
2 minute read
Santa Infanzja
Iċ‑Ċentru Arrupe
Fil‑Kambodja tul is‑Snin 70 u 80 seħħew ħafna gwerer. Tul dawn il‑gwerer tpoġġew miljuni ta’ ‘landmines’ ‑ bombi moħbija taħt l‑art li kif tirfishom jisplodu. Illum, għexieren ta’ snin wara l‑gwerra, fil‑Kambodja hemm il‑paċi, iżda baqa’ sa għaxar miljun mina moħbija taħt l‑art. Kawża t’hekk, ħafna tfal jisfaw vittmi ta’ dawn l‑inċidenti u d‑diżabilità tagħhom tista’ tillimita l‑futur tagħhom.
Ftit tas‑snin ilu, waqt li kien man‑nannu l‑għalqa, Dara sab xi ħaġa tleqq fl‑art u ġabarha. Kienet mina li splodiet f’idu. Dara salva, iżda spiċċa b’diżabiltà; tilef il‑pala t’idu u parti mid‑dawl t’għajnejh peress li taru biċċiet tal‑ħadid f’għajnejh. Minħabba fl‑inċident, Dara ma setax jibqa’ jgħix mal‑ġenituri tiegħu, għax huma fqar wisq biex jagħtuh il‑kura u jedukawh, ħalli jkun jista’ jgħix bid‑diżabilità tiegħu. Illum, Dara jgħix fiċ‑Ċentru Arrupe, wieħed miċ‑ċentri li Missio jgħin permezz tad‑donazzjonijiet li jirċievi. F’dan iċ‑ċentru, Dara u tfal oħra bħalu, jingħataw l‑għajnuna, edukazzjoni u taħriġ biex minkejja kollox jirnexxu fil‑ħajja.

Fl‑età ta’ 16‑il sena l‑ħajja ta’ Chen inbidlet mil‑lejl għan‑nhar meta rifes fuq mina tal‑art li ħaditlu saqajh it‑tnejn. Minn tfajjel li l‑hena tiegħu jmur l‑iskola, jgħin lill‑familja tiegħu fir‑razzett u jilgħab il‑futbol ma’ sħabu, Chen sab ruħu b’limitazzjoni kemm fiżika kif ukoll mentali, hekk kif beda jħossu ta’ piż fuq il‑familja tiegħu li diġà kienu qed jitħabtu finanzjarjament. Fil‑bidu kienet diffiċli wisq għal Chen biex jaċċetta li ma setax jimxi aktar b’mod normali bħal qabel. Meta t‑tama dehret mitlufa, Chen instab mill‑Isqof Kike Figaredo u t‑tim taċ‑Ċentru Arrupe. Illum il‑ġurnata, Chen mhux biss ma jħossux ta’ piż, imma qed igawdi suċċess akkademiku u professjonali. Fil‑fatt, Chen qed jistudja l‑ipprogrammar tal‑IT fl‑università waqt li jaħdem fiċ‑ċentru tat‑tessuti ‘La Paloma’. Chen qed jingħata ċans ieħor grazzi għaċ‑Ċentru Arrupe u d‑donazzjonijiet mibgħuta minn Missio.
Matul ix‑Xahar Dinji Missjunarju, inħeġġuk tgħin lil dawn it‑tfal b’diżabilità bħal Dara u Chen sabiex ma jħossuhomx limitati, anzi jħossuhom mogħtija l‑possibilità li huma wkoll jistgħu jitgħallmu u jibnu futur aħjar minn dak tal‑lum. Għal tfal u żgħażagħ bħal Dara u Chen, iċ‑Ċentru Arrupe fil‑Kambodja jgħin lil nies b’diżabilità jieħdu l‑edukazzjoni li tixirqilhom sabiex jinvestu fil‑futur tagħhom. Missio Malta qed jgħin lil dan iċ‑ċentru bis‑saħħa tad‑donazzjonijiet u l‑qlub ġeneruża tal‑Maltin u l‑Għawdxin.
Kif tista’ tgħin lit‑tfal fil‑missjoni:
€ 3 Par żarbun għal tifel jew tifla fil‑missjoni
€ 35 Uniformi, kotba, kartollerija u basket tal‑iskola lil student/a minn familja fqira
€ 125 Magna tal‑ħjata u banketta għal tfajla sfruttata biex taqla’ x’tiekol € 300 Qfief mimlijin ikel għal 12‑il familja fqira € 1,000 Xiri ta’ makkinarju għall‑biedja
Ibgħat id‑donazzjoni tiegħek lil ‘Missio’ Nru. 7, Triq il‑Merkanti, Valletta VLT 1171 Jew fuq www.missio.org.mt Għal aktar dettalji ċemplu fuq 21236962 jew 20330015 fil‑ħinijiet tal‑uffiċċju. GRAZZI!

CHILD SPONSORSHIP
€150 – edukazzjoni għal sena sħiħa lil tifel jew tifla fil‑bżonn.
Bis-saħħa tal-programm ‘Missio Child Sponsorship’, int tkun raġġ ta’ dawl fil-ħajja ta’ dawn it-tfal foqra. Kull min jisponsorja tifel jew tifla jingħata ritratt u tagħrif dwarhom.

Ibgħat id-donazzjoni tiegħek lil Missio Nru. 7, Triq il-Merkanti, Valletta VLT 1171 Jew fuq www.missio.org.mt Għal aktar dettalji ċemplu fuq 21236962 fil-ħinijiet tal-uffiċċju. GRAZZI MILL‑QALB