
6 minute read
Katekeżi
Jafu Jbatu Flimkien
Għal kważi għoxrin sena għext u ħdimt fir‑Russja. Sirt inħobbu wisq lil dan il‑pajjiż u ’l‑poplu tiegħu. Għalhekk, tistgħu timmaġinaw kemm inħossni mtertqa ġewwa fija b’dak li qed jiġri bħalissa! Jiena ngħix l‑Olanda fiċ‑ċentru tal‑moviment tal‑Fokolari u fejn joqogħdu wkoll bosta Ukreni, li issa ilhom xhur jgħixu magħna wara li ħarbu mill‑invażjoni Russa f’pajjiżhom.
Mill‑Punent għal‑Lvant
Kont wasalt Moska fl‑1991, fi żmien meta ‘glastnost’ (ftuħ) u ‘perestroika’ (ristrutturar) kienu probabbilment l‑aktar żewġ kelmiet li wieħed kien jisma’. Kien żmien meta kien hemm ukoll ħafna riżervi u reżistenzi fil‑bidu ta’ dik l‑era ġdida u inċerta: “Gorbachev biegħ pajjiżna lill‑Punent,” kienu jgħidu bosta nies. Waqt li l‑Ewropa tal‑Punent tkompli tkabbar l‑istorja ta’ dak li hija ssejjaħ suċċess, f’termini ta’ liberalità u awto‑determinazzjoni, bosta pajjiżi tal‑Ewropa tal‑Lvant għadhom qed jiġġieldu politikament u kulturalment għall‑identità u r‑rikonoxximent tagħhom f’sitwazzjoni ġdida li nħolqot mat‑tmiem tal‑Gwerra Bierda. Il‑pajjiżi tal‑ex‑Unjoni Sovjetika għadhom qed jiġġieldu, fuq kollox, għall‑identità nazzjonali u s‑sovranità territorjali tagħhom. Meta nħares lejn ir‑Russja, nara l‑kburija nazzjonali li tispikka. Fl‑istess ħin, nara s‑sensittività estrema li għad hemm lejn l‑ambjenti kollha ta’ kultura li għadha profondament Nisranija, minkejja l‑għexieren ta’ snin ta’ attentati biex jeliminaw il‑Kristjaneżmu, meqjus bħala ‘loppju tal‑poplu’.


Minn spettatriċi għal attriċi
Jiena għext fil‑komunità tiegħi, inizjalment f’distrett popolari ta’ nies mill‑klassi tal‑ħaddiema f’Moska, f’appartament b’taraġ mudlam u għamara mill‑aktar sempliċi, imma dan ma kienx idejjaqna, għax il‑ħajja tan‑nies madwarna kienet realtà wisq aktar qawwija. F’dan iż‑żmien kienet saret bidla fija; minn spettatriċi, minn osservatura, ta’ spiss pedantika li kellha opinjoni fuq kollox għalkemm ma kienet taf xejn, għal waħda li saret attriċi, ‘co‑star’. Mill‑istudju tal‑istorja kont naf fuq is‑sekli ta’ umiljazzjoni li l‑poplu kien sofra taħt it‑Tsars qabel l‑era Sovjetika, u aktar tard mill‑‘infallibbli’ Partit Kommunista, u li issa qed iħabbat wiċċu mal‑konsegwenzi: iżolament u tbegħid, b’mod partikolari, mill‑Punent. “Aħjar li ma tittentahx l‑ors Russu u tħallih bi kwietu, li jfisser li jibqa’ fil‑bejta tiegħu!” Hekk spjegali tajjeb ħabib tiegħi. U skoprejt il‑ħila kbira li n‑nies għandhom biex ibatu. Esperimentajtha personalment, fuq skala iżgħar, naturalment.
Se nsolvuha għada
Tgħallimt noqgħod fil‑kju u b’paċenzja kbira, kuljum, biex nixtri l‑ħobż. Sigħat twal u nibqa’ kalma, meta fl‑aħħar nismagħhom jgħiduli: “Spiċċa. Ma baqa’ xejn.” Tgħallimt ma nfaddal xejn mis‑salarju tiegħi u minflok nonfqu kollu immedjament, għax il‑ġurnata ta’ wara, is‑siġġijiet tal‑kċina jew it‑trab tal‑ħasil tal‑platti ma ssibhomx aktar. Tgħallimt li huwa l‑mument preżenti li jgħodd, għada mbagħad naħsbu għal dak li jiġi. U li għal kull problema hemm diversi soluzzjonijiet kreattivi: l‑għajnuna tal‑ħbieb, it‑talb, l‑arti kbira tal‑improvizzazzjoni. Kelli nitgħallem nirrispetta l‑libertà tal‑persuna l‑oħra meta tgħidlek: “Ma rridx,” b’ton kemxejn iebes u li ma tistenna xejn. Skoprejt ukoll reliġjożità profonda, kważi mistika popolari, li minkejja d‑dgħufijiet tagħhom dejjem jammettu: “Aħna poplu t’Alla”. F’dan is‑sens, il‑fidi tiegħi kibret ukoll. Fil‑liturgiji tal‑Knejjes Ortodossi Russi, li kienu jdumu diversi sigħat, spiss kont inħossni eqreb, minn qatt qabel, t’Alla. Fil‑gallarija tal‑arti, Tretyakovskaya, ħallejt lili nnifsi niġi katapultata diversi drabi fl‑istorja u fil‑mentalità tant kontradittorja tar‑Russi; storja movimentata u appassjonata, u fl‑istess ħin armonjuża. Forsi r‑Russja għallmitni forma ta’ djalogu li jikkonsisti fuq kollox f’li tkun taf tisma’, f’li taf tidħol fiż‑żarbun tal‑ieħor. Hekk ħloqt ma’ diversi nies ħbiberiji li, anki wara erbatax‑il sena, ma tilfu xejn mill‑profondità tagħhom.
Ir‑Russja l‑ġdida
Jiena għext fir‑Russja għal kważi għoxrin sena. Meta nħares lura lejn ħajti ħafna drabi ngħid: “Dawk kienu l‑aktar snin sbieħ ta’ ħajti!” Għaliex? Fil‑ħbiberiji ma’ ħafna Russi, fiż‑żjarat u l‑laqgħat li kien ikolli, f’San Pitruburgu, Krasnojarsk, Chelyabinsk u Moska, fil‑Katidral tas‑Salvatur u fl‑Università ta’ Lomonosov, fil‑komunità ta’ Alexander Men, qassis Ortodoss, li kien miftuħ ħafna għall‑ekumeniżmu, u kien riformatur, rajt xi ħaġa mill‑wegħda għal dan il‑pajjiż: “Ir‑Russja Ġdida”, biex ngħidu hekk, li ssib l‑għeruq tal‑kultura u l‑istorja tagħha fuq il‑bażi tal‑Vanġelu, ix‑xbieha kburija
u daqstant modesta tagħha. Russja li, f’komunitajiet żgħar, qed tiskopri mill‑ġdid il‑ħajja li tiġi mill‑Kelma t’Alla u b’hekk, fid‑diversità tagħha, tgħix u ssib eki korrispondenti, u li fl‑istess ħin tibqa’ miftuħa għall‑Ewropa u għall‑bqija tad‑dinja. Iva, ir‑Russja l‑ġdida, minn dan il‑lat, hija komunità sovrana ta’ ‘knejjes domestiċi’ żgħar li, mifruxa mal‑pajjiż kollu, fl‑aktar ambjenti u kundizzjonijiet ta’ għajxien divers, ma tħallix lilha nnifisha tinbela’ mill‑politiċi jew mill‑moda tal‑lum. Sirt naf lil din ir‑Russja u qsamt ħajti mal‑irġiel u n‑nisa tagħha, max‑xjuħ u ż‑żgħażagħ, u mal‑ġenituri u t‑tfal tagħhom. Jiena nibqa’ marbuta ma’ din ir‑Russja, speċjalment issa, f’dawn il‑ġranet u ġimgħat, meta l‑pajjiż qed jirriskja li jiġi iżolat mill‑komunità internazzjonali minħabba d‑deċiżjonijiet ta’ attur wieħed, li jaġixxi l‑aktar f’ismu. Din ir‑Russja Ġdida taf li hija marbuta mal‑poplu Ukren, fit‑tfittxija tiegħu għall‑awto‑determinazzjoni u l‑libertà, li mingħajrhom ma jistax ikun hemm paċi.
Ukrajna
Issa noqgħod fiċ‑ċittadella tal‑Fokolari fl‑Olanda, fejn hemm joqogħdu magħna 42 persuna li kellhom iħallu l‑Ukrajna. Billi, bħall‑Ukreni jiena nitkellem ir‑Russu, nista’ nkun ta’ għajnuna f’tant ħtiġijiet konkreti, meta jkollhom bżonn jaċċettaw l‑uġigħ tagħhom jew ikunu qed iħossu mibegħda minħabba dak li għaddew minnu. Din is‑sitwazzjoni hija skola iebsa u diffiċli ħafna. Bejnietna nitkellmu r‑Russu u huma jħossuhom grati li jistgħu jaqsmu l‑esperjenzi traġiċi tagħhom bil‑lingwa tagħhom stess. Illum nifhem aktar li l‑lingwa ġġib is‑sensazzjoni ta’ dar u ta’ sigurtà. Nixxokkja ruħi meta nisma’ li l‑irġiel, it‑tfal, l‑aħwa jew in‑neputijiet qegħdin fuq il‑fruntiera tal‑gwerra u ħafna drabi m’għandhom l‑ebda kuntatt mal‑maħbubin tagħhom. Ixxukkjatni l‑istorja ta’ Masha, li darba rat suldat żagħżugħ fil‑bieb tad‑dar tagħha jgħidilha: “Sinjura iġri ’l barra mid‑dar!” Masha ma fehmitx kinitx xi nassa, imma ġo fiha ħasset li kellha temmnu. Ħadet liż‑żewġ ikoni li kellha ħdejn il‑bieb u ma’ bintha Tania ġriet ’il barra. Mument wara d‑dar splodiet! Jafu ħajjiethom lil dak iż‑żagħżugħ.

Dimitrij, l‑uniku raġel fil‑grupp, ġie għandna ma’ martu u l‑erbat itfal tagħhom. Huwa raġel twil ħafna b’personalità potenti ħafna. Ra ħafna nies, u anki tfal, imutu u ma jistax ma jġorrx fih il‑memorji tremendi ta’ dan. “Meta t‑tifla ċkejkna tiegħi titbissimli u tagħtini bewsa, ninfaqa’ nibki għax niftakar fit‑tfal u missirijiethom li minħabba l‑gwerra ma
jistgħux aktar jgħannqu u jbusu lil xulxin.” Kull meta nitkellem ma’ dawn in‑nies inħossni inutli. M’iniex kapaċi nneħħilhom l‑uġigħ li hemm fihom. Imma meta nismagħhom, dak l‑uġigħ nagħmlu tiegħi. Inħoss li l‑imħabba titlob l‑imħabba. Dimitrij, li huwa eletriċista professjonali, issa qiegħed isewwi l‑pannelli solari fuq il‑bejt tad‑dar flimkien ma’ ħaddiema oħra Olandiżi. Svetlana tgħin bħala ‘beautician’ u Natalia hija parti mit‑tim tal‑kċina. Ilbieraħ iltqajt ma’ Masha fil‑kuritur, kienet għadha kemm waslitilha l‑aħbar li wieħed minn uliedha sparawlu u miet. Oksana, omm ta’ żewġt itfal żgħar, tibki magħha. Il‑ġimgħa li għaddiet, ir‑raġel tagħha wkoll inqatel fuq il‑fruntiera. Ma nafx x’naqbad nagħmel! Mort fuqhom u għannaqthom miegħi, waħda fuq il‑lemin u l‑oħra fuq ix‑xellug, u deherli li f’dak il‑mument kont qed ngħannaq dik l‑għajta ta’ Ġesù fuq is‑salib. Min jista’ jikkonslahom lil dawn ħuti? Imbagħad ftakart fil‑kliem tal‑profeta Iżaija u rrepetejt miegħu: “Mulej, ibgħat lili. Anki jekk jiena dgħajfa; irrid inkun id‑dirgħajn tiegħek.” Naħseb li din hija l‑lezzjoni li issa qed nitgħallem b’mod aktar ċar minn qatt qabel: Alla tani qalb biex inħobb u poġġa lin‑nies ħdejja biex inħobbhom. Ma tagħmilx differenza jekk humiex Olandiżi, Russi jew Ukreni. Meta nħaddanhom miegħi mingħajr distinzjoni, inkun qed nagħti l‑kontribut tiegħi ta’ kuljum għall‑paċi: hawn u issa. Jiena żgura li Alla jikkonslana. Alla li jinsab fostna jibki magħna wkoll u xi darba se jixxotta d‑dmugħ ta’ dawn in‑nies, u tagħna wkoll.
Beatriz Lauenroth
Adopt a Grandparent

Combat Loneliness

POWERED BY
MALTA
Tweġġa’ meta tħossok waħdek... iżda Missio, flimkien ma’ Newsbook.com.mt ħarġu b’inizjattiva li tagħtik il‑possibilità li ssib qalb ta’ ħbiberija permezz tal‑proġett Adopt a Grandparent. Jekk inti interessat tipparteċipa, ċempel fuq 2122 2001.
www.adoptgrandparent.org
POWERED BY
Dan il‑proġett huwa ffinanzjat mill‑Malta Social Impact Awards.