2 minute read

Unjoni Missjunarja

Next Article
Santa Infanzja

Santa Infanzja

Intenzjoni Missjunarja: Diċembru 2021

Intenzjoni Għall-Evanġelizzazzjoni Il-Katekisti

“Nitolbu għall-katekisti sabiex imsejħa jħabbru l-Kelma t’Alla, ikunu huma xhieda tagħha b’kuraġġ u b’kreattività, u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.”

Il‑Konċilju Vatikan II wera biċ‑ċar il‑ħsieb tas‑sehem kbir li jistgħu jagħtu l‑lajċi Nsara fil‑Knisja, kif naraw tajjeb fil‑Kostituzzjoni Dommatika dwar il‑Knisja l‑‘Lumen Gentium’ u fil‑Kostituzzjoni Pastorali dwar il‑Knisja fid‑Dinja tal‑lum il‑‘Gaudium et Spes’. Fid‑digriet tal‑istess konċilju dwar l‑appostolat tal‑lajci, ‘Apostolicam Actuosutatem’ fin‑numru 3, insibu din l‑importanza tal‑lajċi fil‑Knisja: “Il‑lajċi jiksbu d‑dmir u l‑jedd għall‑appostolat mill‑istess għaqda tagħhom ma’ Kristu li hu r‑Ras tal‑Ġisem. Għaliex Kristu nnifsu jaħtarhom għall‑appostolat meta huma, permezz tal‑Magħmudija, isiru parti mill‑Ġisem Mistiku tiegħu u permezz tal‑Griżma, jissaħħu bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu.” L‑istess linja ta’ tagħlim tal‑Knisja, insibuha fuq kollox fl‑Eżortazzjoni Appostolika Post‑Sinodali, ‘Christifideles Laici’ dwar il‑missjoni u l‑vokazzjoni tal‑lajċi fil‑Knisja u fid‑dinja tal‑1989, tal‑Papa San Ġwanni Pawlu II. Insibu wkoll l‑Istruzzjoni dwar il‑Kollaborazzjoni tal‑Fidili mhux Ordnati (tal‑lajċi) fil‑Ministeru Sagru tas‑Saċerdoti, tal‑15 t’Awwissu 1997, li tisħaq ħafna fuq din is‑sejħa tal‑lajċi fil‑Knisja, filwaqt li tgħid li din il‑kollaborazzjoni li titkellem minnha ma tfissirx sostituzzjoni għall‑ministeru sagru tas‑saċerdoti.

Il‑ħidma siewja tal‑lajċi minn dejjem kienet preżenti fil‑Knisja, fuq kollox sabiex jgħinu lill‑appostli u lill‑ministri ordnati tal‑Knisja. Fl‑ewwel

żminijiet, insibu Nsara idonei u mħarġa sewwa fit‑tagħlim ta’ Kristu u kienu msejħa sabiex ixandru l‑Kelma t’Alla waqt il‑funzjonijiet liturġiċi. Dan il‑ministeru tal‑Kelma t’Alla jaqduh illum għadd ta’ ministri li għandhom gradi diversi fil‑ġerarkija tal‑Knisja. Insibu l‑isqfijiet, is‑saċerdoti, id‑djakni, is‑seminaristi, is‑sorijiet, kif ukoll il‑lajċi. Papa San Ġwanni Pawlu II, fl‑Eżortazzjoni Appostolika ‘Catechesi Tradendae’ dwar il‑Katekeżi fi Żminijietna, fin‑numru 66 jgħid: “Il‑ministeru tal‑katekisti hu forma eminenti ta’ appostolat lajkali”. Dan il‑ministeru jiġbor fih il‑katekeżi dwar il‑Kelma t’Alla, kull forma ta’ istruzzjoni Kristjana u anke predikazzjoni waqt laqgħat jew konferenzi, kif ukoll f’liturġiji non‑Ewkaristiċi. Papa Franġisku kien faħħar ħafna lill‑katekisti għax‑xogħol tant importanti li jwettqu fil‑parroċċi u fil‑missjoni, u kien tahom pariri speċjali fid‑diskors tiegħu lill‑parteċipanti tal‑Kungress Internazzjonali fuq il‑Katekeżi ta’ nhar is‑27 ta’ Settembru 2013: “Qabel xejn, li titlaq mill‑ġdid minn Kristu jfisser ‘ikollok familjarità miegħu’, ikollok din il‑familjarità ma’ Ġesù: Ġesù dan jirrikkmandah b’ċerta insistenza lid‑dixxipli tiegħu fl‑Aħħar Ikla, meta jintelaq biex jgħix l‑ogħla don tal‑imħabba, is‑sagrifiċċju tas‑Salib. Ġesù jinqeda bix‑xbieha tad‑dielja u l‑friegħi, u jgħidilhom: “Ibqgħu fl‑imħabba tiegħi, ibqgħu marbuta miegħi, kif il‑fergħa hi marbuta maz‑zokk tad‑dielja.” Jekk nibqgħu magħquda miegħu, nistgħu nagħmlu l‑frott, u din hija l‑familjarità ma’ Kristu. Nibqgħu f’Ġesù! Jiġifieri nibqgħu marbuta miegħu u fih, u nitkellmu miegħu: nibqgħu f’Ġesù.

Ejjew fit‑tmiem ta’ din is‑sena, filwaqt li nirringrazzjaw lil Alla ta’ kulma għamel magħna nitolbu biex ikompli jżejjinna b’iktar katekisti fl‑ambjenti tat‑tagħlim u fil‑komunitajiet tagħna, u sabiex ikunu dejjem katekisti ta’ xhieda verament Nisranija. 

BAŻAR

This article is from: