2 minute read

Il‑Qaddis Tax‑Xahar

John Ronald Reuel (J.R.R.) Tolkien

Ħafna huma dawk li semgħu bl‑awtur Ingliż John Ronald Reuel Tolkien, li għex bejn l‑1892 u l‑1973. Jissemma l‑aktar bħala l‑awtur tal‑kotba ‘The Hobbit’, ‘The Lord of the Rings’ u ‘The Silmarillion’, u jitqies bħala missier il‑kitba fantastika Ingliża. Għalkemm qatt ma semma b’mod dirett il‑fidi tiegħu f’kitbietu, ix‑xogħlijiet tiegħu jirriflettu bniedem ta’ twemmin sod fil‑providenza divina u fil‑virtujiet tal‑fidi, it‑tama u l‑imħabba. Għall‑kuntrarju, l‑ittri tiegħu li llum huma miġbura, huma mimlija b’riferenzi għall‑Vanġelu, l‑Ewkaristija u temi oħra Kattoliċi.

Qima Marjana

Kull min huwa midħla ta’ Tolkien, żgur li sema b’Galadriel, is‑sinjura mir‑razza tal‑hekk imsejħa ‘elfs’, li kienet tieqaf ma’ Frodo u sieħbu Sam, fit‑triq diffiċli tagħhom lejn id‑destinazzjoni aħħarija ta’ Mount Doom, fejn Frodo kellu jerħi ċ‑ċurkett sabiex dan jiġi maħlul għal dejjem u jinqered il‑ħażen li kien hemm fih. Għalhekk importanti li nsemmi t‑talba ta’ Pierre Ingram li tikkonsisti f’konsagrazzjoni Marjana ispirata minn Tolkien. Matul din il‑konsagrazzjoni li saret fis‑sena 2020, inħolqot xbieha uffiċjali għall‑Kawża ta’ Tolkien maħluqa mill‑artist Brittaniku Matt Livermore. Ix‑xbieha turi lill‑Verġni Marija qed tgħaddi kopja tal‑ktieb ‘The Silmarillion’ lil Tolkien innifsu. L‑awtur magħruf Kattoliku Amerikan Joseph Pearce ta wkoll sehmu fid‑diskussjoni tal‑kanonizzazzjoni ta’ Tolkien. L‑isqof Barron ta’ Los Angeles aċċetta li jirċievi x‑xbieha uffiċjali għall‑kawża ta’ Tolkien u rrefera għal Tolkien bħala ‘Master Evangelist’.

Tolkien dwar l‑Ewkaristija

Meta mistoqsi dwar jekk ‘Lord of the Rings’ huwiex xogħol Kattoliku, Tolkien wieġeb: “The Lord of the Rings is of course a fundamentally religious and Catholic work; unconsciously so at first, but consciously in the revision.” Din hija x’aktarx l‑aktar riflessjoni profonda tiegħu nnifsu dwar l‑akbar xogħol tiegħu. Wieħed irid jaqra dan il‑ktieb fid‑dawl tat‑trobbija diffiċli li għadda minnha. Meta kellu biss erba’ snin, ommu vvjaġġat lura lejn l‑Ingilterra bih u b’ħuh, u ssetiljat f’Birmingham. Iddeċidiet li tħaddan il‑fidi Kattolika u b’hekk tilfet is‑sapport finanzjarju tal‑familja tagħha li ma kellmuhiex iżjed. Dan kien żmien meta l‑fidi Kattolika fl‑Ingilterra kienet meqjusa

bħala waħda ‘barranija’! Tolkien tilef lil ommu meta kien għadu żgħir u trabba minn Dun Francis Morgan, saċerdot‑membru tal‑għaqda tal‑Oratorjani ta’ San Filippu Neri. Morgan kien qrib ħafna ta’ Newman u m’hemmx dubju li Morgan influwenza l‑fidi tat‑tfajjel Tolkien. Tolkien inkuraġġixxa lil ibnu sabiex jikkultiva pietà Ewkaristika. Kellu wkoll qima lejn il‑Madonna u ħadd ma jiċħad li l‑karattri fil‑kotba tiegħu jistgħu jkunu ispirati minn persunaġġi mill‑Vanġelu. Hu jħeġġeġ lil ibnu biex iżomm qrib it‑tqarbin.

Xewqa għall‑kanonizzazzjoni

Organizzazzjoni informali bl‑isem ‘The Cause for the Canonisation of Tolkien’, qed taħdem biex ixxerred il‑messaġġ tal‑pietà ta’ Tolkien permezz tal‑organizzazzjoni ta’ konferenzi. L‑ewwel waħda kien jisimha ‘More Than Memory Spiritual Conference’ u saret f’St Margaret’s College fl‑Università ta’ Oxford fis‑sena 2019. Erba’ quddisiet ġew offruti b’talb għall‑kanonizzazzjoni ta’ Tolkien. L‑ewwel waħda saret nhar it‑2 ta’ Settembru 2017 fil‑parroċċa tiegħu f’St Aloysius f’Oxford. Quddiesa oħra saret fi New York fis‑sena 2017 u kienet Quddiesa Votiva tal‑Ispirtu s‑Santu u b’kant bil‑Latin. Żewġ quddisiet oħra saru fis‑sena 2020 f’Messiku u fil‑Kanada.

Filwaqt li l‑popolarità ta’ Tolkien tinsab dejjem tikber, diversi studji qed ikomplu joħorġu għad‑dawl ir‑rabta tiegħu mal‑fidi Kattolika. Jalla din il‑fidi tkompli tkun bħal torċa li ddawwal it‑triq ta’ ħafna nies li qed ifittxu l‑verità u li qed isibuha fil‑kitbiet ta’ dan l‑awtur Kattoliku li b’ħajtu u kitbietu ta dejjem xhieda ta’ Ġesù u l‑Vanġelu tiegħu. 

Qiegħed nibgħat il‑ħlas ta’ € .................................. permezz ta’ ċekk pagabbli lil Missio Malta biex isiru Quddies fil‑missjoni għar‑ruħ/għall‑erwieħ ta’:

Isem u kunjom: Indirizz:

Belt/ Raħal: Tel: Kodiċi Postali:

N.B. Napprezzaw il‑kontribuzzjoni ta’ mill‑inqas €5 għal kull quddiesa. Il‑quddies kollu jitqaddes fil‑pajjiżi tal‑missjoni.

This article is from: