2 minute read

Apprezzament lil Joseph C Azzopardi

Dr Noel Camilleri

Il-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda

Advertisement

JC, kif kien jafu kulħadd, ma għadux magħna. L-aħbar li waslitli tard il-Ġimgħa filgħaxija kienet waħda li lili ħallietni bla kliem, maħsud u mnikket. Kif ħalliet imnikkta wkoll lill-familja tiegħu li tant għażż u kull min kien jafu u ħadem miegħu. Għalija personali, li JC m’għadux magħna hija telfa kbira peress li f’dawn l-aħħar snin ħdimna ferm viċin flimkien. Bi qsim il-qalb qed nikteb dawn ilkelmtejn għaliex ir-relazzjoni tagħna kienet tmur ferm oltre dik fil-karigi uffiċjali fl-Għaqda. F’ħafna laqgħat li konna nagħmlu dejjem kellna sinerġija waħda: dik biex niksbu l-aħjar għas-soċjetajiet tal-banda, membri tal-Għaqda. Kien hemm affjatament u rabta ferm b’saħħitha. Dejjem lest biex naqsmu l-ideat tagħna u nitgħallmu minn xulxin, imma anke naqsmu l-weġgħat li kellna. Iżda żgur, it-telfa hija ferm akbar għall-familja tiegħu li dejjem għażż u ħabb, u dejjem ħadem biex jara lil martu u lil uliedu ferħana.

Ħafna bħali ser iħossu n-nuqqas ta’ JC għaliex kien persuna li kien dejjem lest li jisma’, dejjem disponibbli li jagħti parir, li jgħin, li jagħti direzzjoni lil kull min jitolbu mingħajr ebda aġendi għajr dik li jkun ta’ servizz u ta’ għajnuna. Ma hemm ebda dubju li l-imħabba, l-impenn u l-ħidma lejn il-fraternità bandistika ser tibqa’. Ser tibqa’ għaliex JC dejjem ta dak kollu li jaf mingħajr ma jħares lejn dak li jkun. Dejjem kien lest biex jara kif jagħmel biex dak li jkun jagħtih kuraġġ u appoġġ. Jagħtih spalla biex jimxi ’l quddiem u fejn ma jistax hu, jara kif jagħmel biex jitlob l-għajnuna mingħand ħaddieħor. Dak kien ilkarattru ta’ Joe.

Il-pinna ta’ JC kienet unika u dan mhux biss filkalligrafija tiegħu imma aktar importanti minn hekk, filmod kif kien jikteb. Joe kien iwassal il-messaġġ b’mod ċar, preċiż u elokwenti fejn kien meħtieġ u mingħajr tlaqliq. Dan dejjem għamlu mingħajr qatt ma uża l-kitba tiegħu biex iweġġa’. Jien, u ħafna nies bħali, nafu li JC kien persuna ta’ galbu u ħadem qatigħ b’ħafna enerġija kull fejn kien, b’mod partikolari fl-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda fejn għal ħafna snin okkupa l-post ferm importanti ta’ Segretarju Ġenerali. Bil-ħidma tiegħu, bla waqfien, flimkien ma’ sħabu tal-Eżekuttiv u l-membri tal-Għaqda, għolla r-rikonoxximent mhux biss tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda imma anke talmijiet ta’ volontiera li jaħdmu fis-soċjetajiet tal-banda u tal-istess soċjetajiet għaliex huwa dejjem għaraf u emmen b’konvinzjoni, l-importanza tagħhom fit-tessut kulturali, soċjali u edukattiv tas-soċjetà Maltija.

Joe kien pilastru għall-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda. Pilastru b’saħħtu, sod u fundamentali fixxogħol tal-Għaqda, dejjem ippreparat u kien persuna li jaf jisma’ u jirrispetta kull opinjoni ġejja minn fejn ġejja. Imma kien ukoll lest u jagħraf jiddeċiedi b’mod kollettiv. Fil-ħidma tiegħu dejjem ħadem mingħajr pretensjonijiet ħlief li jara li l-baned tagħna jkomplu verament jissaħħu anke fl-amministrazzjoni tagħhom. Dan hu l-legat li ħallielna JC. Dan hu l-legat li aħna lkoll għandna nżommu quddiem għajnejna u f’qalbna, u ngħożżu l-entużjażmu li dejjem ħadem bih JC biex flimkien u b’mod kollettiv inkomplu naħdmu ħalli dan il-patrimonju nipproteġuh u nsaħħuh.

F’ismi personali, f’isem sħabi kollha tal-Eżekuttiv talGĦNKB u f’isem il-membri tagħha, nagħti l-kondoljanzi mill-aktar profondi u mill-qalb lil martu, lil uliedu u lillfamiljari kollha għal din t-telfa hekk kbira tal-għażiż Joe. Naf li Joe mar jiltaqa’ mal-għażiża bintu u ser jibqa’ jħares fuqna bl-akbar għożża u mħabba.

GRAZZI TA’ KOLLOX JOE!

GRAZZI JC!

Inħeġġu lill-Membri u ’l-Partitarji sabiex jarmaw il-bjut u l-galleriji tagħhom bil-kuluri ħodor u sofor filwaqt illi jtellgħu l-bnadar u jixegħlu l-globi u l-fustuni, iżda fuq kollox jarmaw xi inkwatru bi xbieha tal-patrun tagħna, San Pietru

This article is from: