4 minute read

X’hemm ġdid?

R i t r a t t : D O I Ġrajjiet kurrenti mill-Ministeru (MSPC) X’hemm ġdid?

T o n i o B o n e l l o

Minn dawn il-paġni f’kull ħarġa ta’ rivista Familja aħna nwasslu l-aħħar aħbarijiet dwar servizzi, benefiċċji, inizjattivi, proġetti ġodda li dwarhom ikun qed jaħdem il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal. Min jixtieq jagħmel kuntatt magħna jista’ jagħmel dan permezz tal-indirizz elettroniku tagħna: familja.media@gov.mt.

Ktejjeb għat-tfal dwar il-vjolenza domestika

Imniedi l-ktejjeb “Karolina, Ferdi u s-saħħar il-ħażin”, li huwa mmirat għal tfal ta’ bejn it-8 u t-12-il sena. Bil-mod sempliċi u spjegat tiegħu, jgħin mhux biss lit-tfal li jkunu għaddejjin minn problemi simili, iżda anke lill-professjonisti biex jifhmu aħjar l-effetti devastanti li jġorru magħhom it-tfal tul ħajjithom. Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon li spjega li permezz ta’ dan il-proġett, il-passjoni, l-esperjenza u l-ispeċjalizzazzjoni tal-professjonisti edukattivi u dawk soċjali ngħaqdu flimkien.

Huwa faħħar din l-inizjattiva li ttieħdet minn Trobbija Pożittiva, il-Kummissarju għat-Tfal u l-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika. “Kemm huwa importanti li ninżlu għal-livell tat-tfal u nifhmu l-esperjenzi tagħhom mill-qrib. Ikun għalxejn jekk ma jirnexxilniex nibnu sens ta’ fiduċja, sabiex imbagħad huma jkunu komdi jitkellmu dwar dak li għaddew minnu.”

Permezz ta’ dan il-ktieb, it-tfal, bl-għajnuna tal-ġenituri, l-għalliema u l-professjonisti, isibu l-kliem sabiex jitkellmu dwar suġġett delikat u diffiċli, b’mod li mhux tqil u li jista’ jgħin lit-tfal stess jindunaw li mhumiex waħedhom f’dawn is-sitwazzjoniijiet ibsin. Il-ktejjeb se jkun disponibbli fil-libreriji kollha ta’ Malta u Għawdex.

R i t r a t t : D O I Aktar minn 300 professjonist attendew għall-Kungress Internazzjonali dwar il-Vizzji f’Malta

Fil-binja tal-Università l-antika fil-Belt Valletta, bejn l-4 u s-7 ta’ Ottubru, Malta ospitat il-Kungress tal-ISAM (Soċjetà għall-Mediċina marbuta mal-Vizzji), l-ewwel wieħed b’kuntatt fiżiku u mhux virtwali minn meta faqgħet il-pandemija tal-COVID-19. Fih ipparteċipaw mat-300 speċjalist minn barra minn Malta u 160 professjonist lokali li jaħdmu f’dan il-qasam.

Il-kungress kien possibbli b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS). Ħafna mit-temi li kienu diskussi ttrattaw ir-riabilitazzjoni u fatturi psikosoċjali li qed iwasslu għall-abbuż u kif dawn jistgħu jiġu evitati minn etajiet żgħar bħala prevenzjoni.

Kienu diskussi wkoll studji, riċerka u innovazzjoni fejn tidħol l-użu ta’ mediċina alternattiva għall-kura ta’ vizzju minn droga speċifika. L-ISAM tgawdi rispett internazzjonali fost tobba u professjonisti li jaħdmu mill-qrib ma’ persuni bi problemi ta’ vizzji. Huma jaħdmu ħafna dwar aspetti mediċi u konsegwenzi soċjali u psikjatriċi marbuta mal-abbuż kontinwu fis-sustanzi.

Il-Ministru Michael Falzon spjega li llum mhux qed inħarsu biss lejn abbuż mill-alkoħol u mid-drogi, imma anke vizzji oħrajn bħall-użu eċċessiv tal-mobiles il-ħin kollu tal-ġurnata, il-logħob (betting) online u l-konsumiżmu sfrentat, ukoll online.

“Ma investejniex biss fis-servizzi li joffri u jipprovdi direttament il-gvern permezz tal-Aġenzija Sedqa fi ħdan l-FSWS, kif ukoll is-servizzi tal-Ministeru għas-Saħħa f’dan il-qasam. Żidna wkoll nefqa għal dik li hi għajnuna li nagħtu lill-NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam. Dan għalina huwa investiment għax wara kull vittma hemm familja. Soċjetà b’saħħitha hija dik li tgħin lil kulħadd mingħajr ebda distinzjoni”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Dan l-aħħar kienet imnedija website ġdida għat-trobbija pożittiva bit-tema “Kun Int il-Ġenitur”, biex b’hekk din se tkun il-pjattaforma maġġuri tal-Kumitat għat-Trobbija Pożittiva u Tisħiħ tal-Familja. Dan il-kumitat, li jagħmel parti mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, ħass li kellu jinvesti f’dan il-pass diġitali wara l-interess u l-parteċipazzjoni kbira li wera l-pubbliku fil-paġna ta’ Facebook.

Is-sit https://positiveparenting.gov.mt/en/ se jkun qed jgħin ġenituri jirrelataw ma’ mġiba li qed jiffaċċjaw m’uliedhom, filwaqt li jiddentifikaw modi ġodda li jistgħu jtejbu r-relazzjonijiet tagħhom mal-istess uliedhom.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħad kif dan is-sit se jkun aċċessibbli kemm għat-tfal, għall-adoloxxenti u l-ġenituri. “Fih se jkun hemm materjal edukattiv u informattiv, li lkoll jippromwovu l-importanza li nibnu u nsostnu relazzjonijiet siguri ma’ uliedna. Fuq kollox dan il-materjal edukattiv huwa bbażat fuq evidenza u riċerka u li jkun ġie revedut mit-terapista li tieħu ħsieb dan il-materjal,” sostna l-kelliem. Iċ-chairperson tal-Kumitat Ruth Sciberras qalet li fuq il-website se jkunu qed jittellgħu filmati qosra u intervisti li jkunu saru ma’ professjonisti dwar diversi suġġetti. Dawn se jinkludu temi marbuta ma’ diffikultatjiet ta’ saħħa mentali li jgħaddu minnhom il-ġenituri, speċjalment fi żmien it-tqala, il-vjolenza domestika, id-diffikultajiet taż-żagħżagħ li jkunu LGTBIQ u modi ta’ kif nistgħu nsaħħu r-relazzjoni mat-tfal tagħna, fost oħrajn.

Il-pubbliku se jkun jista’ jkompli jibgħat diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fuq Facebook Messenger, fejn it-terapista se tkun qed twieġeb b’mod privat jew b’email fuq positiveparenting.family@gov.mt.

“Li nkunu viċin in-nies hija prijorità tagħna. Dejjem hekk konna u ser nibqgħu nagħmlu. Nemmnu f’kommunikazzjoni u servizzi adegwati li jilqgħu għall-isfidi tal-lum u t’għada. It-tisħiħ tal-familja minn dejjem kien importanti għal dan il-gvern. Wettaqna ħafna biex insaħħu l-finanzi tal-familji u ser inkomplu nagħmlu ħilitna sabiex insaħħu r-relazzjonijiet bejn il-familji”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

This article is from: