
2 minute read
Insellmu l‑Memorja Ta’ Żewġ Missjunarji Maltin
Dun Franġisk Xavier Tabone Adami
Nhar it‑22 ta’ Ġunju tħabbret il‑mewt ta’ Dun Franġisk Xavier Tabone Adami li seħħet fil‑belt ta’ Apucarana, il‑Brażil; saċerdot li ddedika ħajtu kollha lill‑poplu t’Alla fil‑Brażil. Huwa twieled il‑Gżira fit‑18 ta’ Marzu 1939, ordna saċerdot fis‑7 t’April 1962 u sal‑aħħar tal‑istess sena kien fid‑djoċesi ta’ Londrina, fin‑Nofsinhar tal‑Brażil, biex jaħdem bħala missjunarju.
Beda jaħdem fil‑parroċċa ta’ Rolândia bħala missier spiritwali ta’ ħafna nies, speċjalment tas‑Sorijiet Franġiskani tal‑Qalb ta’ Ġesù mwaqqfa f’Għawdex. Il‑qsim tad‑djoċesi ta’ Londrina fl‑1965 sabu jaħdem fil‑parroċċa ta’ Sabaudia, li għaddiet għad‑djoċesi ta’ Apucarana fejn ħadem bħala kappillan tal‑katidral f’Apucarana bejn l‑1966 u l‑1972, u tal‑belt fil‑qrib ta’ Cambira bejn l‑1972 u l‑2020.
Fuq livell djoċesan, Dun Franġisku nħatar vigarju ġenerali tad‑djoċesi fl‑1984, kariga li żamm sal‑2011. Fis‑Snin 80 kien diġà l‑kordinatur tad‑djakonat għad‑djoċesijiet kollha fl‑istat ta’ Paraná. Wara s‑suġġerimenti tal‑Vatikan II, il‑korsijiet għal‑lajċi b’vokazzjoni għad‑djakonat kienu jingħataw darbtejn fis‑sena f’djoċesijiet differenti u kienu l‑pedament għal mod ġdid ta’ servizz tal‑Knisja u ta’ setgħa lil‑lajċi. Issa wieħed jista’ jipperċepixxi dan is‑servizz ta’ importanza kbira li jaħdem fid‑djoċesijiet kollha tal‑istat ta’ Paraná, riżultat tal‑ħidma t’Alla permezz ta’ Dun Franġisk.
Fis‑skiet u b’umiltà ħadem għall‑Knisja ad intra sakemm il‑mard fixkel is‑servizzi kontinwi tiegħu lill‑Knisja. O Mulej agħtih il‑mistrieħ ta’ dejjem. Ammen.
Sors Times of Malta.
Int tista’ tagħti daqqa t’id. Missio għandu bżonn il‑voluntiera. Jekk int interessat, ċempel 21236962

Jien. Int. Aħna. Flimkien.
Dun Ġwann Caruana
Nhar it‑28 ta’ Ġunju tħabbret il‑mewt għal għarrieda ta’ Dun Ġwann Caruana fl‑età ta’ 81 sena konsegwenza ta’ arrest kardijaku fid‑dar tiegħu, fil‑belt ta’ Maringá (PR), il‑Brażil. Huwa kien missjunarju fil‑Brażil, li kien iservi fil‑Parroċċa ta’ San Ġiljan. Dun Ġwann kien ħabib tal‑fqar u ġellied għall‑ġustizzja; qassis ta’ qalb kbira u ġeneruża.
Patri João Caruana, kif kien jissejjaħ b’affezzjoni fil‑Brażil, ilu marbut mal‑Moviment Ħaddiema Rurali Bla Art (MST) mill‑ewwel sena tiegħu fil‑pajjiż. Ikkonsagrat saċerdot fl‑1967, fil‑Mosta, raħal twelidu, huwa dejjem wera l‑vokazzjoni missjunarja tiegħu. Huwa stenna 17‑il sena biex il‑ħolma tiegħu ssir realtà, u wasal il‑Brażil fl‑1984, is‑sena li nħolqot l‑MST. Dun Ġwann ħadem fl‑Arċidjoċesi ta’ Maringá fil‑parroċċi ta’ Santa Terezinha do Menino Jesus u Nossa Senhora das Graças, f’Sarandi (PR), São Silvestre f’Maringá, u kien missjunarju fid‑Djoċesi ta’ Guajará‑Mirim, f’Rondônia, bħala parti mill‑proġett ‘Igrejas Irmãs’ minn CNBB. Dan l‑aħħar kien vigarju tal‑parroċċa ta’ São Silvestre, f’Maringá. Kien sostenitur bla heda tar‑Riforma Agrarja, tal‑insedjamenti u l‑kampijiet tagħha. Ħalla wkoll wirt ta’ ħidma mal‑Komunitajiet Ekkleżjali Bażiċi, pastorali soċjali. Bniedem kbir, ta’ fidi u konvinzjonijiet favur in‑nies.
Fost l‑għadd bla għadd ta’ azzjonijiet impenjati mal‑poplu, ħafna seħħew matul il‑perijodu ta’ vjolenza estrema fil‑kampanja mwettqa mill‑gvern ta’ Jaime Lerner, bejn l‑1995 u l‑2002. F’okkażjoni waħda, Dun Ġwann offra ċ‑ċurkett tiegħu bħala premju f’lotterija fiż‑żmien l‑iżgumbramenti vjolenti fir‑Reġjun tal‑Majjistral ta’ Paraná, biex jgħin lill‑familji tal‑bdiewa. F’episodju ieħor, fl‑istess perijodu, ir‑reliġjużi kisbu avukat li jaqbel li jiddefendi lill‑attivisti bla art, f’kuntest ta’ persekuzzjoni politika enormi kontra l‑moviment. Is‑sinteżi tax‑xogħol tiegħu f’isem in‑nies mingħajr art hija immortalizzata fil‑ktieb: ‘MST, ħarsa oħra ‑ dak li l‑midja ma tiżvelax’, ippubblikat fl‑2019, riżultat ta’ 35 sena ta’ esperjenza reliġjuża fil‑Brażil.

O Mulej agħtih il‑mistrieħ ta’ dejjem. Ammen.