1 minute read

fis‑Sawm

F’dan ix‑xahar nibdew iż‑Żmien tar‑Randan Imqaddes, żmien ta’ sawm u penitenza. Iżda mhux għalina l‑Insara biss, tafux. Nistgħu ngħidu li kull reliġjon fid‑dinja temmen li s‑sawm għandu l‑valur tiegħu fil‑ħajja spiritwali tal‑bniedem, għaliex iċ‑ċaħda minn dawk l‑affarijiet li jogħġbu lin‑natura tagħna , u l‑kontroll fuq l‑aptiti u l‑passjonijiet tagħna, tibni lill‑bniedem, u tagħmlu aktar matur u b’saħħtu. Kieku għalfejn is‑suldat jgħaddi minn tant eżerċizzju qabel jintgħażel bħala suldat? Mhux biex meta jasal fi żmien diffiċli jkun kapaċi jaffronta sidru għal kull periklu! Għaliex l‑at leta jagħmel tant sagrifiċċji? Mhux biex meta jasal iż‑żmien tal‑prova joħroġ rebbieħ!

Il‑Bibbja tagħti importanza kbira lis‑sawm. Min irid jara l‑importanza li l‑Bibbja tagħti lis‑sawm, jista’ jsib dawn il‑vrus li jittrattaw din it‑tema: Iżaija 58:3‑14, Mattew 6:16‑18, Mattew 9:14‑15, Mark 2:18‑20, Luqa 5:33‑39 u Mark 9:29. Kif għedna, ir‑reliġjonijiet kollha tad‑dinja jemmnu fis‑sawm tal‑ġisem: il‑Buddiżmu, il‑Ġudaiżmu, il‑Ħindu u l‑I ż lam. Kollha għandhom dak li nsejħulu r‑Randan tagħhom, u f’dawn ir‑reliġjonijiet kollha nsibu li s‑sawm huwa ħafna aktar iebes minn tagħna. Il‑Knisja Kattolika kulma titlob minna u tissuġġerilna bħala sawm huwa li matul il‑ġranet tas‑sawm, li għalina huma biss Ras ir‑Randan u l‑Ġimgħa l‑Kbira, nieklu ikla waħda biss, u tippermettilna li nieħdu kolazzjon filgħodu u ieħor filgħaxija. Kif naraw, is‑sawm tagħna ġie mnaqqas bis‑sħiħ, imma l‑Knisja llum tħeġġiġna li nkunu aktar kreattivi fis‑sawm tagħna u tissuġġerilna modi oħra ta’ sawm, billi niċċaħ ħdu minn dak li n ħobbu b’ċerta passjoni, bħal pereżempju:

● Insumu minn ħsibijiet ta’ rabja u mibegħda

● Nieqfu nagħmlu ġudizzji bl‑addoċċ fuq l‑oħrajn

● Innaqqsu mill‑garr meta niltaqgħu ma’ dak li huwa kontra qalbna

● Nieħdu aktar paċenzja b’dawk ta’ madwarna

● Insumu billi nagħmlu atti ta’ maħfra għall‑għedewwa tagħna

Dawn huma ftit mill‑modi kif nistgħu nsumu, li għandhom valur quddiem Alla daqs is‑sawm mill‑ikel li ħafna drabi, ngħiduha kif inhi, nagħmluh matul is‑sena kollha, imma għal raġunijiet oħra ‑ ta’ saħħa jew ta’ estetika.

Silta addattata mill‑fuljett Mater Dei. 

This article is from: