
1 minute read
Ottubru Roża

Breast Cancer Awareness Campaign Ottubru Roża
T o n i o B o n e l l o Ix-xahar ta’ Ottubru llum il-ġurnata huwa sinonimu mal-attività annwali Breast Cancer Awareness Campaign u kif sar matul dawn l-aħħar snin, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ħaseb biex jiddedika l-jum tal-Ġimgħa 21 ta’ Ottubru proprju għal dan il-għan.
F’din l-okkażjoni l-impjegati kollha tal-Ministeru kienu mħeġġa jidħlu għax-xogħol bi ħwejjeġ jew aċċessorji ta’ lewn roża u billi jagħtu donazzjoni ta’ €3 jew aktar. Din is-sena s-somma li nġabret kienet ta’ €774.40 li dawn marru għall-kampanji ta’ għarfien u riċerka dwar il-kanċer tas-sider. Ir-ritratti inklużi hawn juru wħud mill-impjegati tagħna waqt din l-attività.
Ta’ min jgħid li l-Breast Cancer Awareness Campaign u Pink October oriġinaw 37 sena ilu meta fl-1985 is-Soċjetà Amerikana dwar il-Kanċer u d-diviżjoni farmaċewtika tal-industrija Imperial Chemicals (illum produtturi tal-AstraZeneca) kien ħasbu biex jibdew jippromwovu l-importanza tal-Mammografija fost in-nisa bħala mod effettiv kif is-soċjetà tista’ tikkumbatti żieda dejjem akbar ta’ kanċer tas-sider.

Tmien snin wara, Evelyn Lauder, Viċi President u Senior Corporate tal-kumpaniji Estèe Lauder nidiet il-Fondazzjoni ta’ Riċerka dwar il-Kanċer tas-Sider u bħala simbolu ta’ din il-Fondazzjoni kienet introduċiet lid-dinja l-famuża żigarella roża, jew aħjar kif inhi magħrufa aktar bl-Ingliż, il-pink ribbon.
L-idea tal-kampanja ta’ għarfien dwar il-kanċer tas-sider ippreżentata fuq binjiet imdawla u strutturi oħra bħal attrazzjonijiet tal-massa ironikament ma bdietx minn fuq xi binja, iżda fuq ajruplan. 12-il sena ilu, ajruplan tal-linja tal-ajru Delta (N845MH) tal-għamla Boeing 767 kien inżebaħ bil-kuluri tal-Fondazzjoni tar-Riċerka dwar il-Kanċer tas-Sider.
Madwar id-dinja, matul Ottubru jkunu organizzati diversi avvenimenti ta’ ġeneri differenti, fosthom mixjiet, għarfien fl-iskejjel u ġbir ta’ fondi b’risq istituzzjonijiet li jaħdmu f’dan il-qasam tant fundamentali fil-ħajja tal-mara.