2 minute read

Unjoni Missjunarja

Intenzjoni Missjunarja: Settembru 2021

Intenzjoni Universali – Ħajja Ambjentalment Sostenibbli

“Nitolbu sabiex ilkoll kemm aħna nagħmlu għażliet kuraġġużi għall‑ħajja sempliċi u ambjentalment sostenibbli, u nifirħu għaż‑żgħażagħ tagħna li huma determinati li jagħmlu dan.”

L‑Enċiklika ta’ Papa Franġisku ‘Laudato sì mì Signore’, tistedinna biex inħarsu lejn l‑opra tal‑ħolqien bħala oħtna u lejn Alla l‑Ħallieq bħala Missierna lkoll. Fil‑bidu l‑enċiklika fin‑numru 10 tpoġġi lil San Franġisk bħala l‑qaddis mudell ta’ dan it‑tagħlim tagħha; il‑qaddis t’Assisi li kien jgħin lill‑foqra u jħobb in‑natura. Għalhekk, l‑enċiklika mhix nieqsa mill‑messaġġ ta’ tama: “Aħna l‑bnedmin għad għandna fina dik il‑ħila li nikkollaboraw biex nibnu d‑dar komuni tagħna”, kif naqraw fin‑numru 13. U għalhekk il‑Knisja qed tistieden lill‑bnedmin kollha sabiex iħarsu u jibżgħu għall‑ambjent ta’ madwarhom, kif turina fin‑numru 8 sabiex nagħrfu d‑dnubiet kontra l‑ħolqien. Din hija l‑preokkupazzjoni tal‑Papa kif naraw fin‑numru 19: “Qed tinħass sensibbiltà li qed tiżdied dwar l‑ambjent u l‑kura tan‑natura, u qed timmatura preokkupazzjoni sinċiera u doloruża għal dak li qed jiġri lill‑pjaneta tagħna”. Hekk sostna l‑Patrijarka ta’ Kostantinopli tal‑Knisja Ortodossa

Bartilmew I: “Li l‑bnedmin jeqirdu d‑diversità bijoloġika, li l‑bnedmin jikkompromettu l‑integrità tal‑art u jġibu l‑bidla, li l‑bnedmin iniġġsu l‑ilmijiet, il‑ħamrija u l‑arja; dawn kollha huma dnubiet.”

Rigward dan Papa San Ġwanni Pawlu II kien jitkellem mill‑konverżjoni globali tal‑ekologija. Fil‑fatt, fl‑1 ta’ Jannar tal‑1990 f’Jum il‑Paċi, kien tkellem dwar dan is‑suġġett tal‑paċi m’Alla l‑Ħallieq, u paċi mal‑ħolqien kollu: “The gradual depletion of the ozone layer and the related greenhouse effect has now reached crisis proportion”. Tajjeb li ngħidu wkoll li delegazzjoni tal‑Vatikan kienet ħadet sehem fil‑konferenza dwar l‑ambjent li kienet saret f’Stokkolma fl‑1972. Kif ukoll is‑suġġett tal‑Ittra Pastorali tal‑Isqfijiet Maltin fl‑okkażjoni tal‑Festa ta’ Santa Marija 2002 tkellmet dwar id‑dmir tal‑ħarsien tal‑ħolqien u tal‑ambjent: “Id‑dinja li qed ngħixu fiha, illum iżjed mill‑bieraħ, din l‑imħabba tagħna lejn Alla u lejn il‑proxxmu rridu nuruha wkoll fil‑mod ta’ kemm u kif aħna napprezzaw u nieħdu ħsieb il‑ħolqien.” L‑istess fis‑sena 2009 l‑isqfijiet Irlandiżi kitbu ittra pastorali dwar il‑bidla fil‑klima, u talbu ghall‑konverżjoni tal‑qalb u l‑attitudni tal‑bniedem quddiem il‑ħolqien.

Settembru 2021 24 ta' Ottubru 2021 ‑ Ġurnata Missjunarja Mela huwa l‑impenn tagħna lkoll kemm aħna biex insalvaw id‑dinja għall‑gid tagħna u ta’ wliedna. Il‑mod ta’ kif ngħixu għandu jħares dejjem u jirrispetta lill‑ambjent ta’ madwarna. Ma nistgħux naħlu, inkissru u nisfruttaw l‑ambjent. Nitolbu biex il‑ġenerazzjoni tagħna u dik futura jkomplu jilqgħu l‑appell tal‑Knisja biex nieħdu ħsieb l‑ambjent ħalli jkollna dejjem dinja aħjar fejn ngħixu, kemm għalina u kemm għal uliedna.

Fl‑aħħar u mhux l‑inqas, inkomplu nitolbu, nieħdu ħsieb saħħitna u nitolbu lil Ġesù, Marija u Ġużeppi jeħilsuna minn din il‑pandemija. 

BAŻAR

This article is from: