
5 minute read
Dehriet Tal‑Madonna
Il‑Ħidma Evanġelika ta’ Marija Santissima Bħala Missjunarja
Is‑Sittax ‑il Parti
Marija Verġni, ir‑Rikonċiljatriċi tal‑Popli u n‑Nazzjonijiet‑ f’Finca Betania, Venezwela
Finca Betania hu raħal żgħir agrikolu li jinsab bejn il‑bliet ta’ Cua u San Casimiro, fl‑Istat ta’ Miranda madwar 65 kilometru ’l bogħod minn Caracas, il‑belt kapitali tal‑Venezwela. Id‑dehriet tal‑Madonna hawnhekk m’ilhomx wisq li seħħew, fil‑fatt l‑ewwel dehra kienet fil‑25 ta’ Marzu 1976 u l‑aħħar waħda seħħet fil‑5 ta’ Jannar, 1990. Il‑Madonna dehret 31 darba lil Maria Esperenza Medrano de Bianchini (1928‑2004), li fil‑preżent hi rikonoxxuta mill‑Knisja bħala Qaddejja ta’ Alla, u b’hekk ingħata bidu għall‑Kawża tal‑Beatifikazzjoni u l‑Kanonizzazzjoni tagħha, bħala li hi kienet l‑messaġġiera tal‑Verġni Marija f’Betanja.
Maria Esperenza kellha diversi esperjenzi mistiċi sa minn età żgħira, ibda mill‑fejqan mirakuluż tagħha minn marda serja ħafna, pulmonite tal‑bronki, u jingħad li kellha viżjoni tal‑Madonna li kienet irrakkomandatilha l‑mediċi għall‑fejqan tagħha. Maria Esperanza kienet mogħnija b’kariżmi speċjali bħall‑għerf fid‑diskors, l‑għarfien, id‑don tal‑fejqan, id‑don tal‑pariri, il‑viżjonijiet, il‑bilokuzzjonijiet, l‑estasi, profeziji, il‑levitazzjoni,

ir‑riħa tal‑qdusija, l‑istigmati u l‑ħila li taqra l‑qlub ta’ ħaddieħor, li kollha użathom għall‑benefiċċju ta’ dawk fil‑bżonn. Wieħed mill‑aktar fenomeni notevoli huwa l‑warda li spontanjament toħroġ u tinfaqa’ minn sidirha. Dan ġara għal 16‑il darba.
Bħala mara żagħżugħa xtaqet li ssir soru Franġiskana iżda f’esperjenza mistika ma’ Kristu, qalilha li l‑missjoni tagħha kellha tkun ta’ mara miżżewġa u omm. Iltaqgħet ma’ Geo Bianchini Gianni f’Ruma fl‑I955, u żżewġu fit‑ 8 ta’ Diċembru 1956, u kellhom sebat itfal u 20 neputi. Fis‑sena 1974 huma kienu xtraw razzett b’isem ta’ Betanja f’art murija lil Maria Esperanza minn Marija Santissima f’viżjoni li qaltilha li dak kellu jsir “Ċentru ta’ Talb u pellegrinaġġi kostanti’’ għall‑poplu Venezwelan u maż‑żmien għall‑ġnus tad‑dinja kollha, kif fil‑fatt sar aktar tard.

Fid‑29 ta’ Marzu 1974, Maria Esperanza għarfet l‑art mid‑deskrizzjoni li rċeviet fil‑messaġġi tal‑Madonna, għax kienet tikkoinċidi perfettament mal‑post: id‑dar l‑antika, il‑mitħna taz‑zokkor, il‑pjantaġġun tal‑kannamieli u l‑kafè, u l‑grotta bl‑ilma ċar kristal. Il‑konferma simbolika li kien il‑post imħabbar u magħżul tal‑Madonna saret minn Maria Esperenza permezz ta’ sinjal ta’ farfett blu. F’messaġġi tal‑Madonna li Maria Esperanza kellha ħafna snin qabel, il‑Madonna ħabbret li meta Maria Esperenza ssib l‑art Hija (il‑Madonna nnifisha) kienet timmanifesta ruħha permezz tal‑ġwienaħ ta’ farfett blu. Dan fil‑fatt seħħ tabilħaqq meta Maria Esperanza sabet l‑art u f’daqqa waħda mill‑grotta tar farfett blu fuq il‑post. Fil‑preżent il‑farfett blu jidher f’ħafna mumenti speċjali jtir mill‑grotta għal fuq it‑terrazzin , u mbagħad jitħarrek minn hemm u jgħib fil‑veġitazzjoni ta’ hemm.

Fid‑19 ta’ April 1979, Maria Esperanza ħolqot il‑Fondazzjoni Betania, moviment lajk iddestinat biex jevanġelizza, jeduka liż‑żgħażagħ, jiżviluppa l‑benesseri tas‑soċjetà, irawwem il‑ħajja tal‑familja, u jippromwovi il‑ġustizzja soċjali. L‑għan aħħari tal‑Fondazzjoni huwa li jikkonsolida l‑bażi ta’ dinja ġdida billi “inħobbu lil xulxin” bil‑motto: “Mħarrġa
fil‑fidi biex naħdmu għal għada aħjar”.
L‑ewwel dehra tal‑Madonna seħħet fuq siġra kbira ħdejn nixxiegħa. Flimkien ma’ Maria Esperenza, kien hemm madwar 80 persuna, li għalkemm dawn ma rawx lill‑Madonna bħalma għamlet Maria Esperenza, iżda raw fenomeni luminużi fis‑sema.
Hawnhekk il‑Madonna kienet sejħet lilha nnifisha bħal: Marija, Verġni u Omm, Rikonċiljatriċi tal‑Popli u tan‑Nazzjonijiet, u wissiet ħafna drabi gwerer u tbatija fil‑ġejjieni. F’okkażjoni waħda daqs 108 persuni rrappurtaw li raw lill‑Omm Imqaddsa, u ħafna li żaru il‑post irrappurtaw diversi mirakli u sinjali.
Messaġġi tal‑Madonna:
(Inġibu xi whud minnhom)
(Fl‑ewwel Dehra – 25
ta’ Marzu 1976 ); “Binti, hawn inti għandek Lili b’idejja mimlija bil‑grazzji u mgħottija bi splendur ta’ dawl, biex insejjaħ lil uliedi kollha għall‑konverżjoni: din hija ż‑żerriegħa tal‑glorja li noffri jiena bħala Marija,
Rikonċiljatriċi tal‑Popli u
tan‑Nazzjonijiet, għax jiena ġejt biex nirrikonċiljakom ilkoll. Ir‑Rikonċiljazzjoni hija l‑wirt tal‑Fratellanza Divina ta’ Ibni Divin. Binti, agħti dan il‑messaġġ tiegħi lil kulħadd. Jiena nżommok hawn f’qalbi mil‑lum ’il quddiem u għal dejjem.”
(It‑Tieni Dehra ‑ 22 ta’ Awwissu 1976 ); “Binti, meta l‑bnedmin kollha fuq l‑art jiġu biex iġorru s‑salib tagħhom bl‑imħabba, ma jkunx hemm aktar uġigħ u lanqas biki għax hekk jgħixu kuljum ma’ Ibni l‑Maħbub f’hallelujah kostanti u ħajja hienja!
Binti, nixtieq li inti ġġegħelhom iħossu l‑valur u l‑importanza tad‑dehra l‑ġdida tiegħi bħal Rikonċiljatriċi tal‑Popli u tan‑Nazzjonijiet, għax taħt dan it‑titlu jsibu kundizzjononijiet essenzjali u determinanti biex iħejju irwieħhom biex jirċievu l‑grazzja tal‑Ispirtu s‑Santu... permezz tal‑komunikazzzjoni u ż‑żjarat ta’ Sidna, permezz tal‑Fidi....għax il‑Fidi hija l‑bażi tal‑Kristjaneżmu...
(It‑Tielet Dehra – 25
ta’ Mejju 1977 ) Binti, uliedi, minn issa ’l quddiem għandkom tosturaw irwieħkom bl‑Ispiritwalità Divina...għax dan jgħinkom, bħala għajn ta’ safa.
(Il‑Ħames Dehra 25 ta’ Marzu 1978 )
Binti, il‑preżenza tiegħi fostkom mhix ħolma, hi vera, obdi u kompli kun leali lejn din Ommok, biex tifraħ għall‑Eternità!
Il‑kompitu tiegħek huwa diffiċli li tgħaddi l‑messaġġ tiegħi ta’ mħabba u rikonċiljazzjoni lin‑nies u lill‑ġnus kollha... Int se tbati, imma għad tara x’ferħ u hena għad ikollok... Jiena mmexxik minn idejk...
Mirakli, Fejqan, u Sinjali....
Kien hemm aktar minn 500 Miraklu u fejqan rrappurtati f’Betania. Il‑pellegrini jsostnu li raw lill‑Verġni (aktar minn 2000 xhud) u diversi fenomeni ċelesti bħal ċpar ġej mill‑għolja, abbundanza ta’ fjuri, ħoss ta’ kor inviżibbli, riħa ta’ ward u ċaqliq irregolari tax‑xemx.
Wara d‑dehriet f’Betania, Maria Esperanza wettqet ħidma missjunarja bla heda ta’ tixrid tal‑messaġġ ta’

mħabba, rikonċiljazzjoni u għaqda tal‑familja madwar id‑dinja, permezz ta’ għadd ta’ konferenzi, djalogi u preżentazzjonijiet.
Wara li sofriet marda simili għall‑marda ta’ Parkinson, Marija Esperenza mietet f’Long Beach Island, New Jersey, fis‑7 ta’ Awwissu 2004 fl‑età ta’ 75 sena.
Approvazzjoni tal‑Knisja
L‑Isqof tad‑djoċesi ta’ Leo Teques, Mons. Pio Bello Ricardo, Ġiżwita, fetaħ investigazzjoni Kanonika fl‑1984 dwar dawn id‑Dehriet tal‑Madonna ġewwa Betania. Huwa intervista bosta xhieda ta’ dehriet u fejqan attribwiti lill‑Madonna ta’ Betania, fosthom il‑fejqan ta’ Spina Bifida ta’ tarbija, kif hu dokumentat fiċ‑Ċentru Mediku tal‑Kontea ta’ Westchester f’Valhalla, New York.
Mons. Pio Bello Ricardo, approva d‑dehriet b’konsultazzjoni mal‑Kardinal Josef Ratzinger (il‑futur Papa Benedittu XVI) li dak iż‑żmien kien Prefett tal‑Kongregazzjoni għad‑Duttrina tal‑Fidi.

Il‑qaddejja ta’ Alla Maria Esperanza u Papa San Ġwanni Pawlu II. Dikjarazzjoni tal‑Isqof Ricardo li hu għamel fil‑21 ta’ Novembru 1987; “Wara li studjajt kemm‑il darba d‑dehriet tal‑Verġni l‑aktar Qaddisa f’Betania, u tlabt lill‑Mulej bil‑ħerqa għad‑dixxerniment spiritwali, niddikjara li fil‑ġudizzju tiegħi, l‑imsemmija Dehriet huma awtentiċi u għandhom karattru sopranaturali. Jiena għalhekk napprova uffiċjalment li s‑sit fejn seħħew id‑dehriet jitqies bħala Sagru.”
Huwa approva wkoll s‑Santwarju li kien inbena apposta u li lejh jsiru ħafna pellegrinaġġi matul is‑sena kemm min‑nies tal‑Venezwela kif ukoll minn pajjiżi oħra.
Rivista missjunarja b’40 paġna, kollha bil‑kulur, maħruġa minn Missio (Uffiċċju Missjunarju) għal aktar minn 80 sena
Aġġorna ruħek fuq id‑Dinja Missjunarja. Abbona fir‑Rivista Malta Missjunarja fejn issib: Aħbarijiet mid‑dinja missjunarja | Intenzjoni tax‑xahar Esperjenzi missjunarji Maltin u Għawdxin | Ċajt u kompetizzjonijiet

Dan kollu għall‑prezz ta’ €21 għal abbonament ta’ sentejn li jinkludi wkoll Kalendarju MIssjunarju b‘xejn.