2 minute read

Intenzjoni Missjunarja

Frar 2021

Għan‑Nisa reliġjużi u kkonsagrati.

“Nitolbu sabiex r‑reliġjużi u l‑ikkonsagrati nisa, filwaqt li nirringrazzjawhom għall‑missjoni u l‑kuraġġ tagħhom, ikomplu jsibu soluzzjonijiet ġodda quddiem l‑isfidi ta’ żminijietna.”

L‑Ittra Appostolika ta’ Papa Franġisku tal‑21 ta’ Novembru 2014 fl‑okkażjoni tal‑ħamsin sena tal‑Kostituzzjoni Dommatika ‘Lumen Gentium’ u tad‑Digriet ‘Perfectae Caritatis’ tal‑Konċilju Vatikan II, kienet nidiet is‑Sena tal‑Ħajja Kkonsagrata mit‑30 ta’ Novembru 2014, l‑Ewwel Ħadd tal‑Avvent sal‑Festa tal‑Preżentazzjoni tal‑Mulej fit‑Tempju, it‑2 ta’ Frar 2016. F’dik is‑sena speċjali kien sar ħafna talb sabiex il‑familji tagħna jkomplu jkunu benniena ta’ vokazzjonijiet ġodda meta ninsabu f’mument fejn il‑vokazzjonijiet qegħdin jonqsu u l‑kunventi qed jingħalqu. Dawn l‑aħħar snin, il‑Knisja kompliet turi l‑importanza tal‑vokazzjonijiet femminili kemm għall‑Knisja u kemm għas‑soċjetà tagħna; fuq kollox ma ninsewx hawnhekk ukoll il‑ġid tal‑vokazzjoni tal‑mara. Wieħed biżżejjed jiftakar fil‑ħidma fejjieda ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta fost l‑ifqar fost il‑fqar, u tant sorijiet u nisa kkonsagrati li qegħdin jagħmlu ħafna ġid fil‑Knisja u fil‑pajjiżi tal‑missjoni. Insemmu biss l‑iskejjel, postijiet tad‑duttrina u katekeżi, kliniċi, sptarijiet u parroċċi mmexxija min‑nisa reliġjużi u kkonsagrati fejn m’hemmx saċerdoti. Ħidma utli ħafna għall‑Knisja li tixtieq tasal għand kulħadd. “L‑Ispirtu tal‑Mulej fuqi, għax huwa kkonsagrani biex inwassal il‑Bxara t‑Tajba lill‑fqajrin. Bagħatni nħabbar il‑ħelsien lill‑imjassrin u nagħti d‑dawl mill‑ġdid lill‑għomja, irrodd il‑ħelsien lill‑maħqurin u nxandar is‑sena tal‑grazzja tal‑Mulej.” (Luqa 4:18‑19)

U għalhekk f’dan it‑tieni xahar tas‑sena, ix‑xahar ta’ San Pawl, ix‑xahar li

fih niċċelebraw il‑Festa tal‑Preżentazzjoni tal‑Mulej, erbgħin jum wara l‑Milied, niftakru fil‑ħajja kkonsagrata. Anke l‑isfida globali tal‑pandemija ispirat ’il dawn ir‑reliġjużi sabiex isibu soluzzjonjiet innovattivi u ġodda ħalli l‑isem ta’ Ġesù jkomplu jxandruh kullimkien, speċjalment fejn hemm in‑nuqqas ta’ saċerdoti. Papa Franġisku wkoll jistieden lil kull istituzzjoni reliġjuża u tal‑ħajja kkonsagrata sabiex trodd ħajr lil Alla ta’ dak kollu li tagħmel permezz tal‑ispiritwalità tagħha u matul l‑istorja tagħha mwaqqfa minn diversi fundaturi kariżmatiċi. Insemmu hawnhekk lil Santa Monika, Santa Skolastika, Santa Katerina ta’ Siena, Santa Briġida tal‑Iżvezja u Santa Anġela Merici, fost tant oħrajn. Kull komunità reliġjuża tagħraf il‑bidu tagħha mill‑Ispirtu, u għalhekk inħarsu lejn il‑futur bit‑tama Nisranija li ma tqarraqx: “Sa mill‑bidu nett tagħha, fil‑Knisja kien hawn irġiel u nisa li, bit‑taħriġ tagħhom fil‑kunsilli Evanġeliċi, fittxew li jimxu b’libertà akbar wara Kristu u jsiru jixbħuh aktar mill‑qrib; kull wieħed u waħda minnhom, skont il‑mod proprju tagħhom, għaddew ħajja mogħtija lil Alla u ħafna minnhom, bid‑dawl li tahom l‑Ispirtu s‑Santu, għexu ħajja solitarja jew waqqfu familji reliġjużi li mbagħad il‑Knisja, fl‑awtorità tagħha, laqgħethom bil‑qalb u approvathom. “B’hekk ġara li, skont il‑pjan t’Alla, kibret varjetà tal‑għaġeb ta’ komunitajiet reliġjużi li għenet ħafna biex il‑Knisja, mhux biss ikollha l‑mezzi għal kull ħidma tajba u tkun imrawma għax‑xogħol tal‑ministeru għall‑bini tal‑ġisem ta’ Kristu, iżda wkoll tkun tidher mogħnija bil‑ħafna xorti ta’ doni f’uliedha; bħall‑għarusa mżejna għall‑għarus tagħha, u permezz tagħha jkun mgħarraf l‑għerf t’Alla, għerf ta’ kull xorta ta’ mezzi.” (‘Perfectae Caritatis’, numru 1)

Nagħlaq hawnhekk biex inkomplu nitolbu għal aktar vokazzjonijiet, speċjalment għall‑vokazzjonijiet femminili fuq il‑passi tad‑dixxipli nisa li segwew il‑ħajja u t‑tagħlim ta’ Ġesù Kristu. 

This article is from: