
1 minute read
Il‑Qaddis Tax‑Xahar
San Titu Brandsma
Papa Franġisku f’Mejju li għadda kkanonizza lill‑Beatu Titu Brandsma li kien saċerdot Karmelitan Olandiż. Huwa ħadem ħafna fil‑qasam ekumeniku u kien ukoll professur tal‑università, kittieb u ġurnalist fl‑Olanda. Brandsma twieled f’Oegeklooster fil‑Provinċja ta’ Friesland fl‑1881. Il‑ġenituri tiegħu kellhom razzett żgħir tal‑ħalib, filwaqt li kienu devoti kbar u Kattoliċi impenjati.
Titu daħal mal‑Karmelitani f’Settembru tal‑1898 u ordna saċerdot fl‑1909. Mill‑1909 sal‑1923 għex f’Oss fejn kien jaħdem bħala kittieb u għalliem. Fl‑1916 beda jittraduċi x‑xogħol ta’ Santa Tereża t’Avila għall‑Olandiż. Fl‑1919 kien il‑fundatur u s‑surmast tal‑Iskola Sekondarja ta’ Oss. Illum din l‑iskola saret il‑Liċeo Titus Brandsma. Meta kellu 61 sena, nhar id‑19 ta’ Jannar 1942 filgħaxija, żewġ pulizija tal‑Gestapo ħabbtu l‑bieb tal‑kunvent tal‑Karmelitani tal‑belt Olandiża ta’ Nimega, arrestaw lill‑Patri Titu Brandsma, ħadulu xi dokumenti minn kamartu u ssiġillawha. L‑ewwel ħaduh fil‑ħabs ta’ Arnhem u wara ttrasferewh għall‑ħabs ta’ Scheveningen. Arrestawh għax kien jitkellem u jikteb kontra r‑reġim Nażista. Dak iż‑żmien, ir‑reġim Nażista kien invada l‑Olanda, art twelid Patri Brandsma, u pprova jbella’ lill‑poplu tal‑pajjiż il‑prinċipji tan‑Nażi. Dawn il‑principji kienu anti‑reliġjużi ħafna u dan il‑patri kien ħadha qatta bla ħabel kontrihom. Meta kien President tal‑Għaqda tal‑Iskejjel tal‑Knisja, huwa kien warrab kompletament il‑kundizzjoni mitluba min‑Nażisti, dik li tfal Lhud jiġu mkeċċija mill‑iskejjel. Man‑Nażi kien magħruf bħala
‘il‑patri ż‑żgħir perikoluż’ minħabba l‑fehmiet tiegħu dwar in‑Nażiżmu li kienu magħrufa ħafna mal‑mexxejja Nażisti.
Brandsma nqatel fil‑Kamp tal‑Konċentrament ta’ Dachau fis‑26 ta’ Lulju 1942. Sa lejlet li nqatel kien għadu jikteb mill‑ħabs. Huwa baqa’ mfakkar għad‑diskorsi tiegħu kontra l‑filosofija Nażista qabel u matul t‑Tieni Gwerra Dinjija. Huwa dejjem inkoraġġixxa edituri Kattoliċi biex ma jippubblikawx propaganda Nażista. Tant li kien mudell għall‑vokazzjoni ġurnalistika, għall‑konvinzjoni u għall‑impenn fit‑tfittxija tal‑verità, tant li l‑Għaqda tal‑Ġurnalisti Kattoliċi ħolqot il‑premju ‘Titus Brandsma Award’. Brandsma rċieva diversi unuri matul ħajtu, fosthom l‑Ordni tal‑Iljun Olandiż mir‑Reġina Wilhelmina għas‑sehem tiegħu fil‑ministeri li jaqdu u jaħsbu fl‑oħrajn. F’Lulju 2016, bdiet l‑investigazzjoni djoċesana dwar miraklu bl‑interċessjoni tal‑Beatu Titus Brandsma għall‑fejqan ta’ Patri Michael Driscoll, Karmelitan, minn tumur malinn li kien mifrux fil‑glandoli limfatiċi. Fil‑25 ta’ Mejju 2021, il‑Kungress tat‑Teoloġi għaraf il‑miraklu.

Qiegħed nibgħat il‑ħlas ta’ € .................................. permezz ta’ ċekk pagabbli lil Missio Malta biex isiru Quddies fil‑missjoni għar‑ruħ/għall‑erwieħ ta’:
Isem u kunjom: Indirizz:

Belt/ Raħal: Tel: Kodiċi Postali: