Familja Dicembru 2024 numru 31

Page 1


Rivista Familja hi inizjattiva tal-Uffiċċju tal-Attivitajiet u tal-Komunikazzjoni

fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.

Familja toħroġ online, maħsuba u indirizzata għall-pubbliku bħala l-vuċi

uffiċjali ta’ dan il-Ministeru. Din ir-rivista titqassam mingħajr ħlas.

Jekk jogħġbok tikkontribwixxi b’xi kitba, twassal proposti jew xi

suġġerimenti, inkella għaddejt minn xi esperjenza li tixtieq taqsam magħna, nistiednuk tiktbilna fuq l-imejl: familja.media@gov.mt

Biex tirċievi r-rivista Familja tista’ tiktbilna fl-indirizz elettroniku jew bilposta:

Tonio Bonello, MSPC

Taqsima tal-Attivitajiet u tal-Komunikazzjoni, Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti

Nru 38

Triq l-Ordinanza, Il-Belt Valletta.

Il-kontenut f’kull ħarġa ta’ Familja mhux neċessarjament jirrifletti lopinjoni Editorjali.

Tonio Bonello

Editur

B’liema spirtu se niċċelebraw?

Fil-kapitali Londra, dik Amerikana, Kanadiża u fil-parti l-kbira tal-ibliet hekk imsejħa

‘ċivilizzati’, il-konsum tal-alkoħol sar parti integrali mill-ħajja tal-bniedem. Tant li meta koppja jiltaqgħu u jintroduċu rwieħhom għallewwel darba, domanda ewlenija tkun, “X’tixrob?” U jekk tgħid, ilma, orange juice jew luminata, bilkemm il-parti l-oħra ma taħsbekx aljen!

Dak li qed jiġri barra, bla dubju qed jiġri fostna wkoll. Waqt festin fil-familja, fil-festa tarraħal, fi tmiem il-ġimgħa fejn ‘suppost’ noħorġu biex niddevertu, u ma jonqosx, f’dawn iż-żmenijiet tal-Milied u l-ewwel tas-sena, l-alkoħol għandu rwol importanti biex ‘niċċelebraw’.

Ma niskantax għaliex meta deċenji ilu kont nagħti s-servizzi tiegħi bħala ġurnalist f’kamra tal-aħbarijiet fejn allura ta’ kuljum trid tattendi press conferences ta’ kull xorta, fit-tmiem kull waħda aktarx kien ikun servut alkoħol, forsi aktar milli ilma jew kull ħaġa oħra.

L-alkoħol sar ifisser ukoll, speċi ta’ terapija, mediċina, xi forma ta’ kura - kif jinterpretawh xi wħud, għal kull problema li jsibu quddiemhom. Għax telqitni t-tfajla, għax spiċċajt bla xogħol, għax wisq pressjoni fuq ix-xogħol, għax it-tfal qed jeħduli rasi d-dar, għax miet missieri, nixrob biex ninsa, biex inkun happy u ma nafx x’baqa’ jivvintaw aktar bl-għan li jiġġustifikaw għalfejn jixorbu.

Il-fatt jibqa’ li l-konsum tal-alkoħol b’mod eċċessiv mhu xejn għajr ħarba mir-realtà tal-ħajja għal ftit (sakemm jgħaddi l-effett), u wara kollox jerġa’ jirritorna għal li jkun. Kwalunkwe problema li kellek qabel ma ferrajt u għamilt it-tazza ma’ ħalqek, eżatt kif kienet se ssibha!

Ir-risposta għal dawn tinsab f’kelma waħda, il-moderazzjoni. Din hi linja fina ħafna li mhux lakemm tinżamm. Għax jekk tinsab ma’ grupp ta’ ħbieb, aktarx int se tiddejjaq tgħid le meta kulħadd qed jagħmel hekk. Dan waqt li jekk għandek il-gazz tirrifjuta li tixrob, se ssib min jipprova jikkundizzjonak tagħmel dan, jekk ma ssibx min jipprova jazzarda jagħmel show bik ukoll.

L-għar ħaġa li nistgħu nagħmlu hu kif jagħmlu l-mogħoż, sempliċiment jimxu wara xulxin bla ma jafu fejn sejrin! L-ispirtu tal-Milied m’għandu x’jaqsam proprju xejn mal-ispirtu fil-flixkun. L-ispirtu veru hu dak li ‘suppost’ għandu jressaqna aktar lejn xulxin. Fejn possibbilment ninsew id-differenzi ta’ bejnietna, niftakru f’persuni li l-ħajja tathom bis-sieq. Fejn jekk għandna ftit ħin liberu, forsi mmorru nżuru xi dar tal-anzjani jew dar tat-tfal, inkellmuhom ftit u neħdulhom xi tifkira tal-okkażjoni. Mhux kemm jiswa r-rigal li jgħodd iżda li jingħata millqalb!

Forsi hu l-mument fejn ġenituri li mhux qed jitkellmu ma’ wliedhom jew viċi-versa, f’dawn iljiem jagħmlu pass ‘il quddiem, jinsew kull nuqqas ta’ qbil u jagħmlu dik id-differenza, imqar b’telefonata jew sms! Illum hawn mezzi kemm trid kif tista’ tikkomunika ma’ persuna oħra mingħajr m’għandek għalfejn tiltaqa’ jew titkellem. Imma dak ikun l-ewwel pass. Wara ħalli laffarijiet ikomplu jevolvu waħedhom, imma int il-parti tiegħek tkun għamiltha.

Bi spirtu ġenwin ta’ fidi, tama u mħabba li ġġib fostna din il-festa tal-Milied, nixtieq f’isem ilMinisteru u l-Bord Editorjali ta’ din ir-rivista, nawgura lilek u l-familjari tiegħek, jum speċjali ma’ dawk l-aktar għeżież tiegħek u dawk sal-lum m’humiex, u sena ġdida bi spirtu ta’ għaqda, paċi u ferħ li l-ebda xorta ta’ spirtu ieħor ma jista’ jtik! Il-paċi miegħek.

Mark Musù

Segretarju Permanenti

Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal

Madwar 150,000 persuna u aktar minn 51,000 familja bit-tfal gawdew direttament mit-titjib li sar f’diversi benefiċċji

Għal darb’oħra bis-saħħa tal-ħidma u lkoperazzjoni tad-dipartimenti kollha fil-Ministeru, u bl-appoġġ siewi tal-MITA, erġajna wettaqna kompletament il-pakkett ta’ miżuri soċjali b’saħħtu li kkaratterizza l-Budget ta’ din is-sena (2024).

Se nkunu għalaqna din il-ħidma bil-ħlas ta’ għotjiet lil madwar 3,200 persuna bħala kumpens għall-anomaliji li nħolqu fl-imgħoddi u dalwaqt il-pubblikazzjoni tal-istrateġija nazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar u għall-inklużjoni soċjali.

Il-miżuri li wettaqna matul is-sena laqtu u wieżnu firxa wiesgħa tas-soċjetà: minn pensjonanti, anzjani u familji bit-tfal sa persuni b’diżabilità u fuq l-assistenza soċjali jew medika biex insaħħu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Ibbenefikaw mhux biss dawk vulnerabbli jew bi dħul baxx, iżda anke familji u persuni fil-faxxa medja tas-soċjetà.

Kellna miżuri b’risq eluf ta’ benefiċjarji u oħrajn li ħallew impatt fuq għadd żgħir ta’ persuni. Bejn wieħed u ieħor, madwar 150,000 persuna u aktar minn 51,000 familja bit-tfal gawdew direttament mit-titjib li sar f’diversi benefiċċji.

Bil-ħlasijiet li saru matul din is-sena n-nefqa soċjali hi stmata li kibret b’aktar minn €181 miljun u laħqet madwar €1.5 biljun.

Jibda t-twettiq tal-miżuri tal-Budget 2025

Bl-istess ħeġġa li wettaqna l-miżuri ta’ din is-sena, ħabrikna biex invaraw il-miżuri li tħabbru fil-Budget

għas-sena l-ġdida. Fil-fatt kien fl-istess ġimgħa li ġie ppreżentat il-Budget li ħejjejna programm ta’ kif ser inwettqu l-miżuri.

Tlaqna b’dan il-programm minn dan ix-xahar stess bilvarar ta’ ħames miżuri li jolqtu familji bi tfal taħt is-sittax-il

sena, tfal b’diżabilità u familji oħra li qed jiffosterjaw tfal, u kif ukoll żewġ miżuri għal persuni u familji bi dħul baxx jew medju.

Żidiet fl-allowances tat-tfal

Waħda mill-ewwel miżuri li varajna kienet taħseb biex għarraba’ sena wara l-oħra nżidu s-

suppliment li ġie introdott fl2021 għal kull wild f’familji intitolati għall-Allowance tat-Tfal.

Ritratt:- Cliff Booth

Għal darb’oħra dan issuppliment qed jiżdied b’€250 kull wild irrispettivament middħul tal-familja. B’din iż-żieda l-ammont tas-suppliment tela’ għal €660 għal kull wild f’familji fejn ir-rata tal-allowance li jirċievu tvarja; u €640 għal kull wild f’dawk il-familji li r-rata fejn li jitħallsu hija waħda fissa.

Dan is-suppliment jirċievuh madwar 42,000 familja b’63,000 tifel u tifla. Fosthom, hemm min qed jibbenefika wkoll minn titjib fir-rata tal-allowance tat-tfal għaliex issa, fil-komputazzjoni tar-rata dovuta, barra l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali qed jiġi injorat ukoll lammont ta’ taxxa fuq id-dħul li tkun ħallset il-familja.

Familji li għandhom tfal b’diżabilità fiżika jew mentali wkoll tħallsu rata mtejba tal-allowance li titħallas għal tfal b’diżabilità. Din l-allowance żdiedet b’€260 u f’sena issa tgħodd €1,820.

Familji oħra li bdew jirċievu rati mtejba huma dawk li jiffosterjaw tfal li ma jkunux mal-ġenituri

Ritratt: Kampus Production

bijoloġiċi tagħhom. Il-benefiċċju li jirċievu issa tela’ għal €6,240 fis-sena għal kull tifel jew tifla fil-kura tagħhom.

Għajnuna lil familji u persuni bi dħul baxx

Miżura oħra li daħlet fis-seħħ dan ix-xahar hija dik li tolqot koppji u persuni li jgħixu waħidhom bi dħul baxx. B’aġġustament li sar fil-parametri tal-mekkaniżmu li jistabbilixxi rrata tal-Allowance Supplimentari li jitħallsu, qed jibbenefikaw minn titjib fir-rati li jirċievu skont id-dħul tagħhom. Bit-tibdil li sar aktar koppji issa jistgħu jibbenefikaw minn din lallowance għaliex l-limiti tad-dħul għal din il-kategorija twessa’ bi €2,252 għal €18,000.

Benefiċċju Addizzjonali għall-Ogħli tal-Ħajja

Bosta mill-familji li qed igawdu mit-titjib li diġà semmejt għal darb’oħra ser ikollhom lopportunità li jirċievu ħlas addizzjonali biex ikunu f’qagħda aħjar biex ilaħħqu maż-żieda filprezzijiet minħabba l-inflazzjoni.

Il-ħlasijiet isiru skont mekkaniżmu li qed jitħaddem għat-tielet darba. Dawn ivarjaw bejn €100 u €1,500 skont id-dħul u l-għadd ta’ membri tal-familja. Akbar mal-familja jkollha dħul baxx akbar ikun l-ammont li titħallas.

Il-pagament tal-benefiċċju jinqasam f’darbtejn. Wara l-ħlas li sar dan ix-xahar, il-pagament li jmiss isir f’nofs is-sena d-dieħla.

Titjib fil-Pensjonijiet

Fost il-benefiċjarji ta’ dan il-benefiċċju addizzjonali hemm koppji u individwi li jirċievu lpensjoni mhux kontributorja tal-età. Dawn b’kollox ilaħħqu anqas minn 4,000 u lejn tmiem is -sena ser ikunu l-ewwel pensjonanti li jirċievu ż-żieda ta’ €8 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom.

Il-kumplament tal-pensjonanti, jiġifieri dawk kontributorji, ser jirċievu l-pagamenti mtejba tagħhom mill-ewwel ġimgħat tas-sena l-ġdida. Din hija l-għaxar sena konsekuttiva li qed tiżdied il-pensjoni għal kulħadd. Dan barra titjib ieħor li qed isir fil-pensjonijiet, fosthom dawk ta’ persuni li twieldu qabel l-1962, tar-romol u fil-bonus tal-ogħli tal-ħajja li jitħallas separatament mal-pensjoni.

Ħajr u xewqat sbieħ

Bħall-imgħoddi nixtieq inwassal il-ħajr tiegħi lil kull min ħadem biex tfasslu u jitwettqu lmiżuri soċjali kif ukoll lil dawk l-uffiċjali tal-MITA li dejjem insibuhom ta’ spalla fil-ħidma tagħna. Grazzi għall-appoġġ u l-ħidma tagħkom.

Daqstant ieħor irrid nesprimi l-ħajr tiegħi lill-impjegati fid-dipartimenti u l-entajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-

Drittijiet tat-Tfal għax-xogħol siewi li jagħmlu fis-settur tal-politika soċjali u l-ħarsien soċjali.

Nagħmel parentesi billi nirringrazzja wkoll lillħaddiema kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-

Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat, li tagħhom jien ukoll is-Segretarju Permanenti, tal-ħidma fejjieda tagħhom.

Inwassal ukoll l-isbaħ xewqat għal Milied ħieni u sena mimlija saħħa, risq u sliem lilkom u l-familji tagħkom.

Ritratt: Valeria Boltneva

Is

Fl-era diġitali tal-lum, l-ismartphones u t-tablets tagħna huma aktar minn sempliċi apparat; huma estensjonijiet tal-ħajja tagħna. Aħna nużawhom biex nibqgħu konnessi, nimmaniġġjaw

il-finanzi tagħna u naħżnu l-informazzjoni personali. B'tant affarijiet f'riskju, is-sigurtà talapparat mobbli għandha tkun prijorità ewlenija. F'dan l-artikolu, se niddiskutu l-aspetti essenzjali tas-sigurtà tal-mowbajl, inklużi l-awtorizzazzjoni tal-apps, il-kriptaġġ tal-apparat u pariri prattiċi biex tipproteġi l-ismartphones u t-tablets tiegħek.

Għaliex is-Sigurtà tal-Apparat Mobbli hija Importanti

L-apparati mobbli huma minjiera tad-deheb għaċ-ċiberkriminali. Fihom teżor ta’ informazzjoni personali u sensittiva, mill-emails u d-dettalji tal-kuntatt għar-ritratti u lkredenzjali tal-login. Meta tonqos milli tagħmel sigur l-apparat mobbli tiegħek tista' tikkaġuna konsegwenzi devastanti, inklużi s-serq tal-identità u l-vjolazzjoni tad-dejta. Ara għaliex issigurtà tal-apparat mobbli hija importanti:

Il-Privatezza tad-Dejta - Il-protezzjoni tad-dejta personali tiegħek hija importanti. Aċċess mhux awtorizzat jista' jikkomprometti l-privatezza tiegħek u jwassal għal telf finanzjarju.

Is-Sigurtà Finanzjarja - Ħafna minna jużaw apps tal-banek u tal-pagamenti online, u għalhekk huwa essenzjali li dawn it-tranżazzjonijiet jinżammu siguri.

Serq tal-Identità - Iċ-ċiberkriminali jistgħu jużaw informazzjoni personali misruqa biex jippersonaw lill-utent online, u potenzjalment jikkawżaw danni għal perjodu twil ta' żmien.

In-Negozju u x-Xogħol - Jekk tuża l-apparat mobbli tiegħek għax-xogħol, vjolazzjoni tista' twassal għall-ħruġ ta' dejta korporattiva jew il-kxif ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva.

Issa li fhimna għaliex is-sigurtà tal-apparat mobbli hija vitali, ejja ngħaddu għall-aħjar prattiki li tista’ tuża biex iżżomm l-ismartphone jew it-tablet tiegħek siguri.

Il-Permessi tal-Apps: Ikkontrolla X’Jistgħu Jaċċessaw l-Apps L-apps huma parti fundamentali mill-użu tal-apparat mobbli tagħna, iżda jistgħu jkunu wkoll riskju sinifikanti għas-sigurtà jekk ma toqgħodx attent. Ara kif tista’ timmaniġġja b'mod effettiv il-permessi tal-apps:

Tim IMU

Iċċekkja l-Permessi tal-Apps - Iċċekkja t-talbiet tal-apps għall-permessi qabel tniżżilhom. Kun żgur li għandhom ħtieġa leġittima għall-aċċess għall-kamera, il-mikrofonu, il-kuntatti jew dejta sensittiva oħra tiegħek.

Kull Tant Żmien Erġa’ Qis il-Permessi - Kull tant żmien iċċekkja l-apps installati tiegħek u erġa’ qis il-permessi tagħhom. Waqqaf l-aċċess għall-apps li m'għadhomx jeħtieġuh.

Aġġorna l-Apps - Żomm l-apps tiegħek aġġornati. L-iżviluppaturi joħorġu aġġornamenti li ħafna drabi jkunu jinkludu soluzzjonijiet għall-problemi tas-sigurtà. Meta jkun possibbli, attiva l-aġġornamenti awtomatiċi.

Evita s-Sideloading tal-Apps - Uża biss il-ħwienet uffiċjali tal-apps bħall-Google Play Store (għall-Android) u l-Apple App Store (għall-iOS). Evita s-sideloading tal-apps minn sorsi mhux affidabbli.

Il-Kriptaġġ tal-Apparat:

Ipproteġi d-Dejta Tiegħek Il-kriptaġġ tal-apparat huwa bħal serratura diġitali li żżomm id-dejta tiegħek sigura, anki jekk l-apparat tiegħek jinsteraq:

Attiva l-Kriptaġġ - Mur fil-konfigurazzjonijiet tal-apparat tiegħek u attiva l-kriptaġġ. B’hekk tiżgura li d-dejta tiegħek ma tistax tinqara mingħajr iċ-ċavetta t-tajba tal-kriptaġġ.

Uża Passcode Jew PIN b’Saħħtu - Il-kriptaġġ tal-apparat tiegħek jiddependi fuq il-passcode jew il-PIN tiegħek. Agħżel kodiċi b'saħħtu u uniku li mhux faċli tobsru.

Awtentikazzjoni Bijometrika - Jekk l-apparat tiegħek huwa kompatibbli, uża metodi ta' awtentikazzjoni bijometriċi bħall-marki tas-swaba' jew ir-rikonoxximent tal-wiċċ għal aktar sigurtà.

Suġġerimenti Kif Tista’ Tagħmel l-Ismartphones u t-Tablets Siguri

Lil hinn mill-permessi tal-apps u l-kriptaġġ tal-apparat, dawn huma xi suġġerimenti prattiċi kif tista’ ttejjeb is-sigurtà tal-apparat mobbli tiegħek:

Illokkja l-Apparat Tiegħek - Dejjem uża passcode, PIN, jew awtentikazzjoni bijometrika biex tillokja l-apparat tiegħek. Dan iżid saff ieħor ta’ sigurtà f'każ li l-apparat tiegħek jintilef jew jinsteraq.

Attiva l-Intraċċar u t-Tħassir mill-BogħodAttiva "Sib l-Apparat Tiegħi" (Android) jew "Sib l-iPhone Tiegħi" (iOS) biex issib, tillokkja, jew tħassar l-apparat tiegħek mill-bogħod jekk ikun mitluf jew misruq.

Installa Software tas-Sigurtà - Ikkunsidra li tinstalla software tas-sigurtà ta' reputazzjoni tajba jew apps antivirus tal-apparat mobbli. Dawn jistgħu jgħinuk fil-protezzjoni kontra lmalware u jipprovdu aktar karatteristiċi tas-sigurtà.

Backups Regolari - B’mod regolari agħmel backup tal-apparat tiegħek biex tissalvagwardja ddejta tiegħek. Is-servizzi bbażati fuq il-cloud u l-backups fiżiċi jistgħu jiżguraw li ma titlifx informazzjoni importanti.

Oqgħod Attent Meta Tuża Wi-Fi Pubbliku - Evita li tuża netwerks tal-Wi-Fi pubbliċi għal attivitajiet sensittivi, bħal ma huma s-servizzi bankarji online, sakemm ma tużax netwerk privat virtwali (VPN) għal aktar sigurtà.

Sir Af Iktar - Żomm lilek innifsek infurmat dwar l-aħħar theddid għas-sigurtà u scams li jiffukaw fuq l-utenti tal-apparati mobbli. L-għarfien huwa l-aħjar difiża tiegħek.

Ivverifika s-Sorsi tal-Apps - Qabel tniżżel l-apps, ivverifika l-kredibilità tal-iżviluppatur u aqra lkummenti ta’ utenti oħra biex tiżgura li l-app hija leġittima.

Logout mill-Kontijiet - Dejjem agħmel logout mill-apps u l-kontijiet meta tispiċċa tużahom, speċjalment fuq apparati kkondiviżi jew pubbliċi.

Uża l-App Lockers - Ikkunsidra li tuża l-app lockers jew lokks speċifiċi għall-apps biex tipproteġi l-apps sensittivi b'saff ieħor ta' sigurtà.

Immonitorja l-Permessi tal-Apps - Kull tant żmien erġa’ qis u aġġusta l-permessi tal-apps filkonfigurazzjonijiet tal-apparat tiegħek biex tirrestrinġi l-aċċess għad-dejta tiegħek.

Is-sigurtà tal-apparat mobbli hija aspett importanti tal-ħajja diġitali tagħna. Meta ssegwi dawn l-aħjar prattiki u tibqa' viġilanti, inti tista' tnaqqas b'mod sinifikanti r-riskju ta' xi vjolazzjoni tassigurtà u tipproteġi aħjar l-informazzjoni personali tiegħek. Ftakar li l-protezzjoni tas-sigurtà talismartphone jew tat-tablet tiegħek hija sforz kontinwu, għalhekk ibqa' infurmat u proattiv biex iżżomm il-ħajja diġitali tiegħek sigura.

IT-TRIQ

triq.kuntatt@gmail.com

Il-Milied qed joqrob sew, u bħal dejjem joħloq il-problema tal-għażla tar-rigali. Tal-ħwienet, min-naħa tagħhom, ħallihom jirreklamaw kemm jifilħu dak li qed joffru biex iħajru n-nies jixtru minn għandhom. Hawn nixtiequ nissuġġerixxu xi rigali li jkunu ideali biex jiġu mogħtija matul il-ġranet sbieħ tal-festi tal-Milied.

• Jekk int miġġieled jew miġġielda ma’ xi ħadd: ibgħat kartolina u ikteb, “Ejjew ninsew kollox u nibdew paġna ġdida f’ħajjitna”.

• Mur u agħti tgħannieqa u bewsa lill-ġenituri tiegħek u għidilhom, “Dan hu r-rigal tiegħi talMilied”.

• Ilek żmien twil ma tagħmel kumpliment lil martek jew lil żewġek? Ixtri ftit fjuri u offrihomlha

jew offrihomlu b’ġest ta’ apprezzament għal dak kollu li jsir id-dar.

• Jekk taf b’xi ħadd li m’għandu ’l ħadd, ixtri xi ħaġa utli u offrihielu b’turija ta’ ferħ li jġib miegħu dan iż-żmien.

• Forsi taf li hemm persuna marida, aqbeż qabża sa għandha u għaddi ftit ħin magħha biex tferraħha.

Dawn huma suġġerimenti ta’ rigali li ma jqumux ħafna flus imma jiswew ferħ akbar middeheb l-iżjed fin. Mhux li konna nifhmu li d-dinja teħtieġ dawn ir-rigali iżjed mill-ikliet, toys, ilbies u tant ħwejjeġ oħra! Ftit tal-ħsieb u tista’ tferraħ persuna f’dan il-Milied. Il-ferħ li int stess tħoss hu ikbar minn kull gost li tieħu int stess għar-rigali li tirċievi. Awguri lil kullħadd.

ĦAJR : Meħud mill-fuljett IT-TRIQ li beda joħroġ fi Frar 1980 billi tqassmu 60 kopja f'dan ilMinisteru li dak iż-żmien kien il-Ministeru għax-Xogħol, Għajnuna Soċjali u Kultura (MLCW) minn grupp ta' ħaddiema.

Ritratt: George Dolgikh

Doris Zammit qormija@gmail.com

Xandara u Kittieba

Fil-ħarġa ta’ rivista FAMILJA ta’ Ottubru li għadda, kont bdejt inkellimkom dwar diversi

logħob tal-imgħoddi li kienu ħolqu missirijietna fi żmien fejn it-teknoloġija, l-internet u dak kollu li għandna llum kien biss ħolma, jekk kien!

Fl-artiklu preċedenti kont spjegajt kif kien jintlagħab ċertu logħob bħal mhu l-Passju, il-

Boċċi tal-ħġieġ u l-Brilli. Illum se nagħti ħarsa lejn logħob ieħor tradizzjonali Malti li kien popolari fost dawk li llum huma anzjani. Fost dawn, iċ-Ċirku, il-Qbiż bil-ħabel, Ara ġejja lmewt għalik, Banni Bannozzi, Dawra Durella, iż-Żunżana Ddur iddur, Lanċa ġejja u oħra sejra, Pizzi pizzi kanna u diversi oħrajn. Araw ftit kemm kien kapaċli joħloq biex jilgħab ilMalti ta’ dari.

QBIŻ BIL-ĦABEL

Ġeneralment din il-logħba tal-ħabel u l-qbiż kienu jilgħabuha l-bniet . Hemm logħob fejn ilħabel jiġi mdawwar il-ħin kollu minn fuq għal isfel minn żewġt itfal. F’logħob ieħor il-ħabel jitbandal minn naħa għall-oħra mingħajr ma jdur. Minbarra logħob fejn il-ħabel idawwruh

tnejn hemm ieħor fejn tifla

ddawwar u toqgħod

taqbeż b’ħabel qasir tagħha stess.

Waqt il-qbiż tal-ħabel jingħad kliem li jvarja

minn logħba għall-oħra.

Ritratt: RDNE Stock Project

IĊ-ĊIRKU

Waħda mil-logħbiet li ma tantx tara bħalha. Biex jilgħabha wieħed kien jeħtieġ il-ħila li

jikkontrolla rota antika dejqa, parti minn bicycle, f’xi triq dejqa permezz ta’ bastun b’biċċa

wire irqiq imwaħħal miegħu. It-tfal fl-irħula ż-żgħar f’Malta kienu jtellqu dawn iċ-ċrieki b’ħeffa

kbira f’toroq u sqaqien kemxejn għan-niżla, u l-pika kienet tkun ħarxa.

Banni Bannozzi ġej it-tata ġej

Bil-pastizzi tal-ħabbtejn

Kollox għall-Peppi (isem il-missier)

U għal Rita (isem it-tarbija) xejn

DAWRA DURELLA (Tfal iduru f’ċirku u jkantaw)

Dawra durella

Qasba żigarella

Ċoff tal-bellus

Ċaqċaqhielu lill-għarus

Axxa Axxa

Għax missieri għamel kaxxa

Mela one two three.

IŻ-ŻUNŻANA DDUR IDDUR

Grupp ta’ tfal joqgħodu ċirku tond, kokka, iħarsu ‘l ġewwa, Waħda ddur warajhom b’ġebla

f’idha (jew maktur jew injama) u kulħadd jgħid;

Iż-żunżana ddur iddur

Fuq il-bejt tal-kaċċatur

Tagħmel żinn, żinn żinn.

Sadanittant dik tal-ġebla titlaqha kemm jista’ jkun bil-moħbi u għall-għarrieda wara waħda mit-tfal, u meta din tinduna trid iddur dawra maċ-ċirku biex terġa’ tilħaq f’postha, qabel ma teħodulha dik tal-ġebla.

LANĊA ĠEJJA U OĦRA SEJRA

Lanċa ġejja u oħra sejra,

Minn tas-Sliema għal Marsamxett.

Il-kaptan bil-pipa f’ħalqu

Jidderieġi l-bastiment.

Sewwa Sewwa f’nofs ta’ baħar

Il-kaptan ħassu ħażin

Ma kellux min idur miegħu

Daru miegħu l-baħrin.

Agħmillu karta, agħmillu karta

Agħmillu karta għal tax-xjuħ.

PIZZI PIZZI KANNA

Pizzi Pizzi kanna

Dolores ta’ Sant’Anna

Sant’Anna tal-morina

Ħabba biċċa pellegrina

Mgħaref tal-fidda

Bandiera tal-ħarir

Noli kannoli,

Insara qaddisin.

TAN-NANNA ĦELU MANNA

Ain’t she sweet

Tan-nanna u ta’ Gerit

Tan-nanna ħelu manna

U ta’ Gerit ħelu penit

Ain’t she nice

Look her over once or twice,

Iz-zija marret fl-għalqa,

Qiegħda tiekol iċ-ċuplajs. (tewm iswed)

SAN MARTIN

Ġewż, lewż, qastan, tin, Kemm inħobbu ‘l San Martin.

SINNA BASINNA

Sinna basinna

Oqgħod fil-qasrija;

Bajda ħalib,

Meta mmut niġi għalik!

PAĊI KULAĊI

Meta żewġt itfal miġġildin kienu jagħmlu paċi, dawn kienu jersqu lejn xulxin, imattru subagħjhom iż-żgħir ta’ jdejhom, lejn is-saba’i ż-żgħir ta’ seħibhom u jgħaqqduhom wieħed ma’ tal-ieħor waqt li jgħidu din il-frażi:

Paċi kulaċi

Il-Madonna fuq rasi

Kristu fuq l-artal

Qed ibierek dawn it-tfal

Dawn it-tfal issa mberkin

U se jsiru qaddisin.

NINU NINU TAL-MILIED

Ommi għamlet il-qagħqiet

Il-qagħqiet tal-qastanija

Lesti l-bhejjem għat-tiġrija

Għax għaddew il-festi kollha

Baqa’ biss Santa Marija!

Santa Marija l-Mosta

Il-Vitorja n-Naxxar

Santa Liena Birkirkara

Tal-Grazzja Ħaż-Żabbar .

Intant dan il-logħob kollu li semmejt aktar ‘l fuq fosthom il-passju, il-boċċi tal-ħġieġ, iż-żibeġ, il-ħabel u aktar kien jintlagħab fil-gżejjer Maltin meta konna iżgħar jew inkella minn

missirijietna u nannietna. Kien logħob sempliċi li lil xi wħud se jġibilhom lura memorji sbieħ u li lil dawk li għadhom żgħar fiż-żmien żgur li se jibqgħu mistgħaġba.

Tabilħaqq, imma li t-tfal Maltin tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna kellhom ikunu kreattivi biex ikunu jistgħu jieħdu pjaċir ġaladarba kienu jgħixu f’dinja li kien għad ma kellhiex teknoloġija.

Issa għandna divertiment kemm irridu, minnufih u mingħajr ma jkollna bżonn inħaddmu

moħħna jew ġisimna. Aħna, li ġejna warajhom, għandna xhieda ta’ kif kienu jintlagħbu. Mhumiex biss pjaċir, imma wkoll storja ħajja. Nittama li dan il-logħob jerġa’ jsib postu f’attivitajiet li jiġu organizzati f’xi rħula flimkien mal-Kunsilli Lokali.

“It is Christmas in the heart that puts Christmas in the air.”

Gertrude Buttigieg

Uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni bi problem ta’ Saħħa Mentali

Aktar minn 75,000 siegħa hu l-ammont ta’ sigħat li adult iqatta’ minn ħajtu fuq il-post taxxogħol sal-età tal-irtirar. Għaldaqstant hu essenzjali li l-post tax-xogħol u x-xogħol innifsu jrid ikun esperjenza pożittiva.

Post tax-xogħol addattat irid jipprovdi dħul diċenti, sens ta’ kunfidenza u sodisfazzjon. Ilpost tax-xogħol jista’ joffri opportunità biex wieħed jirrelata mal-oħrajn u jkollu qafas soċjali kif ukoll jagħti stabbilità u rispett. Dan kollu jikkontribwixxi għal saħħa mentali pożittiva.

Is-saħħa mentali hu l-mod kif naħsbu u kif inħarsu lejn l-abbiltà li niffaċjaw il-ħajja. Is-saħħa mentali hi importanti daqs is-saħħa fiżika biex ikollna sens ta’ pożittività f’ħajjitna li tagħtina l-enerġija u l-istimoli biex nagħmlu dak li għandna nagħmlu fil-ħajja ta’ kuljum, anke li niffaċjaw sfidi li ma jonqsux.

Naturalment mhux kollox ward u żahar. Hu possibbli li x-xogħol jew ċirkostanzi oħra talħajja jistgħu jolqtu ħażin is-saħħa mentali tagħna u hemm hu importanti li aħna nagħrfu lilna nfusna u nindunaw meta l-affarijiet jibdew sejrin ħażin. Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn inħossuna imdejqin jew anzjużi iżda dan jgħaddi mingħajr ħafna problemi.

Minn naħa l-oħra jista’ jkun hemm problemi aktar serji fejn dawn is-sitwazzjonijiet ikunu iktar fit-tul u jħallu impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum tagħna, saħansitra fuq ix-xogħol. Problemi differenti jolqtu lil persuni b’mod differenti u għalhekk wieħed ma jistax jiġġeneralizza, biss jekk wieħed jinnota xi sintomi minn dawn jagħmel tajjeb jekk ifittex l-għajnuna:

Ritratt: Norbert Kundrak

Jekk tħossok li tlift interess f’affarijiet li normalment kienu jagħtuk pjaċir u sodisfazzjon

Jekk tħoss diffikultà ma’ dawk ta’ madwarek

Jekk tħoss li ilek imdejjaq jew anzjuż għal numru ta’ ġimgħat

Jekk jgħaddu ħsibjiet ta’ suwiċidju minn moħħok

Jekk fuq il-post tax-xogħol qed tħossok imdejjaq, għajjien iktar mis-soltu, qed tagħmel xi żbalji li mhux soltu tagħmilhom, qed tkun aggressiv jew passiv, tinjorax dak li qed tħoss. Sintomi oħra huma li tinqata’ għalik waħdek, titraskura x-xogħol jew saħansitra ma tibqax tmur għax-xogħol. Dawn mhux affarijiet normali u għalhekk hu importanti li l-post taxxogħol jipprovdi, mhux biss il-paga, imma ambjent fejn tħossok komdu.

X’jista’ jsir minn min iħaddem? Hu rrakomandat li l-postijiet tax-xogħol jaħdmu fuq proċessi ta’ prevenzjoni, fejn issir analiżi ta’ dawk il-fatturi li jistgħu jolqtu s-saħħa mentali talħaddiema u jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex dawn ir-riskji jitnaqqsu.

Promozzjoni tas-saħħa mentali permezz ta’ taħriġ. Kumpaniji jistgħu joffru tagħlim ta’ fejn wieħed jista’ jikseb l-għajnuna u jinkoraġġixxu l-ħaddiema jieħdu l-għajnuna neċessarja. Lentitajiet jistgħu joffru wkoll sapport biex wieħed jirċievi l-għajnuna, u fil-fatt huma għadd ta’ kumpaniji li joffru xi forma jew oħra ta’ għajnuna, anke mħallsa mill-kumpanija stess. Sapport hu rrakomandat anke jekk wieħed ikun qed jirċievi kura u jkollu bżonn ta’ flessibiltà fil-post tax-xogħol sakemm jirkupra.

Naturalment wieħed irid jgħin ruħu wkoll. Kif? Kun af lilek innifsek u kun onest miegħek innifsek. Jekk qed tħossok mhux sew tkellem ma’ xi ħadd li jista’ jgħinek. Evalwa ħajtek, ara li għandek bilanċ fl-attivitajiet tiegħek bejn ħajja u xogħol. Sib ħin għall-iżvog u l-mistrieħ tiegħek. Ara li qed torqod biżżejjed. L-ikel u xi forma ta’ eżerċizzju huma importanti waqt li għandek tevita x-xorb alkoħoliku.

Ara li għandek sapport ta’ persuni viċin tiegħek. Agħmel xi ħaġa li tħossok tajjeb fiha bħal passatemp jew talent. Aċċetta lilek innifsek kif int u ħu ħsieb tiegħek innifsek. Jekk tħoss li għandek bżonn l-għajnuna professjonali tiddejjaqx tfittixha, jista’ jkun li hemm servizzi offruti mill-post tax-xogħol tiegħek stess anke b’mod anonimu.

Persuni li jinsabu fi kriżi jistgħu jersqu lejn id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, fid-Dipartiment tal-Kura Primarja jew għand it-tabib tal-familja u jfittxu l-għajnuna mingħand professjonisti tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali. Hemm il-helpline 1579. Għal servizzi filkomunità għal persuni li għaddejjin minn mumenti diffiċli, jistgħu jfittxu l-għajnuna wkoll fid-Direttorju tal-Entitajiet.

Il-funzjoni u l-operat tal-Kura Primarja

Dr Dorothy Zammit

MD, MMCFD, MRCGP (Int.)

M.Sc. Health Systems Management and Leadership

PGCert. Infection Control

Principal General Practitioner | Office of the Clinical Chairperson

Lead Infection Control and Antibiotic Stewardship Unit

Quality Improvement Committee

Heat Preparedness Committee

General Preparedness Committee

NCD Manager - Primary Healthcare

Koordinatur - Tony Micallef

Health Liaison Practice Nurse

Ministeru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva

Il-Primary HealthCare f'Malta għandu rwol fundamentali fis sistema tas-saħħa tal-pajjiż. Huwa l-ewwel servizz li jiltaqa' miegħu l-pazjent meta jfittex kura medika u dan joffri għadd ta' servizzi preventivi, dijanjostiċi, terapewtiċi u riabilitattivi. F'Malta, is-Servizzi tal-Primary HealthCare hu pprovdut minn għadd ta’ professjonisti permezz ta' ċentri tas-saħħa pubbliċi, u kliniċi fil-komunità li għandna f’numru ta’ lokalitajiet.

Wieħed mill-aspetti fundamentali tal-Primary HealthCare huwa l-aċċessibbiltà tiegħu. B'għadd ta' ċentri tas-saħħa mxerrdin madwar il-pajjiż, inkluż f’Għawdex, il-Primary HealthCare joffri aċċess faċli u mmedjat għas-servizzi mediċi mingħajr il wieħed imur fl-isptar. Dan inaqqas il-pressjoni fuq is sekondarji u terzjarji li jippermettilhom jiffokaw fuq każijiet aktar kumplessi.

Apparti minn hekk, il-Primary HealthCare toffri servizzi preventivi li huma kruċjali għas-saħħa pubblika. Dawn jinkludu programmi ta' tilqim, screening għall-kanċer u edukazzjoni dwar stil ta' ħajja san. Permezz ta' dawn il-miżuri, is-

Primary HealthCare jgħinu fil-prevenzjoni ta' mard li jista' jkollu impatt serju fuq il-popolazzjoni.

Il-Primary HealthCare qed jiġi mtejjeb kontinwament biex jilqa' għall-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tal-popolazzjoni. It-teknoloġija għandha rwol ewlieni f'dan l-iżvilupp, b'introduzzjoni ta' servizzi ta' telemediċina u rekords elettroniċi talpazjenti, li jagħmlu l-kura aktar effiċjenti u aċċessibbli, kif ukoll jipprovdu kontinwità tal-kura billi jinżammu rekords tal-istorja medika tal-pazjenti u jippermettu trattamenti fuq medda twila taż-żmien.

Is-servizzi tal-Primary HealthCare huma essenzjali trattament u l-immaniġġjar ta' mard akut u kroniku. Il-professjonisti tas-saħħa, inklużi tobba, infermiera, u speċjalisti oħra jaħdmu flimkien biex jipprovdu kura komprensiva, personalizzata u bbażata evidenza. Huma jipprovdu wkoll servizzi ta’ referenza għal speċjalisti sekondarji meta jkun meħtieġ.

rwol tal-Primary HealthCare f'Malta huwa essenzjali biex tiġi żgurata kura tas-saħħa effettiva u sostenibbli.

Joffri servizz li jilqa' l-pazjenti fil-komunità, jipprevjeni mard, u jikkordina kura kumplessa, filwaqt li jgħin biex titnaqqas il-pressjoni fuq is-servizzi speċjalizzati u lisptarijiet. Billi jiffoka fuq il-prevenzjoni, l-aċċessibilità, kontinwità tal-kura, il-Primary HealthCare joffri lillpopolazzjoni kollha servizz essenzjali li jtejjeb il-kwalità ħajja u jgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-saħħa pubblika b’mod proattiv.

Filwaqt li l-Primary HealthCare jieħu din l-opportunità biex jawgura lill-qarrejja l-Festi t-Tajba u sena ġdida mimlija saħħa, jistieden lill-qarrejja jċemplu fuq 2123 1231 jew jaċċessaw is-sit elettroniku primaryhealthcare.gov.mt/ għal aktar informazzjoni.

Il-Battalja Silenjuza f’Qalb it-Tfal

Dr Graziella Darmanin Cricchiola

LL.B. (Hons), M. Adv. (Melit)

L-Aljenazzjoni tal-Ġenitur fuq it-Tfal

L-aljenazzjoni tal-ġenituri hija realtà kerha fejn tfal jispiċċaw maqbuda bejn il-konflitti talġenituri tagħhom. Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tobbliga listati membri, inkluż Malta, sabiex tipproteġi r-relazzjoni tat-tfal bejn il-ġenituri tagħhom. Mir-rapport tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali maħruġ f’Mejju 2023, kważi 96% tar-referrals tal-każijiet kienu jinvolvu l-aljenazzjoni tal-ġenituri.

L-aljenazzjoni tal-ġenituri sseħħ meta persuna, inkluż il-ġenitur jew qarib, jimmanipula lħsibijiet tat-tfal, sia b’mod dirett jew indirett, bil-konsegwenza li l-istess tfal jibdew iwarrbu lġenitur l-ieħor u r-relazzjoni ta’ bejniethom tibda tiddeterjora u dan mingħajr ebda raġuni valida.

Ħafna jaħsbu li l-aljenazzjoni tal-ġenituri huwa kunċett ġdid. Biss, ir-riċerka turina li dan ilfenomenu ssemma’ l-ewwel darba fil-letteratura tal-psikoloġija mit-tabib u psikoanalista Wilhelm Reich fis-sena 1945. Tul iż-żminijiet, il-kunċett tal-aljenazzjoni tal-ġenituri ngħatat diversi titli minn professjonisti differenti (bħal pereżempju perverse triangle). Nies famużi, bħal pereżempju Albert Einstein, kiteb dwar l-esperjenza tiegħu meta spiċċa mwarrab minn uliedu kaġun tal-aljenazzjoni.

L-aljenazzjoni tal-ġenituri m’għandhiex tiġi limitata f’sitwazzjoni meta r-relazzjoni ta’ bejn iż-żewġ ġenituri tintemm. Riċerka turina illi l-aljenazzjoni tal-ġenituri tista’ tkun preżenti wkoll, anke qabel ir-relazzjoni ta’ bejn il-partijiet tintemm.

Il-fatt li t-tfal jirrifjutaw li jkollhom relazzjoni ma’ ġenitur, m’għandux ifisser b’mod awtomatiku illi hemm aljenazzjoni. Trid issir distinzjoni bejn aljenazzjoni tal-ġenituri u estrangement. Meta t-tfal ikollhom raġuni valida illi jirrifjutaw milli jkollhom relazzjoni ma’ ġenitur, ikun każ ta’ estrangement u mhux aljenazzjoni.

Ritratt: Kindel Media

Każ klassiku huwa f’sitwazzjonijiet meta jkun hemm abbuż jew vjolenza fuq it-tfal b’riżultat li ttfal ma jkunux iridu jkollhom kuntatt mal-ġenitur li jkun qiegħed jikkawża tali abbuż jew vjolenza. Mill-banda l-oħra, l-aljenazzjoni sseħħ meta t-tfal jibdew jiġu mxewxa kontra lġenitur tagħhom b’riżultat li t-tfal jirrifjutaw milli jkollhom aċċess jew relazzjoni mal-ġenitur tagħhom mingħajr raġuni valida.

Huwa dritt ta’ kull tifel u tifla li jkollhom relazzjoni mal-ġenituri tagħhom. In-nuqqas ta’ relazzjoni ser twassal għal effetti negattivi fuq it-tfal. Għalkemm il-ġenituri jkunu temmew irrelazzjoni tagħhom, huma għandhom iwarrbu l-indifferenzi ta’ bejniethom bil-għan li ma jħallux impatt negattiv fuq uliedhom. Minkejja kwalunkwe tilwim bejn il-ġenituri, huma għandhom jiftakru illi t-tfal huma parti minn kull wieħed/waħda minnhom. Kull darba li ġenitur ikun qiegħed iżeblaħ, ixewwex jew jimla ras it-tfal bi ħsibijiet negattivi fuq il-ġenitur lieħor, ikun qiegħed jgħallem lill-uliedu stess illi parti minnu m’huwiex tajjeb.

Borża demm – l-isbaħ rigal li ma jistax jinxtara

Caroline Cassar

Senior Staff Nurse / PRO NBTS

National Blood Transfusion Centre

Qatt ħsibt biex tagħti rigal li ma tistax tixtrih? Li għalik ma jiswa xejn imma għal ħaddieħor jiswa mitqlu deheb?

Filwaqt li bħalissa kulħadd għaddej biċ-ċelebrazzjonijiet u x-xiri tar-rigali tal-Milied, il-pazjenti

fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex xorta jibqgħu jkollhom bżonn dak ir-rigal prezzjuż, dik ilborża demm li tgħinhom biex jgħixu ħajja aħjar, jekk mhux jiksbu ħajjithom mill-ġdid!

Pażjenti li jbatu bit-Talessemija jkollhom bżonn erba’ boroż demm kull erba’ ġimgħat.

Jiġifieri erba’ donaturi kull darba, li altruwistikament qed jgħinuhom biex jgħixu ħajja komda. F’sena pazjent/a bit-Talassemija j/tieħu tnejn u ħamsin borża demm. Dan ifisser, ikunu meħtieġa tnejn u ħamsin donatur fis-sena.

Hemm ukoll il-pazjenti tal-onkoloġija u l-ematoloġija li jirċievu ammont sostanzjali ta’ ċelluli ħomor u pjastrini anke fix-xahar ta’ Diċembru. Ma rridux ninsew ukoll dawk il-pazjenti li jattendu għat-trattament tal-kliewi li l-livell tad-demm tagħhom ikun baxx u li jkollhom jingħataw it-trasfużjoni tad-demm ukoll.

Dawn il-pazjenti jistgħu jieqfu jirċievu d-demm fi żmien il-Miled?... LE!

Dawn in-nies, li jistgħu jkunu l-istess familjari tagħna għandhom bżonnkom, anke fi żmien lisbaħ ċelebrazzjonijiet tas-sena. Għalhekk, minn hawn inħeġġeġ biex bħala turija ta’ solidarjetà, speċjalment f’dawn il-festi għeżież, jekk jogħġobkom tattendu biex tagħtu ddemm fix-xhar ta’ Diċembru wkoll.

Magħkom ħeġġu persuna oħra biex tibda tagħti d-demm. Għaqdu gruppi minn fuq il-post tax-xogħol. Tistgħu ċċemplulna fuq 8007 4313 u nibgħatulkom it-trasport b’xejn. Din l-għotja tista’ tkun parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva ta’ kull entità.

Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi G’Manġa miftuħ kuljum mit-8am sa 6pm inkluż Ħdud u Festi. Jekk ir-riżerva tkun tajba, nagħlqu fis-1pm fil-Milied u fl-Ewwel tas-Sena. Aħseb fil-pazjenti biex bħalek ikollhom Milied ħieni mal-familjari tagħhom.

Kun supereroj. Salva l-ħajjiet. Agħti d-demm.

“GRAZZI” hija pittura tal-Pittur John Vic Borg li qegħda mdendla fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi G’Mangia. John Vic huwa donatur regolari tad-demm. Ritratt talpittura ħajr għal Max Cassar li huwa wkoll donatur regolari talpjastrini.

Jekk tixtieq aktar informazzjoni dwar l-għoti tad-demm tista’ tfittex jew tikkuntatjana –

Sit elettroniku - https://blood.gov.mt/

Indirizz elettroniku - customercare.nbts@gov.mt

Facebook - www.facebook.com/bloodmalta

Instagram - https://www.instagram.com/blooddonationmalta_official/? hl=en

Indirizz – Ċentru tal-Għoti tad-Demm, G’Mangia. Linja fissa – 2123 4767 / 2206 6201

Linja tal-mobile – 7930 7307

Freephone - 8007 4313

Il-Berġa tax-Xewkija - 2155 6461

Sedqa offers a range of programmes to prevent addiction and raise awareness about substance use

As the temperature drops, we prepare to string up Christmas lights along our streets and homes, setting the stage for one of Malta’s biggest festivities: Christmas and New Year. These celebrations bring with them a sense of joy and excitement, with bright lights, bustling markets and various social activities. Given Malta’s deeply rooted religious culture, this time of year also fosters togetherness, with family gatherings and festive feasts taking centre stage.

However, alongside these joyful moments comes the risk of exposure to or a resurgence of addictive behaviours. Alcohol consumption, especially in a social context tends to increase during these celebrations.

Feasts and parties often encourage more frequent drinking. Institutions such as Transport Malta have consistently worked to mitigate such risks through their campaigns. Sedqa also urges individuals to stay within the 0.5g alcohol limit, as emphasised through all of our interventions and social media campaigns. But it’s not just about alcohol; typically the festive season also brings with it a concerning rise in substance.

At Sedqa, we work closely with educational institutions, workplaces, and community groups to raise awareness and promote healthier coping mechanisms as alternative ways to spend the excess leisure time associated with this period.

In our outreach sessions, we emphasize the importance of developing healthy skills to replace the urge to engage in addictive behaviours, both for youths and adults. These alternatives include the development of creative skills through art or crafting, sports or exercising activities, writing, but most importantly, in seeking support from one another. This may involve families, friends or our services which are readily available.

For many, the festive season can also be a source of stress. The pressure to attend social gatherings, manage family tensions and meet holiday expectations can push some toward experimenting with unhealthy behaviours.

On top of that, the winter season brings its own challenges. Seasonal Affective Disorder (SAD), a form of depression triggered by the lack of sunlight can lead to feelings of lethargy and sadness.

For those already struggling with addiction or at risk, SAD can make it harder to seek help, as individuals may turn to substances or alcohol as a form of self-medication. While these might temporarily relieve the symptoms of SAD, they often worsen the addiction in the long run, creating a damaging cycle. Instead, what would be a good tactic to combat the aforementioned depression could be going out for a daily walk, keeping contact with your peers, reading a book, etc

At Sedqa, our mission is to educate and support individuals in breaking these harmful patterns. We offer a range of programmes to prevent addiction and raise awareness about substance use. As the festive season approaches, we encourage families to come together and support one another. We are always here to provide help to anyone in need.

Wishing you a safe and joyful holiday season!

The goal of Sudoku is to fill a 9×9 grid with numbers so that each row, column and 3×3 section

Can you spot 3 Differences?

Sudoku

Il-Presepju mekkaniku taż-Żejtun u l-istorja warajh

Mary Anne Zammit

Artista u Kittieba

Intervista ma’ Swor Phyllis Agius mill-kunvent Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun

Meta jibda dieħel Diċembru u tibda lkesħa nibdew deħlin fl-ispirtu tal-Milied fejn nibdew naħsbu biex niċċelebraw ittwelid ta’ Ġesù Kristu. Kull fejn inħarsu, kollox ifakkarna f’dan il-perjodu u x’ hemm isbaħ mill-presepju, li jirrakonta l-istorja tan-Natività. Interressanti kif kull presepju għandu l-istorja tiegħu u l-oriġinalità tiegħu.

Biex insir naf aktar, żort il-kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu ġewwa ż-Żejtun. F’dan ilkunvent hemm ukoll presepju li ta’ kull sena jkun esebit u miftuħ għal pubbliku. Iltqajt ma’

Swor Phyllis Agius li hi wkoll il Madre tal-istess kunvent li qasmet miegħi ġrajjiet dan ilpresepju.

Swor Phyllis bdiet biex qalet; “Il-presepju jmur lura għas-sena 1946 meta dak iż-żmien kien għadu pjuttost żgħir fil-qies. Oriġinarjament kienu jħaddmuh ittfal li kienu jinbidlu minn ħin għal ieħor. It-tfal kienu jkunu orfni, li f’dak il-perjodu kienu numru mhux ħażin.”

Maż-żmien kien hemm żvolta ġdida għaliex l-Isqof Galea li kien ukoll jgħix fil-kunvent ried li l-presepju jkun akbar u b’messaġġ qawwi dwar il-Milied. Għal dan il-għan, tqabbad l-Inġinier Pawlu

Galea li dlonk beda jaħdem sabiex jibni presepju mekkaniku.

Ma’ dan ukoll, l-Isqof Galea ried li l-presepju jkun mibni u mqassam b’mod li jkopri fih il-misteri kollha tal-ferħ.

Hekk dan il-presepju hu mqassam tali li jissimbolizza l-misteri tal-ferħ. Fuq, lewwel kamra tal-presepju, insibu ttħabbira tal-Anġlu Gabriel. Imbagħad hemm l-episodju fejn Santa Elizabetta tmur iżżur lil Madonna. Sadanittant, fittieqa tan-nofs insibu t-twelid ta’ Ġesù, segwit bil-preżentazzjoni fit-tempju u lħarba lejn l-Eġittu.”

F’dan il-presepju nsibu wkoll ir-rgħajja u n-nagħaġ maħduma skond dak il-perjodu. Il-pasturi huma tal-injam u lebsin, liema kostumi huma magħmula b’tant reqqa mill-istess sorijiet.

B’hekk kull pastur għandu storja għalih.

Il-qies tal-presepju hu ta’ madwar 2.26 pied b’20 pied. Swor Phyllis spjegat kif illum qed isir proġett ta’ rinovazzjoni bid-dawl, ħajr għas-sinjuri Joseph Pace u Chris Debono.

Ta’ min jgħid li bħala regola, tliet ġimgħat qabel il-Milied il-presepju jkun miftuħ għallpubbliku u ġieli jmorru anke tfal ta’ l-iskola sabiex jarawh.

Il-kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun hu kbir u mogħni b’silenzju u paċi li jimlik b’ċertu ferħ u trankwilità. Dwar dan Swor Phyllis Agius kompliet...

“Il- Fundatriċi u benefattura ta’ dan il-kunvent kienet is-Sinjorina Ġużeppina Curmi li propjrament kienet imwielda l-Belt. Meta iżda l-papa tagħha, is-Sur Pawlu Curmi kien laħaq Sindku taż-Żejtun, huma kienu marru joqgħodu ż-Żejtun. Kien hawnhekk, li s-Sinjorina Curmi kienet semgħet bħal vuċi ssejħilha sabiex tgħaqqad komunità ta’ sorijiet biex jieħdu ħsieb ittfal orfni” tenniet Swor Phyllis. U kien minn hemm li fil-lokalità taż-Żejtun twieled dan ilkunvent ta’ Ġesù Nazzarenu li permezz ta’ ġenerazzjonijiet ta’ sorijiet li ospità fih, kien ta’ tant sapport għan-nies, mhux biss taż-Żejtun, imma anke ‘l barra mil-lokal ukoll.

B’hekk bdew jinġabru t-tfal orfni. Kien hemm żmien fejn dawn it-tfal residenti kienu jammontaw għal madwar mitejn. Aktar tard, is-sorijiet tan-Nazzarenu kienu minn tal-ewwel li

bdew joffru kenn għar-refuġjati mill-Bosnja. Servizz ieħor offrut minn din il-binja ta’ imħabba hu dak ta’ għajnuna lit-tfajliet bi problemi.

Fi żmien il-Milied, is-sorijiet jipparteċipaw billi jkomplu man-nies li jżuru l-kunvent u l-qofol ta’ dawn il-jiem dejjem tkun dik il-quddiesa ta’ nofs il-lejl, bis-sehem tal-priedka tal-Milied u fejn fi tmiem kulħadd jinġabar flimkien biex jieħdu xi ħaġa żgħira tal-okkażjoni.

Illum is-sorijiet għadhom jagħtu kontribwut billi jżuru l-morda u jqarbnu lil min ikollu bżonn.

Il-presepju fil-kunvent tas-sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun ikun miftuħ għal tliet ġimgħat mit-Tnejn sal-Ħadd u l-ħinijiet ikunu mid-9.30am sa 12.30pm u mill-4.30pm sas- 7.00pm.

Irrid nistqarr li kienet verament intervista interessanti u mżewqa bit-tbissima ħelwa ta’ Swor Phyllis li ħaditni lura fiż-żmien b’tant imħabba u nostalġija u wasslitni lura għaż-żminijiet tallum bis-servizzi li qed joffru f’ġieħ il-komunità b’tant umiltà u lealtà, forsi bogħod mill‘valuri’ li llum tista’ qed tħaddan l-istess soċjetà.

Nixtieq nagħlaq billi nsellem lil qarrejja ta’ din ir-rivista FAMILJA u b’mod speċjali l-qarrejja li jsegwu din ir-rokna tiegħi ta’ intervisti ma’ esponenti differenti u nawguralhom il-Milied ittajjeb u sena ġdida ta’ ħafna saħħa, imħabba u prosperità.

KALENDARJU 2025

Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.
Familja Dicembru 2024 numru 31 by MSFC-Familja.media - Issuu