2 minute read

Reċensjoni Ta’ Ktieb

Next Article
Editorjal

Editorjal

Dun Ġużepp Cauchi

Qassis Twajjeb u ta’ Karità

Dan huwa ktieb li għandu jkun f’idejna f’dawn il‑ġranet; stampat f’għeluq il‑ħamsa u disgħin sena mill‑ordinazzjoni saċerdotali ta’ Dun Ġużepp Cauchi minn San Lawrenz, saċerdot tassew qaddis li fl‑istess ħin kien vittma innoċenti li mexa t‑triq tat‑tbatija. Il‑ktieb qed jiġi ppubblikat ukoll fl‑okkażjoni wisq sabiħa li kellna taż‑Żjara ta’ Papa Franġisku fil‑gżejjer tagħna fil‑bidu t’April li għadda u huwa ddedikat lis‑saċerdoti u lir‑reliġjużi ħajjin u mejtin.

Wara l‑preżentazzjoni interessanti mill‑Kappillan ta’ San Lawrenz, Dun Charles Sultana, u d‑daħla konċiża tal‑awtur Angelo Xuereb, għandna seba’ kapitli u l‑għeluq li jittrattaw il‑ħajja ta’ Dun Ġużepp, mit‑tfulija sal‑mewt. Għalhekk, il‑ktieb isemmi t‑tfulija ta’ Dun Ġużepp u l‑ħajja fil‑bidu tas‑Seklu 20 fir‑raħal pittoresk ta’ San Lawrenz fil‑Lvant t’Għawdex, li jirrifletti wkoll in‑nisġa tal‑ħajja sempliċi, imma mimlija kuntentizza fl‑irħula tagħna. Naraw iż‑żmien ta’ meta huwa beda jistudja għal saċerdot u l‑ħajja fis‑seminarju. Naqraw dwar meta ordna saċerdot, 95 sena ilu, eżattament nhar it‑18 ta’ Settembru tal‑1927, flimkien ma’ 5 saċerdoti oħra, wieħed mill‑Għarb, ieħor mix‑Xagħra u tlieta mill‑Qala. Fuq kollox, naraw il‑ħidma pastorali tiegħu mibnija fuq it‑talb u l‑karità lejn il‑proxxmu u lejn kull min kien fil‑bżonn, speċjalment fiż‑żminijiet diffiċli tat‑Tieni Gwerra Dinjija. Minbarra ħidma fil‑parroċċa tiegħu, huwa kien ukoll jgħin pastoralment f’parroċċi oħra, fl‑Azzjoni Kattolika u jassisti lill‑moribondi.

Kien saċerdot spiritwali, ubbidjenti u fl‑istess ħin kellu diġà l‑viżjoni miftuħa tal‑Knisja li rajna wara mewtu, fil‑Konċilju Vatikan II. Iżda għaliex Dun Ġużepp kien qassis twajjeb, sab min jgħir għalih, għamillu ħsara kbira u ferewh bil‑kbir fis‑saċerdozju tiegħu. Imma l‑verità hija waħda, li Dun Ġużepp Cauchi kien innoċenti, qatt m’għamel xi ħaġa ħażina, imma biss it‑tajjeb. Fuq kollox, Dun Ġużepp huwa l‑qassis li ħafer, tant li lanqas ried ikun jaf mingħand l‑isqof min kienet il‑persuna li għamlet ir‑rapporti foloz. “La l‑Mulej miegħi, m’għandix għax nibża’, x’jista’ jagħmilli l‑bniedem?” (Salm 117) Quddiem id‑dinja huwa deher li miet umiljat, imma għall‑kuntrarju, huwa miet tassew igglorifikat, bħall‑Ħaruf tal‑Apokalissi, Ħaruf Ferut u Maqtul, imma fl‑aħħar huwa l‑Ħaruf Rebbieħ: ‘ergo vicimus, cum occidimur, denique evadimus, cum obducimur’ li tfisser: aħna nsaltnu meta joqtluna, aħna naħarbu meta jikkundannawna. (Tertulljanu, Apoloġija Nru.50) U għalhekk, mhux ta’ b’xejn il‑kawża ġusta tal‑kummissjoni mmexxija mis‑segretarju ħabrieki tagħha s‑Sur George Borg, sabiex taħdem bla heda ħalli tkompli turi lil Għawdex u lil Malta tagħna l‑ħajja ta’ qdusija li għex Dun Ġużepp Cauchi.

Fil‑ktieb inisbu ritratt tas‑santa tal‑mewt tiegħu u għaxar ritratti tassew nostalġiċi marbuta mal‑ħajja ta’ dan il‑qassis. Insibu wkoll appendiċi li juri l‑arblu tar‑razza ta’ Dun Ġużepp Cauchi sa minn qabel l‑1647 u l‑lista tal‑kotba kollha ppubblikati mill‑Kummissjoni Tifkira Dun Ġużepp Cauchi. Il‑ktieb huwa tassew sabiħ li taqrah, u xħin tibdieh tkun trid taqrah kollu għaliex jittratta l‑ħajja ta’ qaddis tassew fuq din l‑art. Ikun wisq opportun li jingħata bħala tifkira lill‑istudenti fl‑okkażjonijiet tas‑Sagramenti tal‑Ewwel Tqarbina u tal‑Griżma tal‑Isqof li jiġu ċċelebrati fil‑parroċċi tagħna. Kull min irid jikseb kopja ta’ dan il‑ktieb huwa mitlub jikkuntattja lis‑Segretarju tal‑Kummissjoni Tifkira Dun Ġużepp Cauchi permezz tal‑imejl: georgevborg61@gmail.com, jew billi jċempel in‑numri 2155 4181 jew 9988 2814. 

TFAL MISSJUNARJI

Programm għat‑tfal bi produzzjoni ta’ MissioTfal u preżentazzjoni ta’ Claudia Cini bl‑għajnuna ta’ Nancy Camilleri.

Kull nhar ta’ Tnejn u kull nhar ta’ Ġimgħa fit‑3:30pm fuq Radju Marija 102.3FM (Malta) / 107.8FM (Għawdex).

This article is from: