
3 minute read
Propagazzjoni tal-Fidi
Iż‑Żerriegħa ż‑Żgħira tal‑Evanġelizzazzjoni li Ssir Siġra Kbira
Iftaħ għajnejk u ara lil kull persuna, sinjur jew fqir, ikrah jew sabiħ, kapaċi jew le: dak hu Ġesù li qiegħed maġenbek. Kont naħdem bħala spettur fil‑quality control, imma nqala’ ntopp u tkeċċejt. Konsegwenza ta’ dan tlift kollox: ix‑xogħol, il‑familja u d‑dinjità tiegħi. Wara ftit xhur, il‑mara ħallietni, talbet is‑separazzjoni u ħadet magħha wkoll lit‑tifla ta’ ħames snin. Aktar minn hekk, fuq parir ta’ missierha, ġejt imħarrek fuq l‑akkuża ta’ tbagħbis ta’ flus, qerq u konspirazzjoni kriminali. Jien ma kont għamilt xejn minn dan! Ħassejtni umiljat, jiena u l‑familja għażiża tiegħi, u kelli rabja kbira. Ħadtha kontra Alla u ma stajtx nemmen aktar fih. Kif jista’ jkun li huwa mħabba u jħallini ngħaddi minn dan kollu? Intbgħatt il‑ħabs għal ġimagħtejn. L‑ewwel ħamest ijiem kont f’iżolament ġo ċella erba’ metri kwadri fejn ma tħallejt nikkomunika ma’ ħadd. Meta fl‑aħħar ħriġt minn hemm kelli nħabbat wiċċi mal‑priġunieri l‑oħra: drug pushers, drogati, akkużati ta’ stupri u ħallelin. Imma hemm kont irrispettat għaliex, bla ma kont qed nistennieha, huma kienu żguri li jiena kont innoċenti u li hemm ma kienx posti. Reġgħu tawni d‑dinjità li kont tlift. Kemm tgħallimt affarijiet sbieh minnhom.
Meta wara ħriġt fuq parole, qrabati stednuni nattendi laqgħa, li għall‑bidu qaluli li kellha tkun vaganza ta’ erbat ijiem. Hemm iltqajt ma’ waħda mara anzjana, b’xagħarha abjad, li kellmitni fuq li Alla huwa mħabba, proprju lili li kont tant iddubitajt minn tjubitu. F’dak il‑mument feġġet quddiemi dinja ġdida. Kemm‑il darba kont smajt li Alla huwa mħabba, imma qatt ma kont ħassejtu dan. Irrealizzajt li biex inkun kapaċi nimxi ’l quddiem fuq it‑triq tal‑imħabba, ma stajtx inħalli barra t‑tbatija
li issa bdejt nidentifikaha mat‑tbatija ta’ Ġesù fuq is‑salib. Meta ngħaddu minn tbatijiet kbar, inħossuna aktar lesti li nisimgħu lil Alla li jagħtina ħajja aktar ġenwina u sabiħa. Illum ma għadnix inħoss mibegħda la lejn il‑mara u missierha, u lanqas lejn binti, li baqgħu dejjem jirrifjutaw li jiltaqgħu miegħi. Wara tliet snin inħlist mill‑akkużi kollha, għax ġie ppruvat li ma kelli x’naqsam xejn mal‑akkużi li nġiebu kontrija. Fhimt ukoll li ma stajtx inżomm għalija biss dan kollu li tgħallimt mill‑ħajja u għalhekk ħassejt xewqa kbira li naqsam dan ma’ oħrajn, speċjalment maż‑żgħażagħ. Bdejt ma’ ħames subien ta’ bejn il‑11 u t‑12‑il sena, u li ma kellhom l‑ebda idea, la fuq x’inhi l‑fidi u wisq inqas fuq min setgħu kienu l‑ġenituri tagħhom. Bdejt nilgħab il‑futbol magħhom għal sigħat twal u wara kont inwassalhom lura d‑dar. Kont nitlobhom ukoll jagħmlu azzjonijiet żgħar ta’ mħabba ma’ dawk li kienu jgħixu magħhom fl‑istess dar.
Illum dawn it‑tfal kibru u xi wħud minnhom diġà daħlu fid‑dinja tax‑xogħol. Huma wkoll issa bdew jagħtu lill‑oħrajn minn dak li huma stess kienu rċevew; li Alla lil kulħadd iħobb b’imħabba kbira. Ma nieqaf qatt nirringrazzja lil Alla li tani ċ‑ċans inħobb lil kulħadd bla ma niġġudika, li skoprejtu bħala mħabba u li hu jħobbna lkoll b’imħabba personali, u għalhekk aħna lkoll aħna wliedu u aħna lkoll indaqs.

(Erasmus – Italja)
AGĦMEL IT‑TMIEM TAL‑FAQAR PARTI MILL‑ISTORJA TAʼ ĦAJTEK.
RIEDA LI TAGĦTI

Wirt dejjiemi li jibdel il‑ħajjiet
Billi tiftakar f'Missio Malta fil‑wirt tiegħek, inti tista' tagħmel differenza għal dejjem fid‑dinja li l‑ġenerazzjoni li jmiss qed tikber fiha. Rigal mingħandek jista', ħafna snin oħra, jidher fit‑tbissim tat‑tfal f'pajjiżi tat‑Tielet Dinja li ser jibbenefikaw mill‑ħniena u l‑kompassjoni tiegħek. Il‑legati tiegħek li tħalli warajk dejjem ser iħallu tbissima ħajja fil‑qlub ta' nies oħra. Jien. Int. Aħna. Flimkien.
VO/1178
Nru. 7, Triq il‑Merkanti, il‑Belt Valletta VLT 1171. Tel: (+356) 2123 6962 | E‑Mail: info@missio.org.mt www.missio.org.mt