2 minute read

Intenzjoni Missjunarja

Settembru 2022

Għat‑Tneħħija Tal‑Piena Kapitali

Nitolbu sabiex il‑piena kapitali li tmur kontra d‑dinjità tal‑persuna tkun abolita mil‑liġijiet tal‑pajjiżi kollha fid‑dinja.

Fl‑udjenza mogħtija fil‑11 ta’ Mejju 2018 lill‑Prefett tal‑Kongregazzjoni għad‑Duttrina tal‑Fidi, il‑Q.T. Papa Franġisku approva din il‑verżjoni ġdida tan‑numru 2267 tal‑Katekiżmu tal‑Knisja Kattolika: “Għal żmien twil, it‑tħaddim tal‑piena tal‑mewt min‑naħa tal‑awtorità leġittima, wara proċess regolari, kien meqjus bħala tweġiba f’lokha għall‑gravità ta’ xi delitti u mezz aċċettabbli, imqar jekk estrem, għall‑ħarsien tal‑ġid komuni. Illum qed jikber dejjem iżjed l‑għarfien li l‑persuna ma titlef qatt id‑dinjità tagħha, lanqas wara li tkun wettqet atti kriminali gravi ħafna. Barra minn hekk, xtered għarfien ġdid min‑naħa tal‑istat dwar is‑sens tas‑sanzjonijiet penali. Fl‑aħħar nett, qed jiġu applikati sistemi ta’ detenzjoni iżjed effikaċi, li jiggarantixxu l‑protezzjoni doveruża taċ‑ċittadini, imma fl‑istess waqt, lill‑ħati ma jeħdulux għalkollox il‑possibbiltà li jirriforma lilu nnifsu. Għalhekk, il‑Knisja, fid‑dawl tal‑Evanġelju, tgħallem li l‑piena tal‑mewt hija inaċċettabbli għax tattakka l‑invjolabbiltà u d‑dinjità tal‑persuna, u tħabrek b’rieda sħiħa biex titneħħa fid‑dinja kollha.”

Għall‑Papa Franġisku l‑piena kapitali hija inaċċettabbli u għandha titneħħa kullimkien mid‑dinja. “Il‑qattiel ma jitlifx id‑dinjità personali tiegħu,” jikteb il‑Papa fl‑enċiklika ‘Fratelli Tutti’. Hawnhekk il‑Papa jisħaq sabiex ma nħarsux lejn

il‑piena tal‑faċilità korrettiva bħala vendetta, imma bħala parti minn proċess ta’ fejqan u ta’ inseriment mill‑ġdid fis‑soċjetà ta’ dawk li skontaw is‑sentenzi tagħhom, u sabiex intejbu l‑kundizzjonijiet tal‑ħabsijiet, fir‑rispett tad‑dinjità umana tal‑ħabsin. (‘Fratelli Tutti’, numri 263‑269)

In‑Nisrani jista’ jifhem dan fuq kollox fid‑dawl tal‑kmandament ta’ Kristu, għaliex l‑Insara għandhom iħobbu lil xulxin skont il‑miżura tal‑imħabba ta’ Kristu: “Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.” (Ġw. 13:34) Meta l‑bniedem jipprova jiġġudika dak li jgħid Kristu, hu ftit li xejn ikun jaf lil Kristu jew il‑Kelma ta’ Kristu: “Min imaqdar lili u ma jilqax kliemi, hemm min jagħmel ħaqq minnu: il‑kelma li jiena għedt, tkun hi li tagħmel ħaqq minnu fl‑aħħar jum.” (Ġw. 12:48) San Alfons Marija de Liguori kien iħobb jgħid: “Min jobgħod lill‑proxxmu tiegħu jkollu infern f’din id‑dinja u ieħor fl‑oħra.” Papa Franġisku fl‑ewwel Anġelus tiegħu tas‑17 ta’ Marzu 2013, qal frażi tassew mill‑isbaħ dwar it‑tema tal‑imħabba u tal‑maħfra: “Li Alla qatt ma jegħja jaħfer lill‑bniedem, huwa l‑bniedem li jegħja jaħfer lill‑oħrajn.” 

BAŻAR

This article is from: