
6 minute read
Esperjenzi Reali
Familji minn komunità parrokkjali fil‑Brażil.
San Paolo hija metropoli kbira fil‑Brażil. Ħafna Maltin isibuha diffiċli jimmaġinaw xi tfisser tgħix ġo belt li hija ftit akbar minn erba’ darbiet il‑kobor ta’ Malta u Għawdex flimkien, u b’popolazzjoni ta’ aktar minn erbgħin darba iżjed minn dik ta’ pajjiżna. F’waħda mill‑parroċċi tad‑djoċesi ta’ San Paolo nsibu stil ta’ ħajja, fost il‑parruċċani, li qed jiġbed lejh ħafna familji li ħafna minnhom jaslu biex jimpenjaw irwieħhom dejjem aktar u saħansitra jaslu jagħmlu esperjenza ta’ ħajja ekkleżjali li twassal biex tittrasforma anki l‑ħajja soċjali ta’ madwarhom. Dun Ricardo Pinto, qassis Brażiljan u ħabib tiegħi li ilni nafu għal ħafna snin, qalli x’qed jiġri fil‑parroċċa tiegħu. Laqatni ħafna l‑fatt li dak li qed jiġri hemm qed inħossuh hawn Malta wkoll. Huwa ċar li l‑Ispirtu ta’ Ġesù Rxoxt f’nofs il‑komunitajiet tagħna, qed jurina t‑triq li għandna nieħdu aħna wkoll. Dan hu dak li qalli:
Kienu jirċievu u issa bdew jagħtu!

“Issa li bdejna niftħu mill‑ġdid il‑parroċċi tagħna wara l‑pandemija u rġajna bdejna niltaqgħu fiżikament, koppja miżżewġa qaltli hekk: “Konna d‑dar, iżolati minħabba l‑pandemija, u bdejna nfittxu fuq il‑kompjuter u skoprejna l‑Knisja Kattolika b’mod li qatt ma konna nimmaġinaw. X’għandna nagħmlu biex nirċievu s‑sagramenti tal‑inizjazzjoni Nisranija?” Kien hemm oħrajn li bħal din il‑koppja resqu lejn il‑parroċċa bl‑istess xewqa u f’kemm ilni ngħidlek ifforma grupp onlajn biex jitgħallem aktar fuq id‑duttrina Nisranija. Grazzi għall‑akkoljenza li dejjem sabu fil‑parroċċa, spontanjament bdew jipparteċipaw fil‑ħajja tal‑komunità. Illum tarahom jagħġnu l‑għaġina biex jagħmlu l‑ħobż li mbagħad jinbiegħ għall‑fondi tal‑parroċċa, u tarahom jipparteċipaw fil‑funzjonijiet u attivitajiet oħra tal‑parroċċa. Fosthom hemm min diġà kien mgħammed u issa qed jipprepara biex jiżżewweġ bil‑Knisja. Din is‑sena, minħabba dan, in‑numru taż‑żwiġijiet irdoppja.”
Ħarsa aktar miftuħa.
Il‑pandemija ġabet ħafna diffikultajiet, imma mill‑banda l‑oħra ninnutaw li n‑nies fil‑parroċċa saret aktar attenta li tisma’, li titlob u li tħoss aktar is‑sens ta’ solidarjetà mal‑oħrajn. Il‑parroċċa saret aktar attenta għall‑bżonnijiet tal‑familji. Qabel kienu xi tletin familja li kienu jgħinu. Issa telgħu għal aktar minn sebgħin familja li kull xahar jirċievu għajnuna taħt forma ta’ ikel, u oġġetti għall‑iġjene personali u ndafa ġenerali. Din l‑għajnuna tiġi mhux biss mill‑parruċċani, imma saħansitra min‑nies li joqogħdu fil‑kwartieri u binjiet enormi ta’ din iż‑żona. Dawn id‑donazzjonijiet spontanji għamlu lill‑parroċċa ċentru ta’ solidarjetà li dejjem baqa’ jikber. “Qatt ma rajna l‑ixkafef fil‑kamra minn fejn inqassmu dawn l‑affarijiet daqshekk mimlija, tant li issa nistgħu nqassmu dak kollu li dawn il‑familji għandhom bżonn, u aktar minn hekk bdejna naqsmu ma’ parroċċi u istituzzjonijiet oħra li għandhom inqas minna,” qal wieħed minnn dawk responsabbli biex jgħin lil dawn il‑familji fil‑bżonn.

Il‑kapaċità li taf tisma’, naturalment, iġġiegħlek tħares lejn aspetti oħra, bħas‑saħħa fiżika u emottiva, l‑abitazzjoni u r‑relazzjonijiet fil‑familja. “L‑imħabba ta’ bejnietna, tikkontamina u ddewwi t‑tbatijiet ta’ ħafna,” qal wieħed mill‑parruċċani.
“Għallimtuni mill‑ġdid nibda nħobb.”
Stejjer li ma tkunx qed tistenniehom u li jmissulek qalbek, bħall‑istorja ta’ Werner li dakinhar stess li bintu bdiet tmur għad‑duttrina fil‑parroċċa, ġie mistieden biex jidħol fil‑grupp ta’ ‘Rużarju tal‑Irġiel’, li jimmira li jilħaq l‑irġiel fil‑parroċċa permezz tat‑talba tar‑Rużarju. Żewġ
Settembru 2022 23 ta' Ottubru 2022 ‑ Ġurnata Missjunarja miżżewġin mill‑grupp ‘Koppji ma’ Kristu’ ltaqgħu miegħu u ndunaw bit‑tbatija li kien għaddej minnha minħabba s‑separazzjoni li riċentement għadda minnha fiż‑żwieġ tiegħu. Il‑mod sinċier kif laqgħuh dawn it‑tnejn u familji oħra, u kif stednuh biex jagħti daqqa t’id fix‑xogħol tal‑parroċċa, serva biex bil‑mod il‑mod il‑vojt li kien qed iħoss fih reġa’ beda jimtela mill‑ġdid. Ftit ġranet qabel il‑Ġimgħa
Mqaddsa tal‑2021, Werner kellu jitlob l‑għajnuna mingħand waħda mill‑familji għax kellu s‑sintomi tal‑COVID‑19 u ma setax isib sptar li seta’ jakkomodah. F’daqqa waħda bdiet tellieqa ta’ solidarjetà. Permezz ta’ tabib mill‑grupp, seta’ jidħol fi sptar immedjatament minħabba s‑sitwazzjoni gravi li kien jinsab fiha. Lejl qabel ma poġġewh fuq il‑ventilatur, Werner irnexxielu jġib permess biex jingħaqad onlajn mat‑trasmissjoni tar‑Rużarju tal‑Irġiel u hekk irċieva l‑barka tal‑aħħar. “Nirringrazzjakom li aċċettajtuni f’din il‑komunità. Erġajtu għallimtuni mill‑ġdid inħobb. Inħobbkom,” irrepeta għal diversi drabi fost l‑emozzjoni
ta’ dawk li kienu onlajn miegħu. Fl‑aħħar ilkoll flimkien talbu grazzi speċjali għal Werner.
L‑għada, qam ħafna aħjar, tant li t‑tobba raw li ma kellux aktar bżonn il‑ventilatur u Sibt il‑Għid Werner seta’ jmur lura d‑dar. Il‑komunità ħadulu l‑ikla tal‑Għid id‑dar u mbagħad ħasbu biex isibulu xogħol peress li kien tilfu minħabba l‑pandemija, u hekk għenuh jerġa’ jibda jibni ħajtu.

Flimkien nistgħu.
Familja oħra li l‑komunità għenet fi żmien il‑pandemija kienet dik ta’ Pepe u Anna Kristina. Huma għandhom tlett itfal u lkoll ħadu l‑COVID‑19. Kellhom tensjoni kbira minħabba li tilfu x‑xogħol u kienu fil‑periklu minħabba l‑vajrus, imma rnexxielhom jissuperaw din il‑prova bis‑sostenn u l‑fidi tal‑komunità. Effett ta’ dan, il‑familja kollha saret impenjata ħafna fil‑ħajja tal‑parroċċa. Waqt l‑omelija tal‑quddiesa tal‑Ħadd għat‑tfal, bħala familja jħaddmu l‑pupazzi biex ifissru l‑messaġġ tal‑omelijia, u janimaw il‑quddiesa taż‑żgħażagħ bil‑kant u l‑mużika. Ħaġa oħra sabiħa hija li t‑tifel il‑kbir, għalkemm kien qed jistudja onlajn, irnexxielu jirbaħ borża ta’ studju biex jistudja f’università fl‑Ewropa. “Kienet rebħa sabiħa għall‑familja kollha, kull wieħed jgħin lill‑ieħor. Permezz tal‑komunità Alla ġegħelna nesperimentaw il‑providenza tiegħu anki f’nofs tant tbatija,” qalu b’konvinzjoni Pepe u Anna Kristina.
Is‑sorpriżi t’Alla.
Għal Marcelo u Luciana dawn l‑aħħar xhur kienu mimlijin b’ħafna sorpriżi min‑naħa t’Alla. Bħala koppja jagħmlu parti mit‑tim li janima l‑pastorali tal‑familji. Marcelo ilu minn meta kien għadu żagħżugħ midħla tal‑komunità parrokkjali, mentri Luciana riċentament bdiet tipprepara ruħha biex tirċievi l‑Ewwel Tqarbina u l‑Griżma tal‑Isqof. Il‑mod kif ġiet milqugħa minn bintha meta daħlet fil‑grupp tal‑katekiżmu kien fattur determinanti biex bħala familja jkunu disponibbli biex jaqdu fil‑komunità. Waqt il‑pandemija ntalbu jieħdu ħsieb il‑grupp taż‑żgħażagħ u f’dak il‑mument saru jafu li Luciana ħarġet tqila. “Mal‑aħbar, l‑ewwel sensazzjoni kienet ta’ ferħ kbir,” spjegat Luciana. “Apparti Julia, li għandha tnax‑il sena, u Lucas, li għandu disa’ snin, aħna xtaqna jkollna aktar tfal, imma bdejna nibżgħu minħabba l‑inċertezzi taż‑żmien li konna għaddejjin minnu. Bdejna nitolbu u morna għand il‑kappillan biex forsi jeħlisna mill‑impenn ta’ dan ix‑xogħol li kien ħaseb li jagħtina. Imma r‑risposta tiegħu kienet: “L‑istennija ta’ tarbija f’dan il‑mument turi li kollox huwa fil‑pjan ta’ Alla, għax hekk nistgħu niċċelebraw il‑ħajja f’nofs dawn il‑ħafna inċertezzi.” Il‑familji l‑oħra tal‑parroċċa rċevew din l‑aħbar b’ferħ kbir u waħda mill‑koppji kienet lesta li tgħinhom fl‑animazzjoni maż‑żgħażagħ, li fi ftit xhur, minn tmienja telgħu għal tletin, fil‑laqgħat ta’ kull ġimgħa. “It‑tifla twieldet

b’saħħitha u ġabet ferħ kbir kemm fil‑familja tagħna kif ukoll fil‑komunità. Hija tatna l‑forza negħlbu l‑beżgħat tagħna, u nemmnu dejjem fis‑sbuħija u ċ‑ċelebrazzjoni tal‑ħajja. Bħala sinjal żgħir li konna qed nimxu flimkien mal‑Knisja, fit‑3 ta’ Jannar 2021, Papa Franġisku, fit‑Talba tal‑Anġelus tal‑Ħadd f’nofsinhar, qal hekk: “B’affezzjoni nixtieq insellem lill‑familji kollha, speċjalment dawk li għandhom tfal żgħar jew li qed jistennew xi twelid. It‑twelid huwa dejjem wegħda ta’ tama; inħossni qrib ħafna ta’ dawn il‑familji.” Fil‑kuntest diffiċli tal‑pandemija, ħassejna li dawn il‑kelmiet tant sbieħ tal‑Papa, kienu anki għalina. Id‑diffikultajiet ma jonqsu qatt, imma l‑ħajja fil‑komunità ġġegħelna nesperimentaw li l‑qawwa tal‑imħabba hija dejjem akbar.”
AGĦMEL IT‑TMIEM TAL‑FAQAR PARTI MILL‑ISTORJA TAʼ ĦAJTEK.
RIEDA LI TAGĦTI

Wirt dejjiemi li jibdel il‑ħajjiet
Billi tiftakar f'Missio Malta fil‑wirt tiegħek, inti tista' tagħmel differenza għal dejjem fid‑dinja li l‑ġenerazzjoni li jmiss qed tikber fiha. Rigal mingħandek jista', ħafna snin oħra, jidher fit‑tbissim tat‑tfal f'pajjiżi tat‑Tielet Dinja li ser jibbenefikaw mill‑ħniena u l‑kompassjoni tiegħek. Il‑legati tiegħek li tħalli warajk dejjem ser iħallu tbissima ħajja fil‑qlub ta' nies oħra. Jien. Int. Aħna. Flimkien.
VO/1178
Nru. 7, Triq il‑Merkanti, il‑Belt Valletta VLT 1171. Tel: (+356) 2123 6962 | E‑Mail: info@missio.org.mt www.missio.org.mt