3 minute read

Mill‑Passat tal‑YTC

Next Article
Editorjal

Editorjal

F’għeluq il‑25 Sena (1968‑1993)

Din is‑sena jmissna niċċelebraw, għax għalaqna 25 sena minn mindu twaqqfet il‑YTC. Kien fl‑1968 meta nibtet l‑idea li fil‑Catholic Tourist Council titwaqqaf fergħa għaż‑żgħażagħ bil‑ħsieb li torganizza attivitajiet għal żgħażagħ barranin li jiġu Malta għall‑vaganzi. Din il‑fergħa ġiet imsejħa Youth Travel Circle, u tħalliet f’idejn Dun Maurice Mifsud u grupp ta’ kollaboraturi. Aktar tard żviluppat f’għaqda għaż‑żgħażagħ Maltin u bdiet toffrilhom opportunitajiet ta’ safar fi programmi internazzjonali li kienu jsiru l‑Ġermanja. F’Malta wkoll kibret u żiedet fil‑membri. Il‑YTC, kif hija msejħa minn kulħadd, bdiet torganizza ħafna attivitajiet li ġibdu eluf ta’ żgħażagħ u tathom iċ‑ċans li jiltaqgħu flimkien, isiru jafu ħafna ħbieb, u għal numru mhux ħażin serviet biex iltaqgħu koppji u żżewġu. Il‑YTC organizzat ħafna attivitajiet ta’ kultura kif ukoll ħafna laqgħat edukattivi. Għalkemm ma kienet qatt organizzazzjoni ta’ ħafna daqq ta’ trombi u ftaħir, il‑kumitati tagħha u l‑membri għamlu ħafna u ħafna xogħol fost iż‑żgħażagħ, u għenu fl‑edukazzjoni li ma taqta’ qatt fil‑ħajja lil żgħażagħ li kienu telqu t‑tagħlim u l‑iskola. Fil‑YTC sabu post fejn jitkellmu u jiddiskutu, jifirħu u jistrieħu mill‑għeja tax‑xogħol, jisimgħu taħditiet interessanti u edukattivi, igawdu l‑kumpanija ta’ xulxin, isiefru u jiltaqgħu ma’ żgħażagħ barranin, u jiżviluppaw fil‑ħajja Nisranija. F’dawn il‑25 sena l‑YTC kienet dejjem forza ħajja ta’ ġid li minnha gawdew eluf ta’ żgħażagħ Maltin.

Is‑safar, li l‑organizzatur ewlieni tiegħu huwa Dun Maurice, megħjun minn Miss Pauline Azzopardi, jiġi organizzat f’kull staġun tas‑sena. Fix‑xitwa l‑YTC jorganizza diversi ġiti wħud f’xi bliet barranin, bħal Munich, lnnsbruck u Salzburg, imma f’dan l‑istaġun il‑biċċa l‑kbira tas‑safar huwa vaganzi ta’ skiing. Il‑YTC huwa msemmi għal dan is‑safar ta’ skiing, għax l‑ewwel nett joffri postijiet u lukandi b’panorama u b’veduti mill‑isbah tal‑muntanji; it‑tieni għax ikollok il‑gwida u b’hekk titgħallem u tipprattika sport ġdid għalina l‑Maltin, u wkoll għax dan is‑safar ikun organizzat bi prezz moderat biex b’hekk ma jittaqqab il‑but ta’ ħadd. Fis‑sajf, il‑YTC jorganizza għadd ta’ ġiti minn ġimgħa sa ħmistax‑il ġurnata.

L‑exchanges, li l‑biċċa l‑kbira tagħhom ikunu għall‑Ġermanja, huma mmirati għaż‑żgħażagħ ta’ bejn it‑tmintax u t‑tletin sena. Il‑prezz ta’ dan it‑tip ta’ safar ikun irħis ħafna għax iż‑żgħażagħ ma jmorrux joqogħdu f’xi lukanda, iżda f’Youth Hostels jew f’xi Youth Centre, bħal f’Germershausen qrib Gottingen. L‑għan ta’ dawn l‑exchanges huwa li nkabbru l‑kuntatti tagħna ma’ żgħażagħ Maltin mhux membri, imma li jsiefru magħna u li nsiru nafu aktar fuq pajjiżi u żgħażagħ barranin. Ħafna minn dawn iż‑żgħażagħ li norganizzaw l‑exchanges magħhom, ikunu

diġà ġew iżuruna f’Malta u jkunu qagħdu għall‑vaganza tagħhom fil‑bangalow tal‑YTC fil‑Buskett. Il‑YTC jagħmel minn kollox biex jorganizzalhom programm mill‑isbaħ u jara li ma jkun jonqoshom xejn. Min‑naħa tagħhom, huma wkoll jilqgħuna mill‑aħjar meta mmorru nżuru pajjiżhom. Il‑programm ta’ dawn l‑exchanges ikun mimli attivitajiet kulturali, edukattivi u naturalment rikreattivi. Fl‑exchange li sar din is‑sena fil‑Ġermanja (Gottingen, Frankfurt u Rudesheim) żorna l‑birrerija f’Gottingen u darba oħra morna Wirtgassen naraw l‑Atomic Power Station. Żorna wkoll ħafna bliet, bħal Darmstadt u Heidelherg Kassel, u morna ġurnata fuq ix‑xmara Rhine.

Minbarra l‑exchanges, il‑YTC jorganizzza Work Camps. Għal dawn l‑aħħar ħames snin ġew organizzati Work Camps ma’ għaqda Ġermaniża jisimha Kolping. Dawn iż‑żgħażagħ joqogħdu Malta għal madwar tliet ġimgħat. Ex‑membru tagħna, Philip Camilleri jipprepara pjan ta’ xogħol għall‑bangalow fil‑Buskett li jsir minn dawn iż‑żgħażagħ Ġermaniżi. Dan ix‑xogħol jinkludi: tibjid, żebgħa, żebgħa ta’ sodod, ħjata, bini ta’ ħitan tas‑sejjiegħ u tiswijiet oħra meħtieġa. Għaldaqstant, dawn iż‑żgħażagħ, tul il‑btala tagħhom f’MaIta ma jħallsux flus. Iż‑żgħażagħ Ġermaniżi dejjem ħarġu kuntenti u l‑għaqda li torganizzahom kitbitilna biex tgħidilna li dan huwa wieħed mill‑Work Camps tagħha li l‑aktar li jirnexxi.

Fis‑sajf norganizzaw diversi mawriet għal bliet barranin, fosthom Vjenna, Lourdes, Pariġi u postijiet oħra. Dan it‑tip ta’ safar huwa organizzat għal kulħadd. Dawn il‑ġiti jkunu mmexxija minn diversi gwidi ta’ esperjenza li jagħmlu l‑almu tagħhom biex imexxu programm interessanti u mimli daqs bajda. Din is‑sena wieħed mill‑aktar programmi li marru tajjeb kien proprju għal Pariġi u Euro Disney. Xejn ma ngħidilkom, titilfux l‑opportunità li ssiefru mal‑YTC għax tieħdu pjaċir żgur.

Silta meħuda minn ktejjeb li ħareġ apposta għall‑okkażjoni. 

This article is from: