1 minute read

Intenzjoni Missjunarja

Awwissu 2022

Għall‑Imprendituri Żgħar u Medji

Nitolbu sabiex l‑imprendituri żgħar u medji, milqutin ħafna bil‑kriżi ekonomika u soċjali, isibu l‑mezzi neċessarji sabiex imexxu l‑attività proprja tagħhom, għas‑servizz tal‑komunità fejn jgħixu.

Il‑Knisja kienet dejjem minn ta’ quddiem sabiex titkellem dwar id‑drittijiet tal‑ħaddiema u fuq il‑postijiet tax‑xogħol. Il‑Knisja dejjem uriet bil‑qawwa kollha l‑importanza tal‑primat tal‑bniedem fil‑proċess ta’ produzzjoni. Il‑‘Laborem Exercens’ ta’ Papa San Ġwanni Pawlu II, turi biċ‑ċar dan il‑principju tal‑primat tax‑xogħol tal‑bniedem fuq il‑kapital, li mhuwiex prinċipju Nisrani biss, imma li titolbu l‑morali soċjali. Fuq kollox ukoll, il‑bniedem meta jaħdem u juża l‑mezzi kollha ta’ produzzjoni, bl‑ebda mod ma jista’ jaċċetta dik li nsejħulha l‑antinomija, jiġifieri firda bejn ix‑xogħol u l‑kapital. Dan huwa importanti ħafna fil‑proċess ekonomiku u biex ma ssirx ħsara lill‑bniedem. B’hekk biss tista’ ssaltan s‑solidarjetà fid‑dinja, li ssib il‑fonti tagħha mill‑prinċipju tal‑primat tax‑xogħol tal‑bniedem fuq il‑kapital: “A solidarity that finds its origin and strength in the nature of human work; in the primacy of the human person over things; will know how to create avenues of dialogue and

collaboration, to become a step toward resolving opposition while not destroying the opponent.”

Ix‑xogħol għandu jgħin biex jumanizza u jiżviluppa lill‑bniedem. Jekk mhux hekk, isir distruttiv għaliex il‑mezzi jsiru l‑fini. Mela x‑xogħol għandu dejjem ikun għall‑bniedem u mhux il‑bniedem għax‑xogħol. “The primary basis of the value of work is man himself, who is its subject. This leads immediately to a very important conclusion of an ethical nature, however true it may be that man is destined for work and called to it, in the first place work is ‘for man’ and not man ‘for work’.” (LE, 6) Għalhekk, anke fi kriżi ekonomika kawża tal‑pandemija, dawn il‑prinċipji li għadna kemm semmejna għandhom dejjem jiġu mħarsa. Għalhekk, il‑mexxejja tal‑pajjiżi għandhom jaħdmu u jaraw li jgħinu lill‑ħaddiema kollha ħalli ħadd ma jitlef il‑ħobżna ta’ kuljum. Il‑gvernijiet ma jistgħux għalhekk jaħslu jdejhom u ma jagħmlu xejn, kuntenti li l‑bwiet tagħhom huma dejjem mimlija, filwaqt li ħafna familji jisfaw bla xogħol u bla dħul finanzjarju.

Nitolbu għalhekk mela, ħalli l‑imprendituri żgħar u medji jsibu l‑għajnuna li tassew jistħoqqilhom. 

BAŻAR

This article is from: