
2 minute read
Introduzzjoni mill-President
Chev. Alexander Caruana OSJ
Minkejja li sfortunatament ma nistgħux niċċelebraw il-festa kif nagħmlu s-soltu, xorta waħda f’dawn il-ġranet ser inkunu qed ningħaqdu flimkien biex nagħtu ġieħ lillmaħbub patrun tagħna San Pietru fil-Ktajjen. U naħseb li din is-sena tajjeb li nirriflettu ftit x’inhu l-veru skop li ssir il-festa.
Advertisement
Irridu nammettu li, iktar ma jgħaddi ż-żmien, il-festi tagħna iktar bdew jitilfu l-iskop ewlieni tagħhom. Għax x’inhu l-iskop li nagħmlu festa lill-patrun tal-parroċċa tagħna? Kull parroċċa fid-dinja tkun iddedikata lillpatrun jew patruna bl-iskop li l-parruċċani jitgħallmu mill-ħajja ta’ dak il-qaddis jew qaddisa. Fil-każ tagħna għandna x-xorti li għandna qaddis li għandu ħafna x’jgħallimna. Lil San Pietru jien narah bħala dak ilqaddis li kien verament raġel bħalna bid-difetti ta’ kull bniedem, ma kellu xejn speċjali, la kien xi wieħed bravu fl-iskola, la kien xi bniedem sinjur, la kien xi bniedem popolari imma kien bniedem ħaddiem li biex jgħajjex lil familtu kien ikollu jmur ta’ kuljum jistad biex jaqla’ l-għajxien. Però, meta ltaqa mal-imgħallem Ġesù, Kristu ra ħafna virtujiet fih. Ra li Xmun, li wara semmieh Pietru, kien raġel fuq l-irġiel, meta jagħmel żball, jiddispjaċih u jagħmel minn kollox biex ma jerġax. Kien bniedem li kien jibża’, imma meta mbagħad fih daħal l-Ispirtu s-Santu, nhar Għid il-Ħamsin, bla biża’ ta’ xejn, beda jipprietka u kompla jxandar l-aħbar it-tajba talEvanġelju. Kien bniedem li kien kapaċi jieħu deċiżjoni u ta’ dan, Ġesù ħatru bħala l-ewwel mexxej tal-Knisja tiegħu. Qallu; “Inti tkun il-blata”, għax fih ra bniedem sod fil-fidi li saħansitra kien lest li jieħu l-martirju għallfidi tiegħu.
U kien bniedem li kien lest li jħalli kollox biex jimxi wara l-Mulej. U llum nistaqsi, imma aħna li tant inħobbuh lil San Pietru, qegħdin nippruvaw ngħixu bħalu? Qegħdin nagħmlu ħilitna kollha biex il-fidi li ngħatajna fil-Magħmudija nkomplu nsaħħuha u li nkunu ta’ eżempju għall-oħrajn? Propju dan huwa dak li San Pietru jrid minna din is sena. Qed jgħidilna issa se jkollkom ċans din is-sena li tiġu żżuruni l-knisja. Mhux se jkollkom x’tagħmlu barra għax il-festa ta’ barra mhix se ssir. Mela ejjew flimkien, immaterjali ma’ liema kulur nappartjenu, ningħaqdu flimkien biex nagħmlu festa speċjali lill-patrun tagħna u nitolbuh jgħinna fiż-żmien diffiċli li għaddejjin minnu.
Din is-sena apparti li kellna l-Oratorju Divo Petro, ħdimna biex nagħlqu x-xogħlijiet I-kbar li kellna filkażin u issa nistgħu nkunu kuntenti li għandna każin kbir u sabiħ li jixraq lil soċjetà bħal tagħna. Soċjetà li bdejnieha mix-xejn 31 sena ilu u llum kibret u saret waħda mill-iktar popolari fil-gżejjer Maltin. Dan kollu hu mertu għal tant nies li bl-għajnuna tagħhom, dak kollu li dejjem ħlomna, stajna nagħmluh realtà.
Jien, minn qalbi, nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba, filwaqt li nirringrazzja lil sħabi kollha talkumitat, speċjalment lis-Segretarju u lit-Teżorier li tant naħdmu flimkien, lill-kummissjonijiet kollha fi ħdan is- soċjetà tagħna, lis-surmast, bandisti u soċi kollha, lil sħabi l-President, Kumitat, soċi u bandisti tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen tal-kollaborazzjoni sħiħa li jaħdmu biha maghna, lill-W.R. Kappillan u lill-Kleru, lis-Sindku, Viċi Sindku u sħabi kollegi kunsilliera u lill-poplu kollu ta’ Birżebbuġa, li minn dejjem jagħtina l-għajnuna u l-appoġġ tiegħu.
Fl-aħħar u b’dedika speċjali lill-għażiża mara tiegħi Charlotte tal-paċenzja kbira li tieħu biex jien inkun nista’ nlaħħaq mal-impenji kollha tiegħi, u liż-żewġ uliedi. Jalla San Pietru jżomm idejh fuqna u jibqa’ jipproteġina u jitlob għalina biex nibqgħu magħqudin taħt il-ħarsa ħelwa tiegħu.
Viva San Pietru u Viva Birżebbuġa!
Il-Kumitat Ċentrali flimkien mas-Sezzjonijiet jawguraw il-festa t-tajba lill-membri kollha tas-soċjetà u lill-poplu kollu ta’ Birżebbuġa flimkien mal-villeġġjanti u t-turisti li jżuru Birżebbuġa fix-xhur tas-sajf. VIVA SAN PIETRU APPOSTLU FIL-KTAJJEN, IL-PATRUN TA’ BIRŻEBBUĠA!