Familja Ahjar 2023

Page 1

familja aħjar

BUDGET 2023 NUMRU 02

Sinjuri, merħba għat-tieni fuljett tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal FAMILJA AĦJAR. Dan is-suppliment annwali għandu l-għan li joħloq għarfien dwar il-miżuri mħabbra fl-aħħar budget li jkun ġie mħabbar fi tmiem is-sena preċedenti. F’din it-tieni edizzjoni qed nippreżentaw 21 miżura li jolqtu direttament jew indirettament lil familji u/jew individwi Maltin u Għawdxin fis-saffi kollha tas-soċjetà.

IL-MIŻURI TAL-BUDGET 2023

01

Żieda għall-pensjonanti Maltin u Għawdxin li din is-sena ser titla’ għal €12.50 fil-ġimgħa inkluż il-COLA.

Qed tkun implimentata f’Jannar 2023.

02

Ser ikompli l-proċess li tnieda fl-2022 biex b’mod gradwali, il-bonus għall-għoli tal-ħajja jibda jitħallas sħiħ lill-pensjonanti kollha li rtiraw wara l-2008.

Qed tkun implimentata f’Jannar 2023.

03

Ser jiżdied għal darb’oħra b’€200 l-ammont eżentat mill-amoont oriġinali ta’ pensjoni tas-servizz li jiġi injorat fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali. B’hekk matul l-2023, is-somma eżentata għal dan l-iskop se tkun qed titla’ għal €3,266.

Se tkun implimentata minn Frar 2023 ’il quddiem.

04

Il-pensjonanti tas-servizz li għandhom 72 sena jew aktar ser ikomplu jgawdu mit-titjib li kien introdott f’dawn l-aħħar sentejn dwar il-parti tal-pensjoni tas-servizz li jkunu kkommutaw biex jieħdu s-somma. Din issa qed tkun eżentata kollha.

Se tkun implimentata minn Frar 2023 ’il quddiem.

05

Aktar aġġustament b’mod gradwali fir-rata tal-Pensjoni tar-Romol biex sal-aħħar tal-leġiżlatura din tkun ekwivalenti għall-pensjoni tal-konjuġi tagħhom li jkun ġie nieqes.

Qed tkun implimentata minn Jannar 2023 ’il quddiem.

06

Ħaddiema li qed jirċievu Pensjoni tar-Romol għax kienu romlu ta’ età żgħira ser ikunu intitolati għall-benefiċċji kontributorji tal-qgħad, mard jew korriment fuq ix-xogħol, jekk jiġu bżonnhom u skont il-ħlas tal-bolla.

Se tkun implimentata minn Marzu 2023 ’il quddiem.

2

Se jibdew jingħataw sentejn krediti ta’ bolol lil kull min ma jkunx ħadem għal xi perjodu bejn l-età ta’ 18-il sena u l-età ta’ 30 sena u jkun iċċertifikat li matul dak il-perjodu jkun irċieva kura regolari minn psikjatra li jkun jew li kien konsulent impjegat mal-Gvern.

Se tkun implimentata minn April 2023 ’il quddiem.

08

Jiżdied b’€50 il-bonus ta’ kull sena għal persuni li jkunu laħqu l-età tal-irtirar iżda ma jikkwalifikawx għall-pensjoni għax ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet. Fl-2023, il-bonus għal dawk li ħallsu anqas minn 5 snin kontribuzzjonijiet ser jitla’ għal €450 fis-sena waqt li għal persuni li ħallsu aktar minn 5 snin imma anqas minn 10 snin bolol, il-bonus ser jiżdied għal €550 fis-sena.

Se tkun implimentata f’Marzu 2023.

09

Qed ikunu vvutati €8 miljun oħra sabiex ikomplu jsiru l-pagamenti dovuti lill-eks ħaddiema tal-Korpi li wara kienu daħlu fis-servizz pubbliku, apprentisti u studenti ħaddiema. B’dan il-pagament ta’ din is-sena dawn se jkunu magħluqa wkoll.

Se tkun implimentata f’Novembru 2023.

10

Se jkomplu jiġu segwiti l-każijiet tal-eks Ħaddiema tal-Korpi li wara daħlu mas-settur pubbliku, eks ħaddiema tal-Gas Board u eks apprentisti tal-MEB u l-eks ħaddiema tat-Telemalta.

Se tkun implimentata f’Novembru 2023.

11

Matul din is-sena se tkompli tiżdied l-allowance tat-tfal b’€90 għal kull wild bħala parti mill-wegħda li tkun żdiedet gradwalment din l-allowance b’€450 tul il-leġiżlatura kollha.

Qed tkun implimentata f’Jannar 2023.

12

Sal-lum il-Foster Care Allowance tieqaf immedjatament malli l-ġenitur jaddotta idealment iżda mill-2023 il-benefiċċju mhux ser jibqa’ jieqaf mal-ewwel iżda ser jibda jonqos gradwalment fuq perjodu ta’ erba’ snin jew sakemm il-wild jagħlaq il-21 sena, liema tiġi lewwel. B’dan il-mod, fl-ewwel sena taladozzjoni, jibqa’ jitħallas 80% tal-allowance tal -fostering, 60% fit-tieni sena, 40% fit-tielet sena u 20% fir-raba’ sena rispettivament.

Se tkun implimentata minn Marzu 2023 ’il quddiem.

3 07

Persuni li jgħixu fuq l-assistenzi soċjali bdew jirċievu għall-ewwel darba ż-żieda għall-għoli tal-ħajja sħiħa. Għaldaqstant minn din is-sena, dawn il-persuni mill-ġdid ser jirċievu ż-żieda għall-għoli tal-ħajja sħiħa. B’hekk dawn l-għajnuniet se jiżdiedu wkoll b’€9.90 fil-ġimgħa.

Qed tkun implimentata f’Jannar 2023.

14

Aktar titjib fit-tapering tal-benefiċċji tal-persuni fuq id-dipendenza soċjali, billi kull persuna konċernata se tibqa’ tirċievi 10% aktar tal-benefiċċju matul tlett snin. B’hekk fl-ewwel sena tax-xogħol jibqa’ jirċievi 75% tal-benefiċċju, fit-tieni sena 55% u fit-tielet sena 35% rispettivament.

Qed tkun implimentata f’Jannar 2023.

15

Sal-lum, persuni li ma jkunux f’impjieg u li jkunu qed jirċievu, jew il-benefiċċju kontributorju tal-qgħad jew tal-mard ma jistgħux jibbenefikaw ukoll għall-Assistenza Medika non-kontributorja. Minn din is-sena se jkunu jistgħu jiġu intitolati għall-Assistenza Medika non-kontributorja wkoll, anke jekk ikunu jirċievu xi wieħed minn dawn il-benefiċċji kontributorji u jekk ma jkunux qed jaħdmu.

Qed tkun implimentata f’Jannar 2023.

16

Żieda fil-Carers Grant. Dan il-benefiċċju issa qed jiżdied minn €500 għal ftit aktar minn €4,500 fis-sena u ser jibda jitħallas kull tliet xhur.

Se tkun implimentata f’April 2023.

17

Persuni li jikkwalifikaw għall-Allowance tal-Carers miżjuda jew għall-Allowance tal-Carers mhux miżjuda, sal-lum jikkwalifikaw għall-krediti tal-bolol li jgħoddu għall-pensjoni għall-perjodu li jkunu qed jieħdu xi waħda minn dawn l-allowances. Dan, jekk qabel dan iż-żmien ikunu ħallsu medja ta’ mill-anqas 20 bolla fis-sena minn meta għalqu t-18-il sena ’l quddiem. Mis-sena d-dieħla, din il-medja se tinżel għal 15-il bolla fis-sena bħalma hi fil-każ tad-dritt għall-pensjoni taż-żewġ terzi biex b’hekk aktar persuni li jkunu qed jagħmlu s-sagrifiċċju li jitilqu mid-dinja tax-xogħol biex jieħdu ħsieb anzjan qarib tagħhom, hekk se jibdew jibbenifikaw minn dawn il-krediti.

Se tkun implimentata f’Awwissu 2023.

18

Krediti tal-bolol għal dawk fuq l-Allowances tal-Carers. Jekk xorta ma jkunx hemm persuni li ma jikkwalifikawx għall-krediti b’dan il-kejl, lil min ma jkunx jikkwalifika għall-krediti, xorta se jibda jirċievi sa 4 snin krediti ta’ bolla.

Se tkun implimentata f’Awwissu 2023.

5 13

Krediti tal-bolol għal dawk fuq l-Allowances tal-Carers. Min qed jieħu xi waħda mill-allowances tal-carers se jibda jingħata l-opportunità li jekk ikollu bżonn, iħallsu sa 5 snin bolol neqsin meta jagħlqu d-59 sena. Dan sabiex itejbu d-dritt tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom meta jilħqu l-età tal-irtirar.

Se tkun implimentata f’Marzu 2023.

20

F’ċirkostanzi fejn persuni li jkunu qed jgħixu flimkien ikollhom restrizzjonijiet legali biex jirreġistraw il-koabitazzjoni tagħhom, se jkun qed isir tibdil sabiex persuni li jkun ippruvat li ilhom jgħixu flimkien bħala koppja għal millanqas 10 snin, ikunu meqjusa bħala li jgħixu f’koabitazzjoni reġistrata u għalhekk jistgħu jibdew jikkwalifikaw għall-Allowances tal-Carers.

Qed tkun implimentata f’Jannar 2023.

21

Benefiċjarji Soċjali meta jieħdu ħsieb qarib anzjan. Persuni singoli li jkunu jgħixu għal rashom fuq l-assistenza soċjali u jmorru jgħixu ma’ qarib anzjan biex jieħdu ħsiebu, jekk jikkwalifikaw għall-Allowance għal Carers mhux miżjuda, sal-lum qed ikollhom tnaqqis fid-dħul tagħhom. Dan jiġri minħabba li ma jibqgħux intitolati għall-assistenza soċjali għax ma jibqgħux il-kap tal-familja waqt li r-rata tal-allowance li jibdew jirċievu tkun anqas. Minn Jannar qed isir tibdil li bih dawn il-persuni xorta jibqgħu jirċievu l-istess ammont ta’ benefiċċju li kienu jirċievu qabel. B’hekk se titneħħa din l-anomalija.

Se tkun implimentata f’April 2023.

FAMILJA AĦJAR

ĦAJR Qari tal-provi Grazio Barbara Direttur Ġenerali Sors ta’ Informazzjoni Gertrude Farrugia Assistenta Personali mad-DĠ Denise Fiorentino

Grafika tal-produzzjoni Peter Miceli Saydon Prinċipal Distribuzzjoni tal-materjal Archibald Attard Uffiċjal fi Grad 10

Editur Media MSPC Tonio Bonello

FAMILJA AĦJAR hi pubblikazzjoni maħruġa mit-Taqsima tal-Komunikazzjoni tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal. Valletta, Malta.

FAMILJA hi l-marka uffiċjali tal-pubblikazzjonijiet kollha tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal. Ma’ FAMILJA AĦJAR produzzjoni ta’ darba f’sena dwar il-Miżuri tal-Budget, ikunu pubblikati is-SUPPLIMENT SPEĊJALI

FAMILJA li joħroġ darba f’sena, RIVISTA

FAMILJA li toħroġ kull tliet xhur u issa wkoll, il-fuljett ta’ kull tlett xhur ĠEMMA.

Jekk tixtieq aktar tagħrif jew trid tagħmel kuntatt magħna tista’ tiktbilna fl-indirizz elettroniku; familja.media@gov.mt

6 19

Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.