
6 minute read
Dehriet Tal‑Madonna
Il‑Ħidma Evanġelika ta’ Marija Santissima Bħala Missjunarja
L‑Għoxrin Parti
Id‑Dehra tal‑Madonna fuq il‑Muntanja Guadalupe, f’Extremadura, fi Spanja
Diġà konna tkellimna dwar id‑dehra tal‑Madonna ta’ Guadalupe fil‑Messiku li kienet seħħet fl‑1531, iżda 200 sena qabel, fl‑1326, il‑Madonna kienet dehret ukoll fuq il‑Muntanja Guadalupe fi Spanja. Fatt li ftit li xejn hu magħruf huwa li t‑titlu Marjan tal‑Madonna ta’ Guadalupe huwa ta’ żmien qabel id‑dehra li Juan Diego kellu fil‑Messiku. Fil‑fatt dan it‑titlu għandu l‑oriġini tiegħu fi Spanja. Ix‑xbieha tal‑Madonna ta’ Guadalupe fi Spanja hija waħda mit‑tliet xbihat tal‑Madonna s‑Sewda fi Spanja, u hija statwa miżmuma bl‑akbar qima u għożża fil‑Monasteru ta’ Santa Maria de Guadalupe fil‑Provinċja ta’ Caceres fil‑komunità awtonoma ta’ Extremadura. Għalhekk, dan it‑titlu m’għandux jiġi konfuż mat‑titlu tal‑Madonna ta’ Guadalupe, fil‑Messiku, li huwa titlu separat għal xbieha differenti li tinsab fil‑Bażilika ta’ Guadalupe fil‑Messiku. M’għandniex xi ngħidu qegħdin nitkellmu fuq l‑istess Madonna, l‑istess Ommna Marija. Huma biss id‑dehriet, il‑pajjiżi u t‑titli differenti! tal‑Madonna ta’ Guadalupe f’Extremadura fi Spanja bdiet fis‑Seklu 7, meta il‑Papa Gregorju I, magħruf bħala Gregorju l‑Kbir, ta statwa tal‑Madonna lill‑Arċisqof Leandru ta’ Seville bħala
Il-Monasteru Rjali ta’ Santa Maria de Guadalupe. Caceres, Spanja. Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

rikonoxximent għall‑ħidma tiegħu tal‑konverżjoni għall‑Kristjaneżmu tar‑Rejiet Emerengid u Recared ta’ Spanja. F’dak iż‑żmien, Spanja kienet taħt attakki ħorox minn invażuri Musulmani Għarab li kienu jagħmlu minn kollox biex jeqirdu it‑twemmin Nisrani minn Spanja u jeqirdu l‑immaġini Nsara kollha. Matul is‑Seklu 8 kienet saret battalja mill‑Għarab kontra Spanja fir‑reġjun fejn kienet miżmuma l‑istatwa tal‑Madonna u l‑ftit abitanti Nsara tal‑lokal fittxew li jipproteġu l‑istatwa prezzjuża tal‑Madonna u jbegħduha mill‑ħsara u l‑ħerba. Għalhekk, fis‑Sena 711, dawn l‑Insara riedu mill‑aktar fis jaħbu l‑istatwa tal‑Madonna. Ħaduha sal‑Muntanja Guadalupe u ħbewha taħt qanpiena ta’ knisja li tqiegħdet f’għar taħt l‑art ’il bogħod, ħdejn xmara fil‑Provinċja ta’ Cáceras fil‑pjanura ta’ Extremadura. Wara, ħadd ma kien jaf bil‑lokalità tagħha u baqgħet fl‑għar taħt il‑qanpiena għal kważi sitt sekli. Iżda, madwar 600 sena wara, proprju fis‑sena 1326, ragħaj tal‑merħla tal‑baqar jismu Gil Cordero mar ifittex baqra mitlufa ħdejn il‑Muntanja Guadalupe. Sfortunatament, huwa sab il‑baqra fuq munzell ġebel, mejta, u Gil diġà kien se jibda jneħħi l‑ġilda tagħha bis‑sikkina tiegħu, meta l‑baqra qamet f’daqqa u ħadet il‑ħajja mill‑ġdid. Imbagħad Gil dar u lemaħ Sinjura sabiħa ġejja minn qalb is‑siġar. Hija tkellmet miegħu u għarrfitlu fejn kienet tinsab l‑istatwa nieqsa. Qaltlu: “Jiena Omm il‑Feddej u kont jien li tajt il‑ħajja lill‑annimal mejjet. Mur għand il‑qassisin u n‑nies, u għidilhom li hija x‑xewqa tiegħi li jiġu jneħħu l‑ġebel li qiegħed jagħlaq dan l‑għar u hemm isibu x‑xbieha tiegħi. Għidilhom li għandha tiġi mibnija kappella fuq dan il‑post, u fiż‑żmien li ġej jiena nagħmel santwarju ċentru tal‑qawwa u l‑protezzjoni tiegħi tas‑sema.”
Gil mar jgħid lill‑qassisin dwar li kien ġara u dwar il‑messaġġ li kienet tagħtu l‑Madonna, iżda f’dak iż‑żmien sar jaf li kien mietlu ibnu. Kien imnikket għat‑telfa tiegħu, imma kellu tama li l‑Madonna tinterċedi għalih u tqajjem lil ibnu għall‑ħajja. Hija
għamlet hekk waqt il‑funeral tat‑tifel u dawk kollha li kienu preżenti baqgħu mistagħġbin. Il‑kleru u n‑nobbli marru fil‑post fejn kien qalilhom Gil u bdew iħaffru l‑fetħa tal‑għar indikat minn Gil. Huma neħħew il‑ġebel u l‑mazkal, u hemm sabu l‑għar li fih kien hemm il‑qanpiena b’dokument antik fiha li jispjega l‑oriġini tiegħu u kien hemm ukoll ix‑xbieha tal‑Madonna li Papa Gregorju I kien ta lill‑Arċisqof Leandru ta’ Seville. Fil‑post inbniet kappella żgħira li eventwalment żviluppat f'santwarju kbir iddedikat lill‑Madonna ta’ Guadalupe ta’ Spanja fejn tqiegħdet l‑istatwa tal‑Madonna li kienet instabet fl‑għar. Din l‑istatwa hija waħda mit‑tliet statwi tal‑Madonna s‑Sewda tant magħrufin u devoti fi Spanja. L‑istatwa ġiet inkurunata kanonikament fit‑12 t’Ottubru 1928 minn Papa Piju XI b’kuruna mfassla u maħduma minn Patri Feliċ Granda, u inkurunata fil‑preżenza tar‑Re Alfonsu XIII ta’ Spanja. Aktar tard, fl‑1531, il‑Madonna dehret lil San Juan Diego fil‑Messiku, u x‑xbieha mirakoluża tagħha saret waħda mill‑aktar immaġni magħrufin u devoti tal‑Madonna fid‑dinja.
Talba lill‑Madonna minn Papa San Ġwanni Pawlu II
Ftit wara li San Ġwanni Pawlu II ġie elett Papa fit‑22 ta’ Ottubru 1978, hu għamel pjanijiet għall‑Ewwel Vjaġġ Appostoliku tiegħu li kellu jkun il‑Messiku fl‑aħħar ta’ Jannar 1979. Huwa għamel ħafna waqfiet u diskorsi, fosthom pellegrinaġġ qasir lejn is‑santwarju bix‑xbieha tal‑Madonna ta’ Guadalupe fit‑Tramuntana tal‑Messiku fejn waqaf għal ftit mumenti biex jgħid din it‑talba sabiħa u kollha mħabba li kiteb hu stess lill‑Verġni Marija.

OVerġni Immakulata, Omm Alla Veru u Omm il‑Knisja, int, li minn dan il‑post turi l‑klemenza u l‑ħniena tiegħek lil dawk kollha li jitolbu l‑protezzjoni tiegħek, isma’ nitolbuk it‑talb li aħna qegħdin nagħmlulek b’fiduċja ta’ wlied u ppreżentah lil Ibnek Ġesù, l‑uniku Feddej tagħna. Omm il‑Ħniena, għalliema tas‑sagrifiċċju moħbi u sieket, lilek, li ġejt tiltaqa’ magħna l‑midinbin, niddedikawlek f’dan il‑jum il‑bnedmin kollha u l‑imħabba kollha tagħna. Niddedikawlek ukoll il‑ħajja tagħna, ix‑xogħol tagħna, il‑ferħ tagħna, id‑dgħufijiet tagħna, u d‑duluri u t‑tbatijiet tagħna. Agħti l‑paċi, il‑ġustizzja u l‑prosperità lill‑poplu tagħna u lill‑popli kollha tad‑dinja għax aħna nafdaw f’idejk dak kollu li għandna u dak kollu li aħna, għażiża Madonna u Ommna. Nixtiequ li nkunu kollha kemm aħna u għalkollox tiegħek, u nimxu miegħek fit‑triq tal‑fedeltà sħiħa lejn Ġesù Kristu fil‑Knisja tiegħu; żommna dejjem f’idejk maħbuba. O Verġni ta’ Guadalupe,
Omm il‑bnedmin kollha, nitolbuk għall‑isqfijiet u s‑saċerdoti tagħna biex imexxu lill‑fidili fit‑toroq tal‑ħajja Nisranija intensa, ta’ mħabba u servizz umli t’Alla u tal‑erwieħ. Marija Santissima, nitolbuk ħares lejn dan il‑ħsad immens, u interċedi mal‑Mulej biex iqajjem ġuħ għall‑qdusija fil‑poplu kollu t’Alla, u jagħti vokazzjonijiet abbundanti ta’ saċerdoti u reliġjużi, b’saħħithom fil‑fidi u li jkunu dispensuri mimlija żelu tal‑Misteri t’Alla. Agħti lil djarna l‑grazzja li nħobbu u nirrispettaw il‑ħajja fil‑bidu tagħha, bl‑istess imħabba li biha inti ħadt ħsieb fil‑ġuf tiegħek il‑ħajja ta’ Bin Alla. O Verġni Mbierka Marija, Omm l‑imħabba ġusta, ipproteġi lill‑familji tagħna biex ikunu dejjem magħqudin u bierek t‑trobbija ta’ wliedna. Inti t‑tama tagħna, ħares lejna bil‑mogħdrija, għallimna mmorru kontinwament lejn Ġesù u jekk naqgħu, għinna nerġgħu nqumu, nerġgħu lura lejh, permezz tal‑qrar tad‑difetti u d‑dnubiet tagħna fis‑Sagrament tal‑Penitenza li jagħti l‑paċi lir‑ruħ. Nitolbuk tagħtina mħabba kbira lejn is‑sagramenti qaddisa kollha, li huma, kif ngħidu, is‑sinjali li Ibnek ħallielna fuq l‑art. Għalhekk, Omm Qaddisa, bil‑paċi t’Alla fil‑kuxjenza tagħna, b’qalbna ħielsa mill‑ħażen u l‑mibegħda nkunu nistgħu nwasslu lil kulħadd il‑ferħ veru u l‑paċi vera, li dawn jiġu mingħand Ibnek, Sidna Ġesù Kristu, li m’Alla l‑Missier u l‑Ispirtu s‑Santu jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
# MISSIO FEST 12 ta’ Marzu, 2023 Nota: Kif nistgħu naraw din it‑talba lill‑Madonna tferraħ u timla lil qlubna bil‑qdusija u bit‑tama għal dinja aħjar li tkun nieqsa minn gwerer u mibegħda li qegħdin jiġġeneraw tant tbatijiet u mwiet lill‑miljuni ta’ bnedmin, huma min huma, suldati u ċivili, li jinsabu f’dawk il‑pajjiżi li fil‑preżent jinsabu fi gwerer, faqar u inġustizzji. Hija talba wkoll biex napprezzaw aktar il‑ħajja umana f’kull stadju tagħha, kemm fil‑bidu kif ukoll fit‑tmiem tagħha.
Tkun ħaġa tabilħaqq qaddisa u sabiħa li din it‑talba nagħmluha tagħna wkoll, li ċertament tkun togħġob lill‑Madonna u lil Binha Ġesù għall‑ġid spiritwali u materjali, u fuq kollox, għas‑Salvazzjoni
Eterna tal‑umanità kollha.
Rivista missjunarja b’40 paġna, kollha bil‑kulur, maħruġa minn Missio (Uffiċċju Missjunarju) għal aktar minn 80 sena
Aġġorna ruħek fuq id‑Dinja Missjunarja. Abbona fir‑Rivista Malta Missjunarja fejn issib: Aħbarijiet mid‑dinja missjunarja | Intenzjoni tax‑xahar Esperjenzi missjunarji Maltin u Għawdxin | Ċajt u kompetizzjonijiet

Dan kollu għall‑prezz ta’ €21 għal abbonament ta’ sentejn li jinkludi wkoll Kalendarju MIssjunarju b‘xejn.