
6 minute read
Il-Ħoss tal-Banda, Duwa fi Żmien Pandemija Kerha
Pietru: Ħarisna mill-Ħsarat u l-Vizzjijiet
Il-Ħoss tal-Banda, Duwa fi Żmien Pandemija Kerha
Advertisement
Mro. Michael Bugelli ATCL
Għeżież Birżebbuġin u ammiraturi tasSoċjetà tagħna
Meta sena ilu kienu talbuni nikteb ilmessaġġ għall-ktieb tal-festa, kien hemm xaqq kbir ta’ dawl li l-pandemija kienet bħal qisha qed tnin. Infetaħ l-ajruport u bdew isiru l-attivitajiet saħansitra anke l-festi. Il-każijiet ta’ infezzjonijiet bdew jonqsu u bdejna nagħmlu kuraġġ. Bdejna naħsbu li sal-Milied din il-pandemija kellha tkun storja oħra fil-ktieb tal-istorja tal-bniedem. Il-gvern beda jagħti l-permess biex isiru l-festi u l-marċi. Għalkemm il-baned u l-għaqdiet tal-festa kienu għarkupptejhom xorta waħda ġabru l-aħħar sforzi tagħhom, qamu għall-okkażjoni u ċċelebraw mill-aħjar li setgħu. Dan seħħ għal dawk li ċċelebraw il-festa tagħhom bejn l-ewwel Ħadd ta’ Lulju u l-aħħar Ħadd ta’ Lulju. Imma meta wasal it-Tnejn 27 ta’ Lulju, il-jum li fih is-soltu niċċelebraw il-Ħruġ min-Niċċa tal-vara tagħna, fuq ilbulletini tal-aħbarijiet bdiet tiġri l-aħbar li kien hemm xi party f’lukanda Maltija li minnha ġew infettati bosta nies u li dawn in-nies sussegwentement kienu infettaw nies oħra anke f’attività festiva li kiene organizzata matul dik l-istess ġimgħa.
M’għandniex xi ngħidu. Qalbna għamlet tikk. Ilfesta li kien imiss kienet dik tagħna ta’ San Pietru ta’ Birżebbuġa. Konna ppreparati li niċċelebraw festa modesta imma sabiħa, kemm barra imma anke ġewwa. Il-Ġimgħa konna se nagħmlu l-marċ bid-dimostrazzjoni tal-vara proprjetà tagħna u din kienet se tkun speċjali għax konna se nġibuha mill-Belt Valletta akkumpanjata mill-bċejjeċ tal-baħar; is-Sibt konna se nagħmlu marċ f’mass band mal-banda l-oħra ta’ Birżebbuġa u mbagħad l-Għaqda tan-Nar 22 ta’ Frar kellha taħraq in-nar tal-art; u l-Ħadd konna se nakkumpanjaw bilbanda tagħna l-vara titulari fil-pellegrinaġġ li kellu jsir min-naħa tal-knisja u l-għaqdiet flimkien. Imma kif konna qed nobsru, il-gvern kellu jerġa’ jimponi miżuri ta’ mitigazzjoni u l-permessi għall-marċi u n-nar ġew irtirati f’kemm trodd salib. L-unika konsolazzjoni kienet li lħaqna akkumpanjajna l-vara ħelwa fil-festa sekondarja tal-Madonna tad-Duttrina ta’ Ħal Tarxien. Li kieku saret il-festa tagħna konna nkunu l-unika banda li konna ndoqqu darbtejn f’żewġ pellegrinaġġi differenti u l-ewwel għaqda tan-nar illi ħarqet nar tal-art fl-istaġun sajfi tal-festi tas-sena li għaddiet.
Ix-xitan ma ħamilx. Meta kollox kien lest biex niċċelebraw flimkien, fid-dawl ta’ dak li kien qiegħed jiġri f’pajjiżna, il-Kumitat Eżekuttiv ħass il-ħtieġa li jikkanċella kull attività esterna, u dan qabel malgvern ħareġ id-direttivi tiegħu ta’ miżuri. Kulħadd kien imnikket. Aħna li nieħdu ħsieb il-banda ħadna kedda għalxejn fil-preparazzjoni tal-libretti u l-uniformijiet u fil-preparazzjoni tal-bandisti tal-post u dawk mistiedna. Tan-nar, imsieken, wara li kienu diġà ħawlu l-kanen u waqqfu l-irdieden tan-nar tal-art fil-pjazza taħt xemx taħraq, kellhom iżarmaw kollox mill-ġdid mingħajr ma ħadu l-ebda sodisfazzjon. Dispjaċir, dwejjaq u diżappunt. Għadda ż-żmien, wasal Diċembru u bdejna nieħdu pjaċir insellmu lis-sena 2020 biex nilqgħu b’tama kbira l-2021, imma jekk tneħħi l-vaċċin, s’issa din is-sena hija kopja sħiħa bħal dik ta’ qabilha. Xejn festi, xejn attivitajiet, ftit li xejn mużika, forsi ngħid imnalla kien in-nar li qed jimla l-ħafna vojt tad-dilettanti. Madankollu l-entużjażmu huwa wieħed tqil. Għadna ’l bogħod minn dak li veru nixtiequ. Id-dilettanti qed jiċċaħdu minn kollox, anke minn ċelebrazzjonijiet oħra bħal dawk tal-Ġimgħa Mqaddsa. Jekk xejn, dan iż-żmien qed jurina kemm Malta ma tiswa xejn mingħajr il-kultura tagħha. Ir-ruħ tagħna swiedet u ħajjitna saret waħda monotona, mingħajr kulur. J’Alla li din is-sitwazzjoni tiftħilna għajnejna sabiex nindunaw kemm huwa ikrah meta wieħed jipprova joqtol xi tradizzjoni. S’issa jidher li l-vaċċin qed iħalli impatt fuq is-saħħa tan-nies. L-infezzjonijiet jidhru li qed jonqsu sew u l-gvern qiegħed bil-mod il-mod jirrilaxxa aktar miżuri anke jekk b’iktar kawtela mis-sena li għaddiet. Sakemm qed nikteb dan il-messaġġ, ma saret l-ebda festa. Qed isir in-nar u ħafna nies qed jieħdu pjaċir bih. Qed isiru l-festi ta’ ġewwa, sħaħ kif inhu xieraq, mhux il-quddiesa solenni tal-festa biss bħas-sena li għaddiet. Il-mużika tal-banda però tidher li se tkun l-iktar ħaġa li se tkun ħadet daqqa ta’ ħarta. Saru xi programmi u kunċerti żgħar kif ukoll rekordings minn xi baned taħt protokolli stretti ħafna imma mill-bqija xejn ta’ kbir. Ilfesti se jkunu kwieti ħafna, kważi xejn, mejta. Ftit nar, forsi ftit armar ukoll, għall-inqas b’ċelebrazzjonijiet interni sħaħ jew kważi imma l-ħoss tal-banda se jkun veru ftit, ftit li xejn u ironikament huwa l-iktar aspett talfesta li qiegħed f’periklu.
Il-banda Maltija kienet diġà f’periklu qabel ilpandemija u wara din il-pandemija jekk mhux se middu jdejna se naraw konsegwenzi koroh ħafna li se jpoġġu lill-baned f’test kbir ta’ sopravvivenza. Innumru ta’ bandisti hemm ċans li jaqla’ daqqa t’isfel kbira. M’hemmx stimolu. Il-baned iridu jagħmlu eżami tal-kuxjenza u jmilu quddiem din ir-realtà. Id-diskors bla sens li jsir fuq il-bandisti jrid jieqaf anke f’fora li suppost il-banda tittieħed b’serjetà. Ħafna nies jitkellmu u jċarrtu bl-addoċċ mingħajr huma stess qatt ma kienu bandisti. Min irid ikun jaf x’jiġifieri tkun bandist l-ewwel imur jitgħallem u jistudja u mbagħad fil-ġimgħa talfesta b’uniformi qmis bajda u qalziet iswed imur idoqq għal ħin twil fil-banda minflok jieħu pjaċir mal-familja
u mal-ħbieb kif jagħmlu ħafna b’xi flixkun birra kiesaħ f’idejhom. Iż-żmien li jsir rikatt u ksuħat mal-bandisti dalwaqt jispiċċa. Kull banda se jkollha ddur il-politika tagħha u trid tara kif lill-bandist tal-post iżżommu fuq wiċċ l-idejn, mhux b’kapriċċ imma bi dmir, kif kellu jkun minn dejjem. Il-Kumitati jridu jibdew jindirizzaw ċerta imġiba u attitudni żbaljata mill-partitarji tagħhom filkonfront tal-banda u l-bandisti. Għad hawn min għadu jaħseb li l-banda hija tal-bandisti u tas-surmast biss. Ilbanda hija ta’ kulħadd u kull min irid il-banda fil-festa mhux biss irid iġib rispett lejn il-mużika u lill-bandist imma jrid imidd idejh u jgħin fil-loġistika tagħha. Jeħtieġ jieqaf il-paroli fil-vojt, il-kliem satiriku kemm f’fora lokali u anke dawk nazzjonali. Hemm bżonn illi l-mużika tiġi diskussa b’serjetà kullimkien. Min ma jħossux talbanda imma mbagħad għandu sehem prinċipali f’xi banda għandu jagħmel sforz u jipprova jifhem u jieħu ftit iktar interess inkella jagħmel pjaċir lilu nnifsu u minflok wieħed joqgħod ittellef lill-oħrajn jew iwaqqa’ kollox għar-ridikolu, jieħu ftit paċenzja, jillarga ftit u jħalli lil min hu kompetenti jaħdem u jwassal għat-tmiem il-proġett. Is-serjetà u l-iżvilupp tal-banda jibda mis-serjetà tannies, mill-membri u iktar importanti minn dawk li huma parti minn xi għaqda tal-banda.
Iktar ’il fuq semmejt li kien hawn baned li tellgħu programmi u kunċerti anke jekk kien hemm restrizzjonijiet kbar. Din is-sena bħal ħafna baned oħra kellna nħallu bosta marċi u programmi barra. Ma stajniex nagħmluhom. Madankollu, bi pjaċir u b’sens kbir ta’ kburija ngħid li l-banda tagħna kienet waħda mill-ewlenin li mhux biss tellgħet sempliċi kunċert imma se ttella’ kunċert ta’ livell għoli fil-Katidral Metropolitan tal-Imdina. Kienet it-tieni darba li l-banda tagħna daqqet f’dan it-tempju maestuż, ikona tal-Kristjaneżmu ta’ Malta. Nhar is-Sibt 24 ta’ Lulju 2021 il-banda tagħna se tippreżenta għall-ewwel darba l-oratorju mużikali ‘Divo Petro’ b’mużika tas-Surmast Onorarju Ray Sciberras fuq versi tal-poeta Sebastian Saliba. Dan huwa xogħol kbir miktub apposta għall-banda b’siegħa u nofs mużika mill-aktar profonda, b’temi u ritmi mirquma fl-orkestrazzjoni tal-banda mużikali. Huwa oratorju b’idjoma mużikali romantika fl-istess ħin moderna u kontemporanja. Jispikkaw fost l-oħrajn l-Introduzzjoni, il-Marcia Romana, it-Tema tal-Battalja u l-Final. Tassew xogħol li jsaħħrek bis-sehem ta’ diversi vuċijiet solisti u żewġ korijiet, wieħed minnhom tat-tfal. Xogħlijiet simili bħal dan qegħdin biss għand ftit soċjetajiet li jsejħu lilhom infushom ‘antiki’, ta’ ’l fuq minn mitt sena mentri s-soċjetà tagħna tellgħet dan ix-xogħol fi żmien tletin sena minn mindu ġiet imwaqqfa. Tassew għandna biex inkunu kburin. Ħolma oħra se ssir realtà.
Bħalissa qed nevalwaw proġetti oħra b’risq ilbanda. Sfortunatament il-COVID għamlilna ħerba mill-pjanijiet li kellna imma determinati li lanqas din il-pandemija ma nħallu li ttellifna. Kellna diversi festi kbar ippreparati għat-tletin sena anniversarju imma bilCOVID kellna nċaqalqu diversi inizjattivi. Nittamaw li l-affarijiet jaġevolawna sabiex inkunu nistgħu nwettqu dak li għandna f’rasna u nkomplu ngħollu ’l fuq isem il-banda u s-soċjetà tagħna.
MANUEL GARAGE
