2 minute read

Ġesù tarbija huwa rigal għalina lkoll

G e o r g e Z a m m i t G w i d a u l a j k Fil-festa tal-Madonna tal-Grazzja jsir għamla ta’ pellegrinaġġ bil-muturi u r-roti li jibda mir-Rabat u dan jintemm quddiem is-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar. Dan l-avveniment jindika li l-festi f’pajjiżna jkunu waslu lejn it-tmiem.

Però ninsew li jkun jonqos aktar festi, speċjalment lejn l-aħħar tas-sena li hija meqjusa fost l-aktar mistennija, mhux biss hawn iżda mad-dinja kollha. Bla dubju ta’ xejn qiegħed nirreferi għal festa tal-Milied. Din il-festa hi tant hija kbira li l-ħsieb tiegħi jmur mill-ewwel lejn it-twelid ta’ Ġesù Bambin. Tarbija li twieldet ġewwa stalla u li bin-nifs ta’ baqra saħħnet l-istess Tarbija mill-kesħa ta’ dak il-lejl. Dan huwa misteru tal-għaġeb, rigal għalina lkoll meta taħseb li l-istess Iben t’Alla magħmul bniedem, ġie fid-dinja biex ikebbes in-nar ta’ l-imħabba li jagħmlilna l-ġid. Il-knisja flimkien mad-dinja jħossu ferħ kbir meta jiftakru fit-twelid tal-Iben ta’ Alla. Storja marbuta mal-Milied tgħid li darba Ġesù reġa’ ġie lura fid-dinja fi żmien il-Milied. Kien hemm ċorma tfal jilagħbu u jifirħu flimkien. Imbagħad dawn it-tfal f’daqqa waħda għarfuh lil Ġesù u daru miegħu. Wieħed tifel staqsieh x’rigal ġab miegħu għalihom? Ġesù ma weġibx, imma fetaħ idejh beraħ sabiex iħaddanhom kollha miegħu. Fl-aħħar nett, wieħed tifel dar fuqhom ilkoll u qalilhom: “Qegħdin taraw, ma ġabilna xejn, sewwa jgħid missieri li r-reliġjon m’għandhiex sens għax ma tagħtina xejn”. Imma mbagħad tifel ieħor qam minn postu u bis-sempliċità kollha qal: “Imma Ġesù meta jiftaħ idejħ għalina, ikun qed jagħtina lilu nnifsu” “Ikun qed jgħidilna: “Jiena Hu r-Rigal”

Ħuti, il-kartolini li nibagħtu f’din il-festa, is-siġra tal-Milied, id-dwal ikkuluriti fid-djar u t-toroq u l-festini li daħlu fostna huma kollha sbieħ. Però l-qofol tal-festi matul il-Milied, fiċ-ċentru tagħhom irid ikun dejjem Kristu Ġesù biex jgħinna sabiex nibdew inħarsu lejn il-ħajja b’nuċċali differenti, billi nagħrfu aktar li l-ġlied, il-vjolenża, il-gwerer, il-piki u l-firdiet għandhom element wieħed li jfisser “Tbatija Umana”. Kuraġġ billi f’dawn il-festi lil dan Ġesù Tarbija nagħtuh is-sħana ta’ qalbna, billi nattendu l-quddiesa ta’ nofs-il-lejl bil-priedka tat-tifel, inħejju presepju bil-pasturi li jkun l-għaxqa tat-tfal tagħna u nakkumpanjaw fil-purċissjoni bil-Bambin merfugħ mit-tfal membri tal-Museum ikantaw għanjiet ħelwin tal-Milied. Għalhekk nistaqsu? Ma’ liema Ġesù ser niċċelebraw dan il-Milied din is-sena?

Ħuti, illum hemm ir-riskju li nagħmlu ħafna affarijiet f’din il-festa u ninsew dak li huwa l-qofol, dak li huwa l-aktar importanti għal Ġesù Tarbija. Inżejnu l-knejjes, it-toroq, nisparaw il-murtali, marċijiet sbieħ, ikliet kbar, imma dawn m’għandhomx jieħdu post dik il-festa qaddisa, reliġjuża li tressaqna lejn il-vera triq, lejn dak iċ-ċentru li nibdew inħobbu lil xulxin bħalma ħabbna Ġesù stess.

Mela dak kollu li ser niċċelebraw f’dan il-Milied li m’huwiex ta’ Kristu imma tad-dinja ngħodduh bħala avveniment li għexna fl-illużjoni, li meta jgħaddi kollox il-waqgħa tagħna tant tkun kbira li mhux faċli nqumu minnha, u nibdew sena ġdida mkissra. Nawgura Milied hieni, li taħfer, li tagħmel u ġġib il-paċi ma’ kulħadd mingħajr preferenzi.

This article is from: