4 minute read

Dehriet tal‑Madonna

Il‑Ħidma Evanġelika ta’ Marija Santissima Bħala Missjunarja

Id‑Disa’ Parti

Il‑Madonna Ta’ Lourdes

Id‑dehriet tal‑Madonna f’Lourdes seħħew fl‑1858 lil Bernadette Soubirous, tfajla ta’ 14‑il sena, bint taħħan mill‑belt ta’ Lourdes fi Franza. Fil‑11 ta’ Frar 1858, Bernadette, akkumpanjata minn oħtha u ħabiba, marret Massabielle, fuq ix‑xatt tax‑xmara Gave ftit ’il barra minn Lourdes, biex tiġbor ftit ħatab. Waqt li qasmet ħafja x‑xmara, semgħet ħsejjes bħal buffura tar‑riħ, ħarset ’il fuq lejn grotta fil‑blat u rat żagħżugħa żgħira (‘uo petito damizelo’) wieqfa fil‑grotta. Bernardette ddeskriviet liż‑żagħżugħa li kienet liebsa velu u libsa bajda b’faxxa kaħla madwar qaddha. Din kienet l‑uniformi ta’ grupp reliġjuż imsejjaħ it‑Tfal ta’ Marija. Din iż‑żagħżugħa kellha warda safra fuq kull sieq u kellha f’idejha kuruna tar‑rużarju bil‑perli bojod. Oħtha u l‑ħabiba ddikjaraw li ma raw xejn. Bernadette ppruvat tagħmel is‑sinjal tas‑Salib iżda ma setgħetx peress li idejha bdew jirtogħdu. Iż‑żagħżugħa tbissmet u stiednet lil Bernadette titlob magħha. Wara, iż‑żagħżugħa għebet.

Din kienet l‑ewwel dehra minn tmintax oħra li seħħew f’Lourdes bejn l‑11 ta’ Frar 1858 u s‑16 ta’ Lulju 1858. Il‑Ħadd ta’ wara, Bernadette ħasset forza interjuri qawwija tiġbidha lejn il‑grotta minkejja li kienet ipprojbita li tmur hemm mill‑ġenituri tagħha. Iżda fuq l‑insistenza tagħha ommha ħallietha tmur. Magħha ħadet ftit ilma imbierek biex tkun bħala prova li d‑dehra ma kinitx ta’ oriġni ħażin. Wara li qalet l‑ewwel posta tar‑rużarju, iż‑żagħżugħa reġgħet dehritilha. Bernardette bdiet troxx l‑ilma mbierek lejn id‑dehra. Iż‑żagħżugħa tbissmet, baxxiet rasha u komplew jitolbu flimkien. Meta spiċċaw mit‑talb,

iż‑żagħżugħa għebet. Din kienet it‑tieni dehra. Fit‑tielet dehra, nhar it‑18 ta’ Frar, iż‑żagħżugħa għall‑ewwel darba kellmet lil Bernadette, li din ħarġet pinna u karta u talbitha tikteb isimha. Iżda hi qaltilha li ma kienx meħtieġ u żiedet tgħidilha: “Ma nwegħdekx li nagħmlek kuntenta f’din id‑dinja, imma fl‑oħra. Tkun ġentili biżżejjed li tiġi hawn għal ħmistax‑il darba?” L‑għada, Bernadette marret lejn il‑grotta b’xemgħa mbierka mixgħula. Din hija l‑oriġni tax‑xemgħat mixgħula quddiem il‑grotta. Din id‑darba kienu preżenti wkoll tmien persuni, fosthom omm Bernadette u żewġ zijiet ta’ Bernadette. Dawn id‑dehriet ħolqu sensazzjoni man‑nies ta’ dik il‑belt; uħud emmnuhom, oħrajn le.

Għal ħames dehra, nhar l‑20 ta’ Frar, kienu preżenti tletin persuna. Bernadette qalet li dakinhar iż‑żagħżugħa kienet għallmitha talba u qaltilha biex tgħidha kuljum, kif fil‑fatt baqgħet tagħmel matul ħajjitha, iżda qatt ma kitbitha jew qalitha lil xi ħadd. Sadanittant l‑aħbar tad‑dehriet kienet bdiet tinfirex ma’ bliet oħra u ħafna nies bdew jaħsbu u jemmnu li dik iż‑żagħżugħa kienet il‑Verġni

Il‑bażilika ta’ Lourdes fi Franza.

Marija. L‑għada, fis‑sitt dehra, is‑Sinjura, kif bdew isejħulha xi nies, dehret lil Bernadette kmieni filgħodu u qaltilha: “Int għandek titlob lil Alla għall‑midinbin.” Kienu preżenti madwar mitt ruħ. Wara Bernadette ġiet interrogota mill‑ Kummissjarju tal‑Pulizija li ried li tgħidlu x’rat. Hija weġbitu bl‑Oċċitan, id‑djalett lokali: “Aquero” li tfisser ‘dik il‑ħaġa’. Dakinhar missier Bernadette assigura lill‑kummissarju li l‑affari kienet ser tieqaf. Fis‑seba’ dehra, nhar it‑23 ta’ Frar, is‑Sinjura żvelat sigriet lil Bernadette li kien ‘għaliha biss’. L‑għada, fit‑tmien dehra, il‑messaġġ tas‑Sinjura kien: “Penitenza! Penitenza! Penitenza! Itlob għall‑midinbin. Għandek tbus l‑art bħala penitenza għall‑midinbin!” Id‑disa’ dehra, fil‑25 ta’ Frar is‑Sinjura qalet lil Bernadette biex tmur tixrob min‑nixxiegħa u tinħasel fiha. Billi ma rat l‑ebda nixxiegħa marret tixrob mix‑xmara Gave, iżda s‑Sinjura qaltilha u wrietha b’subgħajha li kellha tidħol taħt il‑blat tal‑grotta. Hemmhekk Bernadette sabet għadira kollha tajn u ftit ilma li bilkemm setgħet tiġbru fil‑vojt ta’ idha. Madanakollu obdiet, u bdiet tobrox l‑art. Ġabret ftit ilma li kien tant maħmuġ li kellha tarmih għal tliet darbiet. Mar‑raba’ darba setgħet tixrob. Talbitha wkoll tiekol il‑ħaxix morr ta’ hemm. Imbagħad is‑Sinjura għebet. In‑nies bdew jistaqsu lil Bernadette dwar dan. Hija dejjem wieġbet: “Din hija penitenza għall‑midinbin”.

L‑għaxar u l‑ħdax‑il dehra (27 u 28 ta’ Frar) kienu siekta. In‑nies baqgħu dejjem jiżdiedu. Bernadette baqgħet

tixrob min‑nixxiegħa u twettaq atti ta’ penitenza. Fit‑28 ta’ Frar, Bernadette ġiet interrogata mill‑Imħallef Ribes li heddidha li se jitfagħha l‑ħabs. Fl‑1 ta’ Marzu 1858, seħħ l‑ewwel miraklu dokumentat hemmhekk meta Catherine Latapie kellha paraliżi tan‑nerv ulnari f’driegħ wieħed wara inċident li kellha, irrappurtat li reġgħet kisbet moviment sħiħ wara li daħħlet driegħha diżlogat fin‑nixxiegħa ta’ Lourdes. Fit‑2 ta’ Marzu, is‑Sinjura qalet lil Bernadette: “Mur għid lis‑saċerdoti li n‑nies għandhom jiġu purċissjoni u jibnu kappella hawn.” Bernadette tkellmet ma’ Dun Peyramale, il‑Kappillan ta’ Lourdes. Huwa ried ikun jaf isem is‑Sinjura. Bernadette staqsitha kemm‑il darba, imma għal din il‑mistoqsija s‑Sinjura kienet titbissem. Iżda fil‑25 ta’ Marzu, fis‑sittax‑il dehra, b’dirgħajha ’l isfel, għolliet għajnejha lejn is‑sema u b’idejha fuq sidirha qalet: “Jiena l‑Immakulata Kunċizzjoni.” Fis‑17 ta’ Novembru 1858, l‑isqof tal‑post waqqaf Kummissjoni Djoċesana biex tinvestiga dawn id‑dehriet. Fit‑18 ta’ Jannar 1860, l‑isqof iddikjara li l‑Madonna kienet dehret tabilħaqq lil Bernadette. Il‑Vatikan approva dawn id‑dehriet. Dawn il‑ġrajjiet sopranaturali nisslu qima Marjana kbira f’Lourdes u s‑Santwarju sar frekwentat ħafna, tant li lejh jivvjaġġaw madwar erba’ u sitt miljun pellegrin kull sena. Maż‑żmien bosta Papiet żaru s‑Santwarju ta’ Lourdes. Benedittu XV, Piju XI u Ġwanni XXIII żaruh bħala isqfijiet, u Piju XII, fl‑1958 ħareġ l‑enċiklika ‘Le Pèlerinage de Lourdes’ f’għeluq il‑mitt sena mid‑dehriet. Papa Ġwanni Pawlu II żar Lourdes tliet darbiet waqt il‑Pontifikat tiegħu u darbtejn qabel bħala isqof. Papa Benedittu XVI poġġa kuruna fuq ras il‑Madonna ta’ Lourdes fil‑Jum Dinji tal‑Morda. Żar ukoll Lourdes biex ifakkar il‑150 Anniversarju tad‑Dehriet Marjani. Fit‑22 ta’ Awwissu 2020, Papa Franġisku approva l‑inkurunazzjoni Kanonika tax‑xbieha tal‑Madonna ta’ Lourdes fil‑belt Quezon, f’Manila, fil‑Filippini. Papa Piju XI kien ibbeatifika lil Bernadette fis‑6 ta’ Ġunju 1925 u kkanonizzaha fil‑festa tal‑Immakulata Kunċizzjoni fit‑8 ta’ Diċembru 1933, filwaqt li ddetermina li l‑festa tagħha tkun fit‑18 ta’ Frar. 

Statwa tal‑Madonna tal‑Kunċizzjoni bir‑rużarju fil‑Grotta ta’ Massabielle f’Lourdes, Franza.

This article is from: