5 minute read

Dehriet Tal‑Madonna

Il‑Ħidma Evanġelika ta’ Marija Santissima Bħala Missjunarja

Il‑Ħmistax‑il Parti

Il‑Madonna tas‑Suċċess it‑Tajjeb, Quito, fl‑Ekwador

Dawn id‑dehriet tal‑Madonna saru lill‑Venerabbli Madre Mariana de Jesus Torres. L‑ewwel dehra kienet fit‑2 ta’ Frar 1594. Wara kien hemm tliet dehriet oħra, l‑aħħar waħda fit‑8 ta’ Diċembru 1634. Il‑messaġġi tal‑Madonna kienu profetiċi ħafna, li fihom wissiet lill‑Knisja u lid‑dinja kollha dwar in‑nuqqas kbir ta’ fidi fis‑Seklu 20, speċjalment fost is‑saċerdoti u r‑reliġjużi. Ġrajjiet oħra li bassret il‑Madonna li seħħew tabilħaqq kienu dawk fl‑Ekwador, u d‑dikjarazzjoni ta’ Papa Piju IX tad‑domma tal‑Immakulata Kunċizzjoni. Il‑messaġġ tal‑Madonna lill‑Madre Mariana: “Meta t‑tribulazzjonijiet tal‑ispirtu u t‑tbatijiet tal‑ġisem jgħakksu lill‑bnedmin, u jħossuhom donnhom se jegħrqu f’dan il‑baħar bla qiegħ, ħa jħarsu lejn ix‑xbieha qaddisa tiegħi u jiena dejjem inkun hemm lesta nisma’ l‑għajta tagħhom u ntaffi l‑uġigħ tagħhom. Għidilhom li għandhom dejjem jiġu għandi b’kunfidenza u b’imħabba.” Id‑dehriet ġew approvati fit‑2 ta’ Frar 1611 mill‑Isqof Salvador de Riber. Fl‑1991, l‑Arċisqof ta’ Quito, Antonio Jose Zumarraga, talab u ngħata l‑permess minn Ruma għall‑inkurunazzjoni kanonika tal‑Madonna tas‑Suċċess it‑Tajjeb bħala ‘Reġina ta’ Quito’.

Il‑Madonna tal‑Għajnuna t‑Tajba, f’Champion, l‑Istati Uniti

Id‑dehriet tal‑Madonna tal‑Għajnuna t‑Tajba lil Adele Brise fl‑1859 huma l‑uniċi dehriet Marjani approvati uffiċjalment mill‑Knisja Kattolika fl‑Istati Uniti. Marija Santissima dehret tliet darbiet matul is‑sena lil Adele fl‑artijiet agrikoli ta’ dak li llum huwa Champion, Wisconsin. Hija identifikat lilha nnifisha bħala r‑Reġina tas‑Sema u temmet il‑Misteri Marjani li kienu bdew sena qabel f’Lourdes, hekk kif il‑Madonna wriet lilha nnifisha bħala l‑Immakulata Kunċizzjoni. Bejn iż‑żewġ dehriet, hemm il‑Misteri Marjani kollha; mill‑bidu nett ta’ ħajjitha sal‑qofol tagħha fl‑Assunta u l‑Inkurunazzjoni.

Hawnhekk, il‑Madonna ħeġġet ħafna lil Adele biex tiddedika ħajjitha għall‑Evanġelizzazzjoni permezz tal‑Katekiżmu.

Il‑messaġġ tal‑Madonna lil Adele: “Iġbor lit‑tfal kollha f’dan il‑pajjiż u għallimhom dak li għandhom ikunu jafu għas‑salvazzjoni tagħhom. Għallimhom il‑katekiżmu tagħhom, kif jimmarkaw lilhom infushom bis‑Sinjal tas‑Salib u kif jersqu għas‑Sagramenti; dak huwa li nixtieq li tagħmel. Mur u tibża’ xejn. Jiena ngħinek.” Dawn id‑dehriet kienu ġew approvati fit‑8 ta’ Diċembru 2010 mill‑Isqof David L. Ricken ta’ Green Bay, Wisconsin li wkoll ddikjara s‑Santwarju tal‑Madonna tal‑Għajnuna t‑Tajba bħala l‑ewwel sit approvat ta’ dehriet Marjani fl‑Istati Uniti.

Il‑Madonna tal‑Għajnuna Eterna, f’Querrien, Bretania, Franza

Jeanne Courtel, tfajla li twieldet nieqsa mis‑smigħ u ma tantx kienet tista’ titkellem sewwa, kienet qiegħda tieħu ħsieb in‑nagħaġ tal‑familja tagħha meta kellha l‑ewwel dehra tal‑Verġni Marija fil‑15 t’Awwissu 1652. Malli dehret, Marija Santissima fejqet lil Jeanne mill‑mard tagħha u kompliet tidhrilha erbatax‑il darba oħra. Minbarra l‑fejqan mirakuluż ta’ Jeanne, Marija Santissima wriet lil Jeanne post moħbi fejn kienet midfuna xbieha tal‑Madonna tal‑Għajnuna Eterna. Wara li nstabet, l‑istatwa tħalliet fil‑post u minnufih l‑isqof tal‑post bena kappella hemmhekk. Din l‑istatwa għadha fil‑kappella sal‑ġurnata tal‑lum, u ġew irrappurtati diversi mirakli bl‑interċessjoni tal‑Madonna tal‑Għajnuna Eterna.

Il‑Messaġġ tal‑Madonna lil Jeanne: “Biex tipprova li l‑messaġġ ġej mill‑Kmand tas‑Sema ngħidlek li se tiskopri ftit passi mill‑funtana ta’ San Gal, xbieha li kienet meqjuma ħafna fl‑antik.” F’Settembru 1652, l‑Arċisqof Denis de la Barde ta’ Sainte‑Brieuc approva uffiċjalment dawn id‑dehriet.

Id‑Dehriet tal‑Madonna ta’ Montagnaga Di Pinè, fl‑Italja

Il‑Madonna dehret liż‑żagħżugħa Domenica Targa, minn Guardia qrib il‑belt ta’ Montagnaga Di Pinè, is‑Sibt 14 ta’ Mejju 1729. Dakinhar, Domenica kienet bil‑merħliet tagħha fil‑baċir tal‑Palustel (illum Comparsa). F’daqqa waħda, il‑bhejjem kollha, bħallikieku maqbuda minn biża’ kbir, bdew jiġru fid‑direzzjonijiet kollha. Domenica, li dak il‑ħin kienet qiegħda tgħid ir‑Rużarju beżgħet u għajtet: “Marija, Ġesù, għinuni!” Hekk kif qalet dan il‑kliem rat quddiemha mara sabiħa b’ilbies abjad bħas‑silġ, li staqsietha: “Binti x’inti tagħmel?” Domenica wieġbet li kienet qiegħda tgħid ir‑Ruzarju u ż‑żagħżugħa wrietha x‑xewqa li tmur fil‑belt ta’ Caravaggio titlob quddiem l‑inkwatru tal‑Madonna f’dik il‑belt.

Is‑Sinjura faħħritha u qaltilha: “Obdini, tmurx Caravaggio. Minflok, filgħaxija tal‑festa tat‑Tlugħ fis‑Sema, mur fil‑Knisja ta’ Sant’Anna f’Montagnaga. Hemmhekk issib ix‑xbieha tal‑Madonna ta’ Caravaggio. Inżel għarkopptejk fuq l‑ewwel tarġa tal‑artal u indirizza t‑talb tiegħek b’qalb sinċiera lil Ġesù u lil Marija, imbagħad tara affarijiet mirakolużi.” Domenica segwiet l‑istruzzjonijiet u hemm rat lill‑Madonna erba’ darbiet quddiem għadd kbir ta’ xhieda, li l‑Madonna ħeġġithom biex jitolbu għall‑konverżjoni tal‑midinbin. Fl‑1730 ġiet ordnata investigazzjoni ekkleżjastika li rriżultat fil‑pożittiv u ngħatat l‑approvazzjoni tad‑dehriet. Fis‑snin ta’ wara, ġie mibni u kkonsagrat Santwarju li jsiru ħafna pellegrinaġġi lejh sal‑ġurnata tal‑lum.

