1 minute read

Intenzjoni Missjunarja

Ottubru 2022

Għal Knisja iktar miftuħa għal kulħadd.

Nitolbu sabiex il‑Knisja, fidila għall‑Evanġelju u kuraġġuża fix‑xandir, tkun post ta’ solidarjetà, ta’ fraternità u ta’ akkoljenza, u tgħix iktar s‑sinodalità.

Knisja iktar miftuħa, iktar sinodali. Hekk qalilna dan l‑aħħar Papa Franġisku u kif ukoll il‑Kardinal tagħna l‑Em.T. Mons. Mario Grech. U proprju f’dan ix‑xahar, eżattament sittin sena wara l‑Konċilju Vatikan II, il‑Knisja ta’ Kristu mmexxija mill‑Ispirtu s‑Santu qiegħda tiltaqa’ permezz tas‑sinodu tal‑isqfijiet dwar is‑sinodalità.

Il‑Knisja hija s‑sagrament universali tas‑salvazzjoni, kif jgħidilna l‑Konċilju Vatikan II fil‑Kostituzzjoni Dommatika dwar il‑Knisja, ‘Lumen Gentium’, tal‑21 ta’ Novembru 1964 fin‑Numru 9: “Alla ġabar lil dawk kollha li jħarsu lejn Kristu bħala l‑awtur tas‑salvazzjoni u l‑prinċipju tal‑unità u tal‑paċi, u waqqafhom bħala Knisja sabiex din tkun għall‑bnedmin kollha u għal kull wieħed minnhom, sagrament viżibbli ta’ din l‑unità salvifika.” Din il‑komunjoni ekkleżjali hija mibnija fuq il‑fidi, fuq is‑sagramenti u fuq il‑ministeru pastorali (‘Lumen Gentium’ 24). Il‑‘Lumen Gentium’ tkompli turina l‑Knisja bħala misteru, sagrament, qaddisa u Kattolika, appostolika, radikata fi Kristu, il‑Ġisem ta’ Kristu, il‑poplu ta’ Alla, Ewkaristika, ġerarkika u pellegrina. Dan il‑ħsieb insibuh ukoll fil‑Kostituzzjoni Pastorali dwar il‑Knisja fid‑dinja tal‑lum tal‑Konċilju Vatikan II, il‑‘Gaudium et Spes’, tas‑7 ta’ Dicembru 1965, fejn fin‑Numru 5 tgħid li: “Il‑Knisja hija s‑sagrament universali tas‑salvazzjoni li juri u fl‑istess ħin iwettaq

il‑misteri tal‑imħabba ta’ Alla lejn il‑bnedmin.” Papa Franġisku jisħaq dan kollu fl‑enċiklika ‘Fratelli Tutti’: “Bid‑dinamiżmu universali tagħha l‑Knisja tista’ tibni dinja ġdida għax mhijiex xi ħaġa sterili, imma hija l‑aħjar triq biex jinkisbu mogħdijiet effettivi ta’ żvilupp għal kulħadd.” (‘Fratelli Tutti’ Numru 18)

Ejjew mela nitolbu sabiex, aħna bħala Knisja, inkunu iktar miftuħa għall‑oħrajn u dan dejjem fi spirtu ta’ mħabba fraterna: “L‑imħabba taf tistabar u tħenn, l‑imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l‑oħrajn, ma tagħmilx dak li mhux xieraq, ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla, ma żżommx f’qalbha għad‑deni, ma tifraħx bl‑inġustizzja, imma tifraħ bil‑verità, kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L‑imħabba ma tintemm qatt.” (1 Korintin 13:4‑8) 

This article is from: