ, hija rrifjutat li taċċetta l‑proposta. Għal din ir‑raġuni hija ġiet ikkastigata u tawha aktar xogħol x’tagħmel, iżda hija ma ċeditx. Kateri baqgħet kwieta u diliġenti. Eventwalment, dawn il‑ġenitruri kellhom jaċċettaw il‑fatt li Kateri ma kellha l‑ebda interess ta’ żwieġ. Ta’ 19‑il sena, Kateri kkonvertiet għall‑Kattoliċiżmu, għamlet vot ta’ kastità perpetwu u wiegħdet li tkun ta’ Ġesù biss. Tgħammdet u ħadet l‑isem ta’ Kateri f’ġieh Santa Katerina ta’ Siena. Din id‑deċiżjoni tagħha xejn ma kienet popolari mal‑ġenituri adottivi tagħha u anki mal‑ġirien, li xi wħud minnhom bdew joħolqu fuqha xnigħat li kienet saħħara u twettaq għemejjel ta’ seħer. Biex tevita l‑persekuzzjoni, Kateri kellha tivvjaġġa lejn komunità Indiġena fin‑Nofsinhar ta’ Montreal. Marret toqgħod fir‑raħal tal‑missjoni tal‑Ġiżwiti ta’ Kahnawake, fuq in‑naħa tax‑xmara San Lawrenz fi New France, illum il‑Kanada. Skont il‑leġġenda, Kateri kienet devota ħafna u kienet saħansitra tpoġġi x‑xewk fis‑sodda li fuqha
kienet torqod. Kienet titlob ħafna għall‑konverżjoni ta’ sħabha Mohawks. Skont il‑missjunarji Ġiżwiti, li kienu jservu l‑komunità fejn kienet tgħix, Kateri kienet issum spiss u meta kienet tiekol kienet tħammeġ apposta l‑ikel tagħha biex tnaqqaslu t‑togħma tajba tiegħu. F’okkażjoni waħda, hija ħarqet ukoll lilha nnifisha. Din l‑awto‑mortifikazzjoni kienet komuni fost il‑Mohawk. Kateri kienet devota ħafna u kienet magħrufa għad‑devozzjoni reliġjuża soda tagħha. L‑għemejjel ta’ mortifikazzjonijiet u ċaħdiet tagħha xejn ma għenu lil saħħitha, tant li mardet ħafna. Sfortunatament, ħames snin biss wara l‑konverżjoni tagħha għall‑Kattoliċiżmu, mardet sew u mietet fis‑17 t’April 1680 fl‑età ta’ 24 sena. Skont xi xhieda, mal‑mewt tagħha ċ‑ċikatriċi fuq wiċċċha spiċċaw, u wiċċha deher radjanti u sabiħ. Hija baqgħet magħrufa ħafna għall‑virtù tagħha ta’ kastità u l‑mortifikazzjonijiet tagħha.
Hija ġiet ibbeatifikata fl‑1980 minn Papa Ġwanni Pawlu II u kkanonizzata minn Papa Benedittu XVI fil‑Bażilika ta’ San Pietru Ruma fil‑21 t’Ottubru 2012. Bosta mirakli u ġrajjiet sopranaturali huma attribwiti għall‑interċessjoni tagħha. Ġiet iddikjarata wkoll bħala l‑Patruna tal‑ekoloġija u l‑ambjent, tan‑nies fl‑eżilju u tal‑Indiġeni Amerikani.
Talb lil Alla bl‑Interċessjoni ta’ Santa Kateri Tekakwitha Missier ħanin li tista’ kollox, inroddulek ħajr għax‑xhieda ta’ bintek maħbuba Kateri Tekakwitha. Bil‑ħajja tagħha ta’ safa ħelwa, perseveranza fin‑niket ta’ qalbha, u fiduċja sħiħa u soda fil‑Ħniena Tiegħek, hi saret sinjal għad‑dinja: dinja li għandha tant bżonn ta’ tama. Billi mxiet fuq l‑eżempju ta’ Ibnek Ġesù Kristu, hi ġiet ipperfezzjonata fl‑Imħabba u mimlija b’ħeġġa għar‑Rieda Tiegħek. Issa bl‑Ispirazzjoni tal‑Ispirtu Santu u permezz tal‑Awtorità mogħtija lill‑Knisja tiegħek, dan il‑Ġilju Pur jingħadd fost il‑Qaddisin tiegħek. Jalla nafdaw fl‑Għajnuna Divina Tiegħek imsawba fuqna bl‑Interċessjoni tagħha. Ammen.
Pedro de la Cruz L‑Aħħar Kelmiet ta’ Santa Kateri Tekakwitha: “Ġesù – Marija – Inħobbkom”
Qiegħed nibgħat il‑ħlas ta’ € .................................. permezz ta’ ċekk pagabbli lil Missio Malta biex isiru Quddies fil‑missjoni għar‑ruħ/għall‑erwieħ ta’:
Isem u kunjom: Indirizz:

Belt/ Raħal: Kodiċi Postali:
Tel:
N.B. Napprezzaw il‑kontribuzzjoni ta’ mill‑inqas €5 għal kull quddiesa. Il‑quddies kollu jitqaddes fil‑pajjiżi tal‑missjoni.