Il‑Madonna ta’ Akita, Ġappun

Id‑dehriet tal‑Madonna f’Akita, il‑Ġappun, huma partikolarment interessanti għaliex kuntrarju għad‑dehriet l‑oħra, is‑Soru Agnes Katsuko Sesagawa semgħet il‑messaġġi tal‑Verġni Mqaddsa permezz ta’ statwa tal‑Madonna u mhux permezz ta’ dehra kif tradizzjonalment seħħew f’dehriet oħra tal‑Madonna. Il‑Madonna Bambina ta’ Akita huwa t‑titlu tal‑Verġni Mqaddsa assoċjat ma’ statwa tal‑injam tal‑Madonna meqjuma ħafna mill‑Ġappuniżi Kattoliċi li jqisuha bħala mirakuluża, minħabba d‑dehriet u l‑messaġġi Marjani rrappurtati fl‑1973 minn Sor Agnes fiż‑żona remota ta’ Yuzawadai, periferija tal‑belt ta’ Akita. Il‑messaġġi jenfasizzaw b’mod qawwi t‑talb, speċjalment ir‑reċita tar‑Rużarju Mqaddes, u l‑penitenza. Dawn il‑viżjonijiet jipprofetizzaw ukoll il‑persekuzzjoni u l‑ereżija fi ħdan il‑Knisja Kattolika. Id‑dehriet kienu wkoll mhux tas‑soltu peress li l‑istatwa tal‑Verġni Marija tibki kienet imxandra fuq it‑TV Tokyo Channel 12 f’Diċembru 1973.

Il‑messaġġ tal‑Madonna lil Sor Agnes: “Għażiża binti, tħobbu lill‑Mulej? Jekk tħobbu, isma’ sew dan li se ngħidlek. Huwa importanti ħafna li twassal dan il‑messaġġ lis‑superjur tiegħek. Kif għedtilkom, jekk il‑bnedmin ma jindmux u jtejbu lilhom infushom, il‑Missier jagħti kastig terribbli lill‑umanità kollha. Ikun kastig akbar mid‑dilluvju, bħalma qatt deher qabel. In‑nar se jaqa’ mis‑sema u jħassar parti kbira mill‑umanità. Il‑ħidma tax‑xitan se tinfiltra anke fil‑Knisja b’mod li wieħed jara kardinali jopponu kardinali oħra u isqfijiet kontra isqfijiet oħra. Is‑saċerdoti li jqimuni jiġu mistħarrġa u opposti mill‑konfratelli tagħhom, knejjes u artali ssakkeġġjati; il‑Knisja tkun mimlija b’dawk li jaċċettaw

kompromessi u d‑demonju jġiegħel ħafna saċerdoti u erwieħ kkonsagrati biex iħallu s‑servizz tal‑Mulej. Id‑demonju jkun speċjalment implakabbli kontra l‑erwieħ ikkonsagrati lil Alla. Il‑ħsieb tat‑telf ta’ tant erwieħ huwa l‑kawża tad‑dwejjaq tiegħi. B’kuraġġ kellem lis‑superjur tiegħek. Hu jkun jaf iħeġġeġ lil kull wieħed minnkom biex jitlob u jwettaq opri ta’ riparazzjoni. Huwa l‑isqof Ito li jmexxi l‑komunità tiegħek. Itlob ħafna t‑talb tar‑Rużarju. Dawk li jpoġġu l‑fiduċja tagħhom fija jkunu salvati.” Wara tmien snin ta’ investigazzjonijiet, fit‑22 t’April 1984, l‑Isqof J.Shojiro Ito, isqof ta’ Nigata, il‑Ġappun, iddikjara li: “jagħraf il‑karattru sopranaturali ta’ sensiela ta’ ġrajjiet misterjużi li jikkonċernaw l‑istatwa ta’ Marija Bambina ta’ Akita.” 

Adopt a Grandparent

Combat Loneliness

POWERED BY

MALTA Tweġġa’ meta tħossok waħdek... iżda Missio, flimkien ma’ Newsbook.com.mt ħarġu b’inizjattiva li tagħtik il‑possibilità li ssib qalb ta’ ħbiberija permezz tal‑proġett Adopt a Grandparent. Jekk inti interessat tipparteċipa, ċempel fuq 2122 2001.

www.adoptgrandparent.org

POWERED BY

Jien. Int. Aħna. Flimkien.

Dan il‑proġett huwa ffinanzjat mill‑Malta Social Impact Awards.

Rivista missjunarja b’40 paġna, kollha bil‑kulur, maħruġa minn Missio (Uffiċċju Missjunarju) għal aktar minn 80 sena

Aġġorna ruħek fuq id‑Dinja Missjunarja. Abbona fir‑Rivista Malta Missjunarja fejn issib: Aħbarijiet mid‑dinja missjunarja | Intenzjoni tax‑xahar Esperjenzi missjunarji Maltin u Għawdxin | Ċajt u kompetizzjonijiet

Dan kollu għall‑prezz ta’ €21 għal abbonament ta’ sentejn li jinkludi wkoll Kalendarju MIssjunarju b‘xejn.

This article is from: