4 minute read

Il‑Ħidma Evanġelika ta’ Marija

Santissima B ħala Missjunarja

IS‑SITTA U GĦOXRIN PARTI

id‑dehriet, kemm fil‑gżejjer tagħna kif ukoll f’kull pajjiż li fihom dehret Ommna Marija. Bis‑saħħa ta’ dawn id‑dehriet seħħew ħafna konverżjonijiet u tiġdid spiritwali ta’ ħafna bnedmin f’diversi pajjiżi fosthom fil‑Gżejjer Maltin. Għaldaqstant, huwa tabilħaqq xieraq u tant mistenni mill‑qarrejja li nitkellmu u nagħtu xi tagħrif fil‑qosor dwar dawn id‑dehriet Marjani.

Id‑Dehra tal‑Madonna tal‑Għar, fir‑Rabat, Malta

Filwaqt li f’din is‑sensiela tkellimna dwar id‑diversi dehriet tal‑Madonna f’ħafna pajjiżi li seħħew matul l‑istorja tal‑Kristjaneżmu, huwa xieraq issa li nitkellmu wkoll dwar id‑dehriet tal‑Madonna li seħħew fil‑gżejjer Maltin, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Kien unur kbir għalina l‑Maltin u l‑Għawdxin li l‑Madonna għoġobha tidher ukoll fil‑gżejjer tagħna. Iżda aktar mill‑unur, huma wisq aktar importanti l‑messaġġi ta’ mħabba li l‑Madonna dejjem riedet tgħaddi lill‑bnedmin kollha, u l‑ġid u fejqan spiritwali u fiżiku li ħareġ u għadu joħroġ minn dawn

Jingħad li l‑ġrajja tal‑Madonna tal‑Għar, kif inhi magħrufa, taf il‑bidu tagħha fis‑Seklu 15 meta skont it‑tradizzjoni l‑Madonna dehret lil kaċċatur. Skont din il‑ġrajja żewġ kaċċaturi ħarġu għall‑kaċċa u wieħed minnhom daħal jistkenn f’għar fir‑Rabat, Malta, u raqad hemm. Sieħbu li kien miegħu tħasseb bil‑bosta u ddeċieda li jmur ifittxu imma ma setax isibu. Wara li dam ħafna jfittxu u ma sabux mar lura r‑raħal inkwetat u qal lin‑nies dwar din il‑ħaġa. Inqala’ ħafna thewdin b’dan l‑għajbien misterjuż. Iżda, bħalma jiġri lil kull aħbar oħra, jgħaddi ż‑żmien minn fuqha u malajr tintesa. Hekk ġara fil‑każ ta’ dan il‑kaċċatur mitluf. Għaddew ħmistax‑il xahar u darba fost l‑oħrajn deher ġej mill‑bogħod raġel b’daqna twila. In‑nies ħarġet bi ħġarha biex tara min kien u malajr indunaw li kien il‑kaċċatur li kien għeb. Il‑kaċċatur qalilhom li kien raqad raqda fonda u f’din ir‑raqda ra mara żagħżugħa b’tarbija f’idha. Huwa għaraf mill‑ewwel li kienet il‑Madonna bil‑Bambin

Ġesù f’idejha. Meta qalulu li kien ilu nieqes ħmistax‑il xahar, qalilhom li dik id‑dehra hekk sabiħa kienet bħal donnha berqa mgħaġġla u li lanqas biss kien intebaħ li kien għadda tant żmien. U hekk bdiet il‑ġrajja tal‑Madonna tal‑Għar!

In‑nies emmnuh, u bdew u baqgħu jmorru f’dan l‑għar b’devozzjoni kbira, u minn dak iż‑żmien sal‑lum eluf ta’ nies telgħu r‑Rabat biex iżuru l‑għar u jitolbu quddiem ix‑xbieha tal‑Madonna bil‑Bambin li kienet saret u tpoġġiet fl‑għar ftit wara. Fl‑1450, il‑Patrijiet Dumnikani waqqfu kunvent fuq l‑għar u sekli wara, fit‑2 ta’ Ġunju 1957 l‑Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi inkuruna x‑xbieha tal‑Madonna kif ukoll tal‑Bambin Ġesù. Din il‑ġrajja straordinarja għaddiet minn ġenerazzjoni għall‑oħra, iżda ma ġietx dokumentata qabel l‑1670, meta l‑istoriku Dumnikan, Patri Frans Mary Azzopardo, kiteb il‑ġrajja bit‑Taljan. Madanakollu, in‑nuqqas ta’ dokumentazzjoni għal żmien twil, ma waqqafx lin‑nies milli jemmnu fl‑istorja mgħoddija mit‑tradizzjoni. Matul is‑sekli, id‑devozzjoni tal‑Maltin lejn il‑Madonna tal‑Għar qatt ma naqset. In‑nies komplew dejjem iżuru l‑għar u jitolbu quddiem ix‑xbieha tal‑Madonna u l‑Bambin. F’qasir żmien, l‑għar sar kappella u żiedet aktar id‑devozzjoni. Huwa magħruf li l‑ewwel Legat Papali li jikkonferma din id‑devozzjoni ġdida fost il‑Maltin sar minn Frederick de Bordino, li fit‑testment tiegħu tal‑1414, ħalla żejt għal‑lampi biex jinxtegħlu quddiem ix‑xbieha tal Madonna. Id‑devozzjoni kompliet dejjem tiżdied, u bdew isiru diversi quddies u ċelebrazzjonijiet reliġjużi bħala atti ta’ qima lejn il‑Madonna tal‑Għar.

Id‑devozzjoni żdiedet ħafna meta, madwar l‑1450, tliet patrijiet Dumnikani mill‑Provinċja ta’ Sqallija waslu Malta, waqqfu l‑Ordni Dumnikan u talbu li jingħataw l‑għar fejn dehret il‑Verġni Mqaddsa, li ngħatalhom ftit wara. Id‑devozzjoni tant żdiedet li l‑kappella saret żgħira wisq għad‑devoti u d‑Dumnikani ħassew li kellhom jibnu knisja akbar u kunvent.

Ritratt: Visit Malta

Sa mill‑bidu nett, kemm il‑knisja kif ukoll il‑kunvent kienu msemmija għall‑Madonna tal‑Għar. Oriġinarjament, it‑tifkira u l‑festa ta’ din id‑dehra kienu jiċċelebrawha fil‑5 ta’ Awwissu. Madanakollu, wara l‑inkurunazzjoni f’Ġunju 1957, il‑festa bdiet tiġi ċċelebrata l‑Ħadd l‑aktar qrib tat‑2 ta’ Ġunju – Jum l‑Inkurunazzjoni. Fil‑festa kienet issir quddiesa u purċissjoni li fiha kienu jieħdu sehem il‑komunità tal‑Patrijiet Dumnikani, il‑kleru u l‑patrijiet ta’ Ordnijiet reliġjużi oħra, u bosta devoti tal‑Madonna minn diversi rħula u bliet Maltin u Għawdxin. Minħabba ċelebrazzjonijiet reliġjużi importanti oħra li jsiru mill‑Knisja f’Ġunju, fosthom il‑festa Liturġika ta’ Corpus Christi, dawn iċ‑ċelebrazzjonijiet tal‑Madonna tal‑Għar ġew imċaqalqa għal Mejju. Teżisti t‑tradizzjoni li matul il‑purċissjoni numru ta’ kaċċaturi jsellmu lill‑Madonna tal‑Għar billi jisparaw fl‑arju tiri bl‑ixkubetti tagħhom. Għal xi żmien, iċ‑ċelebrazzjonijiet u l‑purċissjoni kienu jitmexxew mill‑Arċisqof ta’ Malta, Mons. Pawlu Cremona O.P., li għal xi żmien kien Pirjol tal‑Kunvent tal‑Madonna tal‑Għar, kif ukoll Provinċjal tal‑Provinċja Dumnikana Maltija.

Id‑Dehriet tal‑Madonna fuq Radju Marija

Id‑Dehriet tal‑Madonna fl‑Istorja tal‑Kristjaneżmu:‑ Sensiela ta’ programmi fuq Radju Marija bi produzzjoni u preżentazzjoni tal‑koppja Manwel u Lilian Cutajar.

Dawn id‑dehriet Marjani li ġew jew għad iridu jiġu ppubblikati f’Malta Missjunarja bit‑titlu ta’ Il‑Ħidma Evanġelika ta’ Marija Santissima Bħala Missjunarja, qed jinqraw minn Lilian b’xi riflessjonijiet u talb Marjan fl‑istess programm fuq Radju

Marija fl‑iskeda l‑ġdida tas‑sajf 2023, kull nhar ta’ Erbgħa fis‑2:30pm b’ripetizzjoni l‑għada l‑Ħamis fid‑9:30pm.

Grazzji maqlugħa bl‑interċessjoni tal‑Madonna tal‑Għar

Matul is‑sekli seħħew kull xorta ta’ grazzji u fejqan mill‑mard bl‑interċessjoni tal‑Madonna tal‑Għar.

Fil‑ktieb ta’ Patri Mikiel

Fsadni O.P. Il‑Madonna tal‑Għar – il‑Knisja, il‑Kunvent u s‑Santwarju (Malta, 1980), hemm iddokumentati għadd ta’ grazzji maqlugħa bl‑interċessjoni tal‑Madonna tal‑Għar. Ta’ min jgħid li dan il‑patri Dumnikan ħadem ħafna biex ixerred il‑qima u d‑devozzjoni lejn il‑Madonna. Fost dawn il‑grazzji hemm imsemmija dawn:

• Fl‑1630, mara ħadet ftit miż‑żejt tal‑lampi quddiem l‑istatwa tal‑Madonna u applikatu fuq riġlejn Gian Maria, binha paralitiku, u fieq minnufih.

• Fl‑1887, epidemija tal‑kolera laqtet lill‑Gżejjer Maltin. Ħafna li talbu lill‑Madonna tal‑Għar, fiequ. Tnax‑il sena wara, Malta ntlaqtet ukoll minn epidemija oħra; din id‑darba bil‑ġidri. Iżda, bl‑interċessjoni tal‑Madonna tal‑Għar ħafna kienu mfejqa.

• Fit‑13 ta’ Frar 1954, tifel minn Ħal Lija kien marad bil‑meninġite. Ittieħed l‑isptar u l‑ġenituri ġew infurmati li ħajjet binhom kienet fil‑periklu. In‑nanna tat‑tifel għamlet wegħda lill‑Madonna tal‑Għar u talbet ħafna għall‑fejqan tan‑neputi tagħha. Fil‑fatt huwa magħruf li fl‑1 ta’ Marzu t‑tifel ħareġ mill‑isptar, imfejjaq mill‑marda u għadu ħaj sal‑ġurnata tal‑lum.

Jissemmew bosta fejqan u mirakli oħra li seħħew bl‑interċessjoni tal‑Madonna tal‑Għar, iżda mhux possibbli li ninkluduhom f’dan l‑artiklu.

F’ħarġa oħra nkomplu nitkellmu aktar dwar id‑dehra tal‑Madonna tal‑Għar.

Rivista missjunarja b’40 paġna, kollha bil‑kulur, maħruġa minn Missio

(Uffiċċju Missjunarju) għal aktar minn 90 sena

Aġġorna ruħek fuq id‑Dinja Missjunarja. Abbona fir‑Rivista Malta Missjunarja fejn issib:

Aħbarijiet mid‑dinja missjunarja | Intenzjoni tax‑xahar

Esperjenzi missjunarji Maltin u Għawdxin | Ċajt u kompetizzjonijiet

Dan kollu għall‑prezz ta’ €21 għal abbonament ta’ sentejn li jinkludi wkoll

Kalendarju MIssjunarju b‘xejn.

Tista’ tabbona online fuq: www.missio.org.mt

This article is from: