
2 minute read
Messaġġ mid‑Direttur
Ara Fiex Ġejna!
Ilkoll kemm aħna midħla tal‑ġrajja tal‑Appostlu Missierna San Pawl fostna. Ta’ kull sena, il‑Knisja f’Malta ssemmgħalna din il‑ġrajja li nsibu fil‑Ktieb tal‑Atti tal‑Appostli Kapitlu 27. Il‑Knisja tagħmel dan sabiex ilkoll inroddu ħajr lil Alla ta’ din il‑grazzja kbira li sa mill‑bidu tax‑xandir tal‑Bxara t‑Tajba, bagħtilna fostna lill‑appostlu tal‑ġnus. Għalkemm din il‑ġrajja tista’ tidher li seħħet b’kumbinazzjoni, bastiment fi triqtu lejn Ruma, li fuqu kien hemm San Pawl flimkien ma’ 276 ruħ, inqabad f’maltempata tal‑biża’, skont San Pawl dan seħħ skont il‑pjan providenzjali t’Alla. San Pawl, filwaqt li beda jagħmel il‑qalb lil dawk kollha li kienu miegħu biex jieklu xi ħaġa għaliex kienu ilhom il‑jiem ma jitrejqu, żgurahom li ħadd ma kien ser jintilef, imma li: “kien meħtieġ li naħbtu ma’ gżira, li sirna nafu li kien jisimha Malta”. (Atti 27:26, 28:1).
Missirijietna laqgħu tajjeb lil San Pawl, mhux biss għaliex qabbdulu ħuġġieġa biex jisħon, iżda fuq kollox għax laqgħu l‑kelma tiegħu. Din il‑kelma sawret lil ġensna, hekk li llum ħadd ma jista’ jħares lejna jekk mhux fid‑dawl ta’ din il‑kelma mxandra mill‑Appostlu Missierna San Pawl. L‑arti, il‑letteratura, il‑kultura u fuq kollox ħajjitna, huma xhieda ta’ din l‑influwenza li din il‑kelma kellha fuqna. Imma llum għandna maltempata kbira oħra fostna li mal‑ewwel daqqa t’għajn, tidher li qiegħda tfarrak u teqred s‑sisien tal‑identità tagħna flimkien ma’ dak kollu li l‑ewwel maltempata ġabitilna magħha. Ħafna huma dawk li jħarsu lejn l‑imgħoddi b’nostalġija kbira u jibkuh. “Ma konniex hekk! Ara fiex ġejna!” Dawn huma ftit mill‑kummenti li qegħdin nagħmlu llum. Għal xi wħud in‑nuqqas t’attendenza għall‑quddies tal‑Ħadd, it‑tkissir tal‑familja, u l‑ġirja sfrenata għall‑ġid materjali li qiegħed jagħlaqna fina nfusna u jbegħedna minn xulxin, huma kollha konsenturi kbar f’dak kollu li nemmnu fih u li fih trawwimna. San Pawl jurina kif għandna nġibu rwieħna f’ċirkostanzi bħal dawn. Huwa ma kienx tal‑fehma li jsalpaw


mill‑port fejn kienu, imma l‑kaptan injorah. Mal‑ewwel okkażjoni tajba li l‑kaptan sab, ħareġ minn fejn kienu qegħdin jistkennu u wara ftit inqabdu fi Grigalata b’mod li ma setgħux aktar jikkontrollaw il‑bastiment. (Atti 27: 13) San Pawl ma qagħadx iwaħħal fir‑ras iebsa tal‑kaptan, imma beda jqawwi l‑qlub ta’ dawk kollha li kienu miegħu, għaliex emmen li Alla għandu l‑qawwa li jiftaħ “mogħdija żgura fost il‑ħalel”. (Għerf 14:3) Jeħtieġ li aħna llum wkoll, bħal San Pawl, inqawwu qalb xulxin u naraw Alla xi jrid minna f’ dan iż‑żmien ta’ taqlib. Profeti tad‑dlam hawn kemm trid, imma aħna jeħtieġ li nkunu profeti ta’ tama u dan għaliex Alla huwa magħna. F’dan iż‑żmien jeħtieġ li neżaminaw dak kollu li qiegħed ixekkel il‑fidi tagħna u jkollna l‑kuraġġ li nwarrbuh. Fl‑istess waqt jeħtieġ li niftħu qalbna għal dak kollu li jrid minna l‑Ispirtu s‑Santu u nħaddnuh akkost ta’ kull sagrifiċċju.
DONAZZJONIJIET B’RIS Q IL‑MISSJONI
sms fuq 50617374 – 2.33 | sms fuq 50618820 – 6.99
B’SMS ta’ €6.99 tkun qed B’SMS ta’ 6.99 tkun qed tixtri l‑kotba għal tifel jew tifla tixtri l‑kotba għal tifel jew għal sena skolastika. tifla għal sena skolastika.
B’SMS ta’ €2.33 tkun qed titma’ B’SMS ta’ 2.33 tkun qed 7 t’itfal għal ġurnata. titma’ 7t itfal għal ġurnata.
Jien. Int. Aħna. Flimkien.
(VO/1178)

Int tista’ tagħti daqqa t’id. Missio għandu bżonn il‑voluntiera. Jekk int interessat, ċempel 21236962
