1 minute read

Kif Jaħsibha s-Segretarju Ġenerali

Henry Bonnici

Ma tantx jien bniedem negattiv, imma kif tara li għat-tieni sena konsekuttiva se jkollna niċċaħdu miċ-ċelebrazzjoni tal-festa titulari minn kif nafuha, tibda tistaqsi u fil-verità tiddubita l-iskop illi tkun qed teżisti. Għax bosta mill-għanijiet ewlenin tas-soċjetà mhumiex qegħdin jintlaħqu. It-tagħlim mużikali ma baqax għaddej in persona, il-bottegin fejn jiltaqgħu l-membri spiċċa bosta xhur magħluq, u dan minkejja li dejjem tajna kas ta’ kull protokoll maħruġ mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, il-Banda Birżebbuġa waqfet milli tiltaqa’ għall-provi u għas-servizzi u l-festa, għal sena, sentejn... ma saritx.

Advertisement

X’ħajja din hux?! Dak illi tkun taħseb illi jiġi b’mod awtomatiku ta’ kull sena, f’daqqa waħda titilfu kollu!

Madankollu, matul dawn ix-xhur deher l-ispirtu tal-membri tagħna, illi minkejja kollox iltaqgħu sabiex tkompli l-ħidma fil-każin. Mill-ħażin tieħu li tista’ jgħid ilqawl Malti u bis-saħħa tal-membri tagħna dak illi ġara, għax b’hekk illum il-każin tagħna nbidel ħafna għallaħjar strutturalment.

Grazzi lilkom membri, partitarji u benefatturi talli fhimtuna u grazzi talli b’mod volontarju ċċaħħadtu mill-familji u l-għeżież tagħkom sabiex tqattgħu ħafna mill-ħin tagħkom hawn, fit-tieni dar tagħna sabiex meta erġajna ftaħna lqajna lill-membri u lill-partitarji f’binja ħafna isbaħ u aħjar minn kif konna nilqgħuhom qabel għalaqna minħabba l-pandemija. Ma rridx ninsa nirringrazzja wkoll lillpoplu kollu ta’ Birżebbuġa li kkonkorra bi ħġaru kull meta ħabbattna l-bibien meta ġejna niġbru xi donazzjoni u lilkom illi ta’ kull ġimgħa tgħinuna bil-lotterija li qed norganizzaw. Bħalma lkoll nafu, id-dħul naqas u għalhekk b’dawn l-inizjattivi tkunu qegħdin tgħinuna ħafna.

Inħeġġiġkom ilkoll tibqgħu siguri u ibżgħu għal saħħitkom u saħħet l-għeżież tagħkom ħalli jekk Alla jrid, bl-interċessjoni tal-patrun tagħna San Pietru Appostlu ma ndumux ma nirritornaw għan-normal u din is-sitwazzjoni nħalluha warajna, u nkunu nistgħu inkomplu bil-ħidma fis-soċjetà u niċċelebraw il-festa ta’ San Pietru kif aħna mdorrijin.

Nagħlaq billi nirringrazzja lil sħabi kollha tal-Kumitat Ċentrali, is-sezzjonijiet, il-familja kollha tiegħi u l-familji kollha tagħna. Grazzi lill-membri, partitarji u benefatturi kollha kif ukoll lill-Kappillan u l-kleru kollu tal-parroċċa. Insellem lis-Supretendent, l-Ispettur u l-Korp tal-Pulizija kif ukoll lill-esponenti tal-Għaqda Mużikali San Pietru filKtajjen u l-Grupp Armar 1 t’Awwissu, b’tama li nkomplu naħdmu u nikkollaboraw flimkien aktar minn qatt qabel hekk kif jgħaddi dan iż-żmien diffiċli.

Il-festa t-tajba lill-poplu kollu ta’ Birżebbuġa, speċjalment lilkom morda u anzjani.

This article is from: