29 minute read

San Publju: Floriana

Ħidma pastorali fil-parroċċa San Publju: Floriana

Advertisement

6 ta’ Frar 2017 – 4 ta’ Frar 2018

Minn Paul Vella

Bħas-soltu dan ir-rapport jibda minn fejn waqaf ir-rapport tas-sena l-oħra jiġifieri nhar il-5 ta’ Frar 2017. L-ewwel attività prinċipali li kellna fil-Knisja tagħna wara dik id-data, kien il“Healing Service’’ organizzat minn Dr. John nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Frar fis-7.30 pm.

L-Erbgħa ta’ wara, l-ewwel ta’ Marzu kien l-Erbgħa tal-Irmied u l-bidu tar-Randan. Dakinhar it-Tqegħid tal-Irmied sar fil-Quddies kollu. Għalkemm m’għamlitx xita, l-1 ta’ Marzu kien jum ta’ kesħa kbira. Għalhekk, iċĊelebrazzjoni Penitenzjali ta’ qabel il-Quddiesa ta’ filgħaxija saret fil-Knisja stess. L-attendenza kemm għaċ-Ċelebrazzjoni Penitenzjali kif ukoll għall-Quddiesa kienet tajba ħafna u nżammet atmosfera ta’ ġabra u devozzjoni l-ħin kollu.

L-ewwel attività ewlenija tar-Randan kienet il-laqgħa għat-tfal li saret nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Marzu fil-5.15 pm. fil-Knisja. Fil-laqgħa, li għaliha attendew madwar 50 tifel u tifla, saret spjega dwar l-importanza tar-Randan fil-ħajja tan-Nisrani. Fi tmiem il-laqgħa t-tfal ingħataw chart tar-Randan u l-Karus tal-Karità.

Il-Laqgħa Staġjonali saret it-Tnejn ta’ wara, 6 ta’ Marzu. Fil-Quddiesa ta’ filgħaxija, waqt l-Omelija, l-Arċipriet spjega xi jfisser iż-żmien tar-Randan għan-Nisrani individwali u għallkomunità Nisranija. Dakinhar konna madwar 70 fil-Knisja.

Kif nafu, fir-rebbiegħa kollox jiġġedded u jerġa’ jieħu l-ħajja mill-ġdid wara x-xhur tax-xitwa.

Għalhekk f’dan iż-żmien tant importanti filħajja tal-Knisja u tagħna lkoll, kemm bħala individwi kif ukoll bħala komunità, il-Parroċċa dejjem toffrilna ħafna okkażjonijiet biex tgħinna f’din il-Mixja tagħna lejn il-Festa tal-Qawmien mill-Mewt tal-Mulej.

Dawn jinkludu programm ta’ tagħlim u riflessjoni, ħinijiet ta’ talb privat u komunitarju kif ukoll inizjattivi ta’ Karità.

L-Arċipriet dam ġimagħtejn irtirat matul dan ir-Randan. Bl-għajnuna ta’ ħafna persuni kif ukoll il-koperazzjoni ta’ kulħadd, il-ħidmiet tarRandan tas-soltu saru kważi kollha. Barra minn hekk żdiedu ukoll anki xi attivitajiet oħra.

It-tfal tad-Duttrina miġbura quddiem il-vara ta’ San Publju

Ħinijiet ta’ Talb u Riflessjoni

• Ħin ta’ Adorazzjoni privata kull nhar ta’

Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa bejn l-4.30 pm u s-6.30 pm u Adorazzjoni Komunitarja kull nhar ta’ Ħamis fis-7.00 pm. • Tliet Ċelebrazzjonijiet Penitenzjali;

• Il-Via Sagra, li bħas-snin ta’ qabel tkun meditata kull nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’

Ġimgħa wara l-Quddiesa ta’ filgħaxija; minn din is-sena l-Via Sagra bdiet tkun meditata wkoll nhar ta’ Ħamis fis-5.45 pm. (qabel ir-

Rużarju) u nhar ta’ Ġimgħa filgħodu, wara l-Quddiesa tad-9.00am. Għall-ewwel darba, l-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta organizzat

Via Sagra fi Triq l-Isqof Mawru Caruana nhar il-Ħamis 6 ta’ April filgħaxija.

• Il-Quddiesa fil-Klabb tal-Boċċi lejlet il-Festa tad-Duluri saret bħas-soltu imma din is-sena l-Quddiesa għand is-Sorjiet tas-Sacred Heart ma saritx.

• Għat-tielet sena konsekuttiva, waqt il-

Quddiesa tas-Sibt 1 ta’ April, lejlet il-Ħames

Ħadd tar-Randan, kellna programm ta’ Kant mill-Kor alternat ma’ ħsibijiet qosra marbutin mal-Liturġija ta’ dan iż-żmien.

Funzjoni fil-knisja bi preparazzjoni għall-festa liturġika ta’ San Publju

Programm ta’ Tagħlim u Formazzjoni:

Minbarra l-Laqgħa għat-tfal u l-Laqgħa Staġjonali imsemmijin aktar ’il fuq, il-Parroċċa offriet wkoll:

• Żewġ korsijiet ta’ Eżerċizzi fil-Knisja, wieħed filgħodu u l-ieħor filgħaxija u kors ieħor għat-tfal fl-iskola.

• Servizz ta’ Tħejjija għal-Liturġija tal-Ħadd kull nhar ta’ Sibt tar-Randan fis-6.00pm; il-Liturġija tal-Kelma kienet ippreżentata permezz ta’ powerpoint fil-Quddiesa tas-Sibt filgħaxija u f’tad-9.00 am tal-Ħadd.

• Laqgħa oħra għat-tfal tal-Klassijiet tad-

Duttrina fil-Knisja fil-5.15 pm, lejlet il-festa tad-Duluri.

Ħafna inizjattivi ta’ Karità fosthom:

Il-Parroċċa tat l-offerta ta’ €950 fil-ġabra għasSeminarju li saret nhar ir-raba’ Ħadd tar-Randan.

Għall -34 sena konsekuttiva, tqassmu l-envelopes tal-Karità fil-ħames Ħadd tar-Randan. Dawn inġabru fil-Qima tas-Salib, fil-Ġimgħa l-Kbira.

Il-Karus tal-Karità li ngħata lit-tfal inġabar f’Jum it-Tfal fil-ġimgħa tal-Festa. L-aħħar okkażjoni kbira qabel il-Ġimgħa Mqaddsa kienet il-Ġimgħa, 7 ta’ April, Festa tadDuluri. Numru kbir ta’ nies ġew għall-Quddiesa ta’ filgħaxija li dakinhar kienet fis-6.00pm. u wara ħadu sehem fil-Proċessjoni tad-Duluri. Xħin daħlet il-Proċessjoni għall-ħabta tat-8.00 pm, saret Quddiesa oħra.

L-attendenza għal din il-Quddiesa li saret għallewwel darba fl-2007 kienet tajba biżżejjed biex tħeġġiġna ħalli tibqa’ ssir. Fir-Randan tas-sena 2017 kellna Ċelebrazzjoni unika. Nhar il-Ħadd 12 ta’ Marzu, Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna ikkonsagra l-Knisja tas-Salib Imqaddes (tal-Kapuċċini). Iċċelebrazzjoni bdiet fl-10.30 am.

Ġimgħa Mqaddsa 2017

Din hija l-aqwa ġimgħa fis-Sena Liturġika; għalhekk hija l-unika waħda mill-ġimgħat kollha tas-sena li l-Knisja ssejħilha Qaddisa.

Fil-weekend ta’ qabel, jiġifieri waqt il-Quddies tas-Sibt 1 ta’ April filgħaxija u tal-Ħadd 2 ta’ April tqassam programm dettaljat bil-ħinijiet taċ-ċelebrazzjonijiet u funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa lil dawk kollha li ġew il-Knisja.

Ħadd il-Palm: 9 ta’ April

Iċ-Ċelebrazzjoni ewlenija li tfakkar id-Daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm bdiet bit-Tberik tażŻebbuġ ħdejn il-Museum fid-9.00 am. Wara saret Proċessjoni sal-Knisja fejn kompliet ilQuddiesa fid-9.15 am. It-Tberik taż-Żebbuġ b’forma sempliċi sar ukoll fil-Quddiesa tas-Sibt filgħaxija.

L-għada t-Tnejn, 10 tax-xahar, il-Quddiesa ta’ filgħaxija saret Sarria, u wara saret ukoll il-Via

L-Arċipriet jispjega lit-tfal il-ġrajja tat-28 ta’ April 1942

Uħud mill-anzjani li rrakkuntaw l-esperjenzi tagħhom dakinhar li sfat attakkata l-knisja (28 ta’ April 1942)

Il-grupp ta’ anzjani li rrakkuntaw l-esperjenzi tagħhom tal-attakk fuq il-knisja.

Il-purċissjoni tat-traslazzjoni titlaq mid-Depot tal-Pulizija

Waqt it-traslazzjoni bi Gwardja tal-Unur immuntata minn membri tal-Korp tal-Pulizija In-nominati għat-Trofew Tonna flimkien mal-Bord tal-gazzetta IL-FURJANA u Dun Renè Camilleri

Dr. Matthew Paris jippreżenta t-Trofew Tonna lil Dr. George Grech, ir-rebbieħ tat-Trofew Tonna 2017

Sagra. F’dan il-jum ukoll l-attendenza kienet numeruża.

Via Crucis fil-Mall: It-Tlieta 11 ta’ April

Wara l-Quddiesa ta’ filgħaxija fil-Knisja, morna flimkien f’Proċessjoni sal-Ġnien tal-Mall. Hemmhekk saret il-Via Crucis li din is-sena kienet ibbażata fuq ħsibijiet ta’ Papa Franġisku. Iċ-ċelebrazzjoni kienet devota u kien hemm ġabra fost il-ħafna nies li attendew, b’mod speċjali lejn l-aħħar meta kien dalam u bħassoltu żdiedu wkoll in-nies.

Bħal kull sena, il-membri tal-Grupp Ħidma San Publju ħadu ħsieb ħafna mill-preparazzjonijiet għal din l-okkażjoni, l-istess bħalma jagħtu l-għajnuna tagħhom fl-attivitajiet kollha li jsiru fil-Knisja u barra matul is-sena kollha. Nirringrazzjawhom.

L-Erbgħa: 12 ta’ April

Qabel il-Quddiesa ta’ filgħaxija saret Ċelebrazzjoni Komunitarja tal-Qrar, bħala l-aħħar tħejjija għat-Tridu tal-Għid.

It-Tridu tal-Għid: il-Ħamis 13 – il-Ħadd 16 ta’ April

Il-Knisja tqis dawn it-tlitt ijiem, mhux bħala tliet festi, imma bħala festa waħda ċċelebrata fuq tlitt ijiem. Għalhekk qabel il-Quddiesa tal-Ħamis wara l-Via Sagra, dejjem issir spjega dettaljata tat-tifsira ta’ dawn it-tlitt ijiem qaddisa.

It-Tridu tal-Għid beda bil-Quddiesa Konċelebrata ta’ Ħamis ix-Xirka filgħaxija. Għat-tieni sena ngħaqdu magħna ġrupp ta’ Kattoliċi Eritrej li ħadu sehem attiv billi kantaw xi innijiet fil-Quddiesa waqt li wħud minnhom ħadu sehem fil-funzjoni tal-Ħasil tar-Riġlejn.

Wara kien hemm Adorazzjoni u Viżti organizzati. Nhar il-Ġimgħa l-Kbira filgħodu kien hemm ilViżti.

Fit-3.00 pm tlabna l-Via Sagra u fit-3.30 pm saret it-Tifkira tal-Passjoni, li fiha għall-erbgħa u tletin sena konsekuttiva ngħataw l-offerti flenvelope tal-Karità waqt il-Qima tas-Salib.

L-għada, is-Sibt, il-Vġili tal-Lejl tal-Għid beda fit-8.00pm. Wara li smajna l-Kelma ta’ Alla, ġeddidna l-Wegħdiet tal-Magħmudija u wara komplejna nieħdu sehem fl-Ewkaristija tal-Għid.

Kienet ċelebrazzjoni sabiħa li wieħed m’għandux jitlifha għal xejn b’xejn. U fuq kollox ma ddumx daqs kemm wieħed jaħseb.

Kienet innutata l-parteċipazzjoni ta’ għadd ta’ żgħażagħ, anki bħala letturi, mhux biss fil-Vġili imma matul il-Ġimgħa Mqaddsa kollha.

L-attendenza għall-Quddiesa tal-10.30 am. ta’ nhar Ħadd il-Għid kienet numeruża. Ftit qabel it-tfal inġabru ħdejn l-istatwa tal-Madonna f’Balzunetta u minn hemm marru f’ċelebrazzjoni ta’ Ferħ lejn il-Knisja għall-Quddiesa. Din kienet it-tieni sena li fiha ċ-ċelebrazzjoni saret fil-Quddiesa tal-10.30 u mhux tad-9.00 am.

Il-kummenti ġenerali kienu li ċ-ċelebrazzjonijiet kollha tal-Ġimgħa Mqaddsa kienu esperjenza ta’ ġabra u devozzjoni, il-funzjonijiet kienu organizzati tajjeb ħafna u anki l-attendenza dejjem kienet tajba u xi ftit aħjar mis-sena ta’ qabel. Il-Kor Parrokkjali anima l-kant kollu matul din il-ġimgħa. Ta’ min ifakkar li l-Kor tagħna jagħti s-servizz mhux biss matul il-Ġimgħa Mqaddsa imma wkoll fil-Festa Parrokkjali, fil-Festi Ewkaristiċi, fil-Milied u l-okkażjonijiet ewlenin kollha, kif ukoll fil-Quddiesa tas-Sibt filgħaxija s-sena kollha. Nirringrazzjawhom mill-ġdid.

Festa ta’ San Publju

Din is-sena, il-Festa Parrokkjali kienet iċċelebrata bejn l-20 u t-30 ta’ April. Filprogramm ta’ din is-sena minbarra l-attivitajiet tas-soltu kien hemm ukoll oħrajn ġodda u okkażjonijiet speċjali.

San Publju tat-tfal

Il-Ħamis 20 ta’ April

Il-Velja ta’ Talb biex joħroġ il-ġid mill-Festi Maltin saret xorta waħda mill-Arċipriet.

Il-Ġimgħa 21 ta’ April

Dan kien Jum ta’ Supplika biex joħroġ ġid spiritwali mill-Festa.

Filgħaxija, l-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta organizzat serata mużiko-Letterarja ‘Benigne Suscipiens’. Din saret fil-Palazz ta’ San Anton u kienet taħt il-patroċinju tal-E.T. il-President ta’ Malta.

Is-Sibt 22 ta’ April: Jum il-Benefatturi

Matul dan il-Jum sar talb għall-Benefatturi kollha tal-Parroċċa. Il-Quddiesa ta’ filgħaxija kienet għall-erwieħ ta’ dawk li mietu mill-festa ta’ qabel sa dakinhar.

Wara l-Quddiesa ta’ filgħaxija l-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta organizzat serata oħra llum fi Triq l-Isqof Mawru Caruana. Matulha ngħata tagħrif dwar Santi ta’ San Publju, l-istatwa ta’ San Publju kif ukoll dwar spunti estetiċi tagħha.

Il-Ħadd 23 ta’ April: Jum il-Floriana, ilKatekeżi u s-Solidarjetà

F’dan il-jum issir stedina speċjali lill-Furjaniżi li jgħixu barra mill-Floriana. Il-ġbir kollu li sar f’dan il-jum kien għall-Karità.

Fid-9.45am bdiet il-Proċessjoni bis-Sagrament u l-Vjatku Solenni akkompanjat mill-Banda Vilhena. Wara l-Quddiesa tal-11.00am, inħarġet il-Vara min-Niċċa. L-Ikla tal-Festa, li din is-sena wkoll saret fis-Sala San Publju, bdiet fis-1.00pm.

Waqt il-Quddiesa ta’ filgħaxija saret ilpreżentazzjoni tat-trabi.

It-Tnejn 24 ta’ April: Jum it-Tfal

Bħas-soltu l-Festa tat-Tfal saret it-Tnejn ta’ qabel il-Festa. Dakinhar il-Quddiesa kienet fis6.00 pm. u t-tfal taw il-karus tal-Karità u ngħata rigal ta’ tifkira lit-tfal kollha.

It-Tlieta 25 ta’ April: Jum l-Għaqdiet

F’dan il-Jum flimkien mal-għaqdiet kollha talParroċċa, kienu mistiedna wkoll rappreżentanti tal-Parroċċa personali tal-Eritrej Kattoliċi imma, sfortunatament din is-sena minħabba l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom ma setgħux jattendu.

Ta’ min wieħed ifakkar b’sodisfazzjoni li huma dejjem ġew meta stedinniehom. Wara l-Quddiesa sar ir-riċeviment għar-rappreżentanti talgħaqdiet kollha, reliġjużi u ċivili, tal-Parroċċa fis-Sala San Publju. Waqt dan ir-riċeviment, ingħaddu l-voti tal-għaqdiet biex jintgħażel ir-rebbieħ tat-Trofew Tonna għal din is-sena, b’inizjattiva tal-Gazzetta l-Furjana.

It-Trofew Tonna din is-sena ngħata lil Dr. George Grech M.D.

l-Erbgħa 26 ta’ April

Dan kien l-ewwel Jum tat-Tridu li l-Parroċċa tiddedikah għall-familji. Għalkemm dan il-Jum huwa għall-familji kollha ssir stedina speċjali lil dawk il-koppji li għalqu, 10, 25, 40 u 50 sena miżżewġin flimkien ma’ dawk li żżewġu f’din is-sena.

Il-Ħamis 27 ta’ April

It-Tieni Jum tat-Tridu huwa l-Jum tal-Komunità Parrokkjali. Qaddes Monsinjur Pawlu Cremona Arċisqof Emeritus u waqt il-Quddiesa ġġedded il-mandat tal-Katekisti, Letturi, Animaturi, Ministri Straordnarji tat-Tqarbin u r-Reffiegħa tal-Vara.

Il-Ġimgħa 28 ta’ April

Il-Parroċċa żżomm dan l-aħħar jum tat-Tridu bħala Jum is-saċerdoti, reliġjużi, vokazzjonijiet u morda. Waqt il-Quddiesa tad-9.00 am, ingħata s-Sagrament tal-Griżma tal-Morda.

Is-sena 2017 kienet il-75 anniversarju millħbit mill-ajru fuq il-Knisja. Fit-7.50 pm., ilħin eżatt li fih il-Knisja kienet ibbumbardjata, indaqqet il-mota tal-mewt bħalma tindaqq flGħid tal-Imwiet. Il-Quddiesa tat-8.00 am, kienet b’suffraġju għall-vittmi tal-Ħbit mill-arju fuq ilKnisja u għall-vittmi tal-gwerer kollha.

L-E.T. Mons Arċisqof Charles J. Scicluna iżur l-esibizzjoni fil-Mużew Parrokkjali

It-tfal tal-Iskola kellhom Quddiesa fl-10.00 am fil-Knisja u wara ħarġu fuq iz-zuntier, ħdejn illapida, fejn tqiegħdet kuruna u saret spjega dwar dak li kien ġara. Għadd ta’ anzjani li għexu dik il-ġrajja rrakkontaw it-tifkiriet u taw l-esperjenzi tagħhom ta’ dakinhar. Wara, dawn l-anzjani ħadu ritratt flimkien quddiem l-istatwa ta’ San Publju.

Fi tmiem il-Quddiesa Konċelebrata ta’ filgħaxija, kienu ppreżentati l-flus li l-komunità Parrokkjali ġabret għall-Karità waqt il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Festa. Din is-sena dawn l-għotjiet li ammontaw għal €1665 ingħataw hekk: parti lill-Missjoni tal-Patrijiet Kapuċċini fil-Kenja, parti lill-ALS Foundation, parti lill-SKAS u parti oħra ngħatat lill-familji/persuni fil-bżonn fil-Parroċċa.

Ta’ min jinnota li, fil-Ktieb tal-Festa tas-sena li għaddiet kien ippubblikat rendikont finanzjarju dettaljat tal-Parroċċa li jkopri l-aħħar 15-il sena li matulhom kien Arċipriet Mons. Richard Borg. Matul dawn il-15-il sena, ingħataw €129, 686 bħala Karità. Dan jammonta għal madwar ħdax fil-mija tad-dħul kollu tal-Parroċċa f’dan iż-żmien. Din hija somma sabiħa ħafna meta wieħed jiftakar li finanzjarjament, il-Parroċċa tiddependi fuq il-kontribuzzjonijiet tal-membri tal-Komunità, fuq il-ġabriet speċjali li jsiru kultant u fuq id-donazzjonijiet li benefatturi jagħtu lill-Knisja.

Is-Sibt 29 ta’ April: lejlet il-Festa

Kien hemm attendenza tajba għaż-żjara spjegata tal-Knisja li saret filgħodu.

Fis-6.00pm. bdiet it-Traslazzjoni tar-Relikwija mill-Headquarters tal-Pulizja u wara l-Għasar u Ċelebrazzjoni Ewkaristika kienet iċċelebrata l-Quddiesa fis-7.30 pm.

Il-Ħadd 30 ta’ April Jum il-Festa

Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna ntlaqa’ fi Triq Sant’Anna u wara li wasal il-Knisja akkompanjat mill-Arċipriet, il-Kleru u l-Poplu, mexxa l-Quddiesa Pontifikali fid-9.15 am. Flimkien ma’ kongregazzjoni numeruża li mliet il-Knisja, assistew għall-Pontifikal l-E.T. ilPresident ta’ Malta u dinjitarji oħrajn.

Lejlet u nhar il-Festa, waħda mill-kmamar tad-dar numru 2, Triq Sarria, infetħet b’wirja ta’ lbies liturġiku ta’ saċerdoti mejtin li ġew mogħtija lill-Parroċċa. Din il-wirja, li żaruha u faħħruha ħafna nies, fosthom Mons. Arċisqof, tista’ titqies bħala tentattiv għall-bidu ta’ Proġett ta’ Mużew Parrokkjali.

Mejju 2017

Id-dħul tal-vara ta’ San Publju lura fin-niċċa sar wara l-Quddiesa ta’ ringrazzjament li tagħlaq ilFesta, nhar is-Sibt 6 ta’ Mejju.

It-Tlieta 9 ta’ Mejju, il-membri tal-Museum iċċelebraw il-Festa ta’ San Ġorġ Preca fil-Knisja waqt il-Quddiesa ta’ filgħaxija.

Jumejn wara, jiġifieri l-Ħamis 11 ta’ Mejju, numru sabiħ ta’ nies marru f’Pellegrinaġġ għall-Kappella tad-Domna Mirakoluża fil-Blata l-Bajda fejn hemm midfun San Ġorġ Preca. Hemmhekk l-Arċipriet qaddes il-Quddiesa tas-6.00 pm. u wara Mr. R. Pace, membru tal-Musuem, kellem lil dawk preżenti dwar l-ispirtwalità kif mgħallma minn San Ġorġ Preca.

Jum l-Omm kien ċelebrat is-Sibt 11 ta’ Mejju fil-Quddiesa tas-6.30 pm. Fl-aħħar tal-Quddiesa ngħatat tifkira sabiħa mhux biss lin-numru kbir ta’ ommijiet preżenti imma wkoll lin-nisa kollha li kienu għall-Quddiesa.

Naqsu xi ħidmiet/attivitajiet li s-soltu jsiru matul dan ix-xahar. Minħabba ċirkostanzi li ħadd ma kellu kontroll fuqhom, f’Mejju li għadda ma ngħadx ir-Rużarju fil-Knisja qabel il-Quddiesa tat-7.45 am., u lanqas ma ngħad ir-Rużarju f’Balzunetta nhar ta’ Ġimgħa. Lanqas ma sar il-Pellegrinaġġ annwali bl-istatwa tal-Madonna għall-Knisja tal-Kapuċċini.

Din is-sena lanqas ma sar it-Tberik tad-Djar, għalkemm tbierku l-Klabbs u l-Każini.

Nhar it-Tlieta 23 ta’ Mejju 2017, miet Dun Ġużepp Borg Micallef. Dun Ġużepp, li f’dan l-aħħar żmien kien jgħix fid-Dar tal-Kleru, kellu 94 sena u kien l-aktar saċerdot anzjan ta’ Malta. Il-funeral tiegħu sar nhar is-Sibt 27 ta’ Mejju filgħodu; kien lejlet il-Festa tat-Tlugħ tal-Mulej fis-sema. Il-Konċelebrazzjoni, li fiha ħadu sehem għadd kbir ta’ saċerdoti, tmexxiet

L-E.T. Mons Arċisqof Charles J. Scicluna fi triqtu lejn il-Każin Vilhena

minn Monsinjur Arċisqof. L-Omelija saret millArċipriet li tkellem fuq is-servizz kbir li Dun Ġużepp ta lill-Parroċċa u lid-Djoċesi b’mod speċjali fil-qasam tal-Kateketika kif ukoll l-imħabba kbira li kellu lejn persuni b’diżabiltà u anzjani.

Fuq kollox, Dun Ġużepp huwa ta’ eżempju għall-anzjani; ħafna drabi dawn iċiedu għattentazzjoni li jgħidu li dak li kellna nagħmlu issa għamilnieh u għalhekk issa nieqfu. Minkejja l-età kbira tiegħu, Dun Ġużepp baqa’ attiv u jinteressa ruħu fil-Knisja u fil-ħajja ta’ madwaru sal-aħħar. Grazzi Dun Ġużepp. Il-Fundazzjoni U ta’ Dun Ġwann ixxandar ilQuddiesa ta’ filgħaxija mill-Knisja tagħna fuq l-istazzjon tat-televiżjoni Xejk.

Dan huwa servizz li qed ikun offrut lil persuni madwar Malta li għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jiġu l-Knisja. Ħafna, kemm mill-Parroċċa u anki minn Parroċċi oħra jkunu qed jistennew din ilQuddiesa.

Ġunju: Ix-xahar tal-Festi Ewkaristiċi

Nhar il-Ħadd 11 ta’ Ġunju, 8 tifel u tifla talParroċċa rċevew l-Ewkaristija għall-ewwel darba. Dawn it-tfal u anki l-ġenituri tagħhom kellhom programmm sħiħ ta’ tħejjija speċjalment matul il-ġimgħa ta’ qabel. Din is-sena, matul il-Ġimgħa Ewkaristika kellha tingħata enfasi speċjali lit-tagħlim dwar l-Ewkaristija.

Il-Ġimgħa Ewakristika bdiet nhar il-Ħamis 15 ta’ Ġunju, b’jum sħiħ ta’ Adorazzjoni fil-Knisja, u wara l-Quddiesa Solenni Konċelebrata ta’ filgħaxija saret il-Proċessjoni Ewkaristika.

Jum il-Missier inzerta waqt din il-ġimgħa. Ittifkira ta’ dan il-Jum saret fil-Quddiesa tas-Sibt filgħaxija, 17 ta’ Ġunju. Ingħataw tifkiriet sbieħ li ntgħoġbu ħafna, mhux lill-missirijiet biss, imma lill-irġiel kollha preżenti. Il-Ħadd 18 ta’ Ġunju, il-Knisja baqgħet miftuħa l-jum kollu għall-Adorazzjoni.

Biex ikompli jsir enfasi fuq it-tagħlim dwar l-Ewkaristija din is-sena saret Laqgħa Staġjonali nhar it-Tnejn 19 ta’ Ġunju waqt il-Quddiesa ta’ filgħaxija. Sa ftit snin ilu kienu jsiru tliet laqgħat staġjonali: fl-Avvent, fir-Randan u fil-Ġimgħa Ewkaristika; imma l-laqgħa ta’ matul il-Ġimgħa Ewkaristika ma baqgħetx issir. Ħaġa tajba li issa reġgħet bdiet.

Fil-jiem l-oħra kien hemm ħinijiet ta’ Adorazzjoni kuljum waqt li nhar il-Ħamis, 22 tax-xahar, kien hemm Jum sħiħ ta’ Adorazzjoni fil-Museum.

Il-Ġimgħa Ewkaristika ntemmet l-għada l-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju bil-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù. Dan kien jum ieħor sħiħ ta’ Adorazzjoni fil-Knisja, u filgħaxija, wara l-Quddiesa Solenni Konċelebrata, saret il-Proċessjoni Ewkaristika.

Kien innutat li, l-attendenza tan-nies għal dawn il-Proċessjonijiet, din is-sena kienet anqas missnin ta’ qabel; min-naħa l-oħra kien hemm aktar ordni u ġabra l-ħin kollu u speċjalment filProċessjoni tal-Ġimgħa.

F’dan ix-xahar waqfu x-xandiriet tal-Quddies ta’ filgħaxija mill-Fondazzjoni U mill-Parroċċa tagħna. Dan għaliex matul ix-xhur tas-sajf ilFondazzjoni U se tkun ixxandar minn diversi Parroċċi waqt il-festi parrokkjali tagħhom.

L-istaġun tas-Sajf: (minn wara l-Festi Ewkaristiċi sal-aħħar ta’ Settembru):

Din is-sena wkoll, il-Kappella tan-Nazzarenu nfetħet għall-Adorazzjoni bejn is-7.00 u d-9.00 pm, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-3 ta’ Lulju u l-15 ta’ Settembru. F’jumejn minnhom l-ewwel nofs siegħa tkun adorazzjoni organizzata.

93

Kull nhar ta’ Ħamis l-ewwel nofs siegħa taladorazzjoni ssir fil-Knisja u l-Kappella tiftaħ wara. Grazzi lil Mrs. A. Gauci li kważi kuljum kienet tieħu ħsieb tiftaħ u tagħlaq il-Kappella.

L-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta organizzat Pellegrinaġġ għall-Gżejjer ta’ San Pawl. Inizjlament dan kellu jsir nhar il-Ħadd 2 ta’ Lulju. Minħabba li dakinhar kien maltemp dan il-Pellegrinaġġ sar il-Ħadd ta’ wara, 9 ta’ Lulju.

Il-Pellegrinaġġ Parrokkjali annwali għasSantwarju tal-Madonna tal-Mellieħa sar nhar it-

L-E.T. Mons Arċisqof Charles J. Scicluna jqaddes quddiesa bil-Ġermaniż lil grupp ta’ turisti Tedeski

Tlieta 11 ta’ Lulju.

Imbagħad nhar il-Ħamis 20 ta’ Lulju, ingħaqadna mal-Arċipriet biex irroddu ħajr lil Alla fl-43 anniversarju tal-ordinazzjoni tiegħu.

Din is-sena wkoll saru tliet Quddisiet fil-beraħ matul is-sajf. L-ewwel waħda saret fil-Ġnien Re Ġorġ V nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Lulju fit-8.15 pm. It-tieni Quddiesa saret ukoll f’dan il-ġnien nhar il-Ġimga 4 ta’ Awwissu. Ta’ min jgħid li għallbidu li bdiet issir din il-Quddiesa f’dan il-ġnien l-attendenza kienet tkun bejn 100-130. Mażżmien l-attendenza naqset, għalkemm ta’ min jgħid li n-numru ta’ nies li jiffrekwentaw dan ilġnien naqas wkoll. Din is-sena saret propaganda għal din il-Quddiesa, l-aktar permezz ta’ flyers li tqassmu mal-pubblikazzjoni Flimkien-Qalb Waħda. Din is-sena l-attendenza kienet ftit aħjar.

It-tielet Quddiesa, dik tal-ġimgħa 1 ta’ Settembru saret fil-Klabb tal-Boċċi. Hemmhekk l-attendenza kienet aħjar.

Bħas-snin ta’ qabel l-Arċipriet organizza kors ta’ sitt laqgħat għat-tfal tal-Griżma matul dawn ixxhur tas-sajf. Dawn isiru s-Sibt filgħodu, darba kull ħmistax.

Il-laqgħat tal-Grupp Bibliku waqfu għax-xhur tas-sajf bl-intenzjoni li jerġgħu jibdew f’Ottubru. Matul is-sajf iżda, id-direttriċi tal-Grupp Sr. C. Deguara ma baqgħetx tgħix fil-Floriana imma marret fil-Kunvent f’Tal Virtù. Għalhekk ilGrupp Bibliku ma reġax beda jiltaqa’. Ta’ min jieħu l-okkażjoni biex nirringrazzjaw lil Sr. Deguara għas-servizz li hi tat b’ġenerożità kbira għal ħafna snin fil-Parroċċa.

Is-Sibt 15 u l-Ħadd 16 ta’ Settembru saret ilġabra annwali għall-Missjoni fl-Art Imqaddsa. Il-Parroċċa tat € 220.

Ottubru

Malli beda Ottubru l-ħajja u l-attività talParroċċa reġgħu għar-ritmu normali wara li dan kien naqqas xi ftit matul ix-xhur tas-sajf. L-ewwel attività kienet il-Ġimgħa Marjana. Din bdiet b’feature Marjan nhar is-Sibt 30 ta’ Settembru fis-6.00 pm.

It-Tnejn ta’ wara, 2 ta’ Ottubru, l-Arċipriet beda Kors ta’ Katekeżi fil-forma ta’ omelija fil-Quddiesa tat-Tnejn filgħaxija. Dan il-Kors kompla sakemm bdiet in-Novena tal-Milied u s-suġġett tal-ispjegi ta’ din is-sena, minbarra xi eċċezzjonijiet imsemmija aktar ’il quddiem f’dan l-artiklu, kien: ‘L-10 Kmandamenti.’

Il-Ħamis 5 ta’ Ottubru saret laqgħa għal-Letturi u Animaturi tal-Quddies wara l-Quddiesa ta’ filgħaxija. Il-Ħamis 5, il-Ġimgħa 6 u s-Sibt 7 tax-xahar kienu jiem ta’ tħejjija għall-Festa tal-Madonna tar-Rużarju. Is-Sibt fis-6.00 pm, ingħad l-Għasar (Talba ta’ Filgħaxija) u fil-Quddiesa, minflok omelija saru ħsibijiet qosra dwar il-Madonna, alternati ma’ Kant Marjan mill-Kor Parrokkjali.

Il-Konklużjoni tal-Ġimgħa Marjana kienet ilProċessjoni tal-Madonna tar-Rużarju li din is-sena, bi prova, saret il-Ħadd 8 ta’ Ottubru filgħodu, wara l-Quddiesa tad-9.00 am.

Għat-tieni darba, Jum it-Tagħlim Nisrani kien iċċelebrat fost il-ġimgħa, jiġifieri nhar it-Tlieta 11 ta’ Ottubru. Din is-sena wkoll l-attendenza tat-tfal, tal-ġenituri u tal-membri tal-għaqdiet reġgħet kienet aħjar milli meta ċ-ċelebrazzjoni kienet issir il-Ħadd. Fil-Quddiesa kien imġedded il-Mandat tal-Katekisti.

L-Arċipriet radd ħajr lill-Katekisti kollha, kbar u żgħar u semma b’mod speċjali lil Mr. A. DeBattista u lil Ms.R. Ellul li ilhom katekisti b’mod regolari għal numru kbir snin.

Il-Ħadd ta’ wara, 15 ta’ Ottubru, il-Parroċċa tat is-sehem tagħha fl-attività ‘Ġenna ta’ Ġonna’ organizzata mill-Kunsill Lokali. L-attività bdiet bil-Quddiesa tal-10.30 am. li kienet iċċelebrata fil-Ġnien tal-Mall. Il-Knisja kienet miftuħa l-ġurnata kollha u kull min ġie seta’ jitla’ fuq ilbejt u fuq l-armar tal-pittura.

L-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju

F’nofsinhar saret ikla fuq iz-zuntier b’risq ilFesta.

Dawn imsemmija hawn fuq huma l-attivitajiet li l-Knisja tagħmel f’dan il-jum kull sena.

Din is-sena, ma’ dawn saru żewġ inizjattivi ġodda: • Kunċert fuq l-orgni tal-Knisja bejn il11.15am u l-12.15 pm. L-organista kien Fr.

Aurelio Mule’ Stagno

• Wirja tal-kotba kollha miktuba mill-Professur Oliver Friggieri fid-Dar numru 2, Triq Sarria.

Il-Ħadd ta’ wara 23 ta’ Ottubru, flimkien malKnisja kollha ċċelebrajna l-Ġurnata Missjunarja. Il-ġbir li sar għall-Missjoni din is-sena laħaq issomma ta’ € 2065.

Din is-sena wkoll kellna okkażjoni speċjali għaliex is-sena 2017 kienet il-225 anniversarju tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja.

Sar programm ta’ tħejjija matul il-ġimgħa ta’ qabel:

• Waqt il-Quddiesa ta’ filgħaxija tat-Tnejn 23 ta’ Ottubru il-Katekeżi kienet dwar ‘il-

Qdusija tal-Knisja’ minflok dwar ‘L-10

Kmandamenti’.

• Waqt il-Quddiesa tal-Erbgħa 25, filgħaxija, saret spjega dwar ‘il-persuni bħala Tempju ta’ Alla.’

• It-Tlieta 24 tax-xahar saret laqgħa għat-tfal kollha fil-Knisja fil-5.15 pm. Din il-laqgħa għat-tfal saret minflok dik li soltu ssir fil-bidu tax-xahar waqt il-Ġimgħa Marjana.

• B’sodisfazzjoni wieħed jinnota li l-attendenza tat-tfal kienet ta’ madwar 50. Għall-Parroċċa tagħna, dan huwa numru tassew kbir.

• Il-Ħamis 26 tax-xahar, il-Knisja baqgħet miftuħa għal jum sħiħ ta’ Adorazzjoni.

• Is-Sibt, 28 tax-xahar, sar feature fis-6.00 pm. biex jispjega t-tifsira tal-Konsagrazzjoni tal-

Knisja. Il-Quddiesa tas-6.30 pm, bdiet bit-

Talba ta’ Filgħaxija (l-Għasar). Sar wkoll talb addattat għall-okkażjoni mfassal fuq ittalb li jsir waqt il-konsagrazzjoni propja tal-

Knejjes.

• Il-Quddiesa tad-9.00 am, tal-Ħadd kienet il-Quddiesa solenni tat-Tifkira tal-

Konsagrazzjoni.

Biex tkompli tkun imfakkra din l-okkażjoni saru santi sbieħ ħafna forma ta’ bookmarks li tqassmu lil kull min ġie l-Knisja f’dawn il-jiem.

Xi ħaġa li forsi ftit minna jafu hija li fil-Knisja hemm lapida li tfakkar il-Konsagrazzjoni. Din qiegħda fuq in-naħa tax-xellug meta tħares lejn il-bieb il-kbir tal-Knisja. Din il-lapida flimkien mas-slaleb tal-Konsagrazzjoni kienu mnaddfa matul din is-sena.

Bħas-snin li għaddew, mill-aħħar ta’ dan ixxahar, reġgħu bdew features nhar ta’ Sibt fissitta ta’ filgħaxija bi tħejjija għall-Quddiesa. FilQuddies tas-Sibt filgħaxija u tal-Ħadd filgħodu tad-9.00 am. il-Liturġija tal-Kelma tkun bilpowerpoint. Din l-inizjattiva kompliet b’mod regolari sal-Festa tal-Epifanija, biex imbagħad terġa’ tibda fiż-żmien tar-Randan.

Novembru

Malli ntemm Ottubru ħafna nies ġiebu r-ritratti tal-għeżież mejtin tagħhom biex jintrama ‘ċimiterju’ fil-Knisja stess permezz ta’ dawn irritratti. Din kienet il-ħdax-il sena konsekuttiva li ntrama dan ‘iċ-ċimiterju.’

Flimkien mal-Knisja kollha aħna ċċelebrajna l-Festa tal-Qaddisin kollha nhar l-Erbgħa 1 ta’ Novembru u t-Tifkira tal-Fidili mejtin kollha l-għada, 2 tax-xahar.

L-altar maġġur armat għal matul ix-xahar ta’ Ottubru, ix-xahar tar-Rużarju

Il-Ġimgħa 3 ta’ Novembru sar Kunċert misSaint Paul’s Chamber Ensemble fil-Knisja fis-7.30 pm. Id-donazzjonijiet li nġabru waqt dan il-Kunċert ingħataw lill-Ghana Mission Foundation.

Il-Ħadd ta’ wara, 5 ta’ Novembru, 12-il tifel u tifla mill-Parroċċa rċevew is-Sagrament talKonfermazzjoni(Griżma tal-Isqof). Minn ħafna qabel din id-data, it-tfal, il-ġenituri u l-parrini kellhom programm regolari ta’ tħejjija.

Kull sena, it-tfal li jirċievu l-Griżma jkunu mistiedna biex jissieħbu fil-Youth Centre talParroċċa fejn kull nhar ta’ Erbgħa jiltaqgħu għal ftit ħin ta’ tagħlim u rikreazzjoni. Din issena l-istedina saret ukoll imma sfortunatament, l-attendenza ma kienet tajba xejn, tant li din l-inizjattiva kellha tieqaf.

Hawnhekk ta’ min isemmi wkoll li apparti millabbatini l-kbar li għadhom jagħtu servizz filParroċċa, in-numru ta’ abbatini li għandna bħalissa fil-Parroċċa huwa żgħir ħafna. Dan għaliex innumru ta’ tfal fil-Parroċċa huwa żgħir kif ukoll għaliex ħafna ma jkunux jistgħu jew iridu jinrabtu li jattendu għal-laqgħat ta’ formazzjoni u jagħtu s-servizz tagħhom waqt iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Imma ta’ min isemmi wkoll li

i) ftit snin ilu biss kellna 22 abbati; dawk li jiġu għall-Quddiesa tas-Sibt filgħaxija u għallfunzjonijiet ewlenin jiftakru kif l-abbatini kienu jimlew il-Presbiterju; u

ii) mill-2005, meta beda jkollna abbatini bniet fil-Parroċċa, madwar 50 tifla libsu l-libsa ta’ abbatini.

Min jaf… forsi bi ftit rieda tajba min-naħa tattfal u l-ġenituri s-sitwazzjoni preżenti tkun tista’ titjieb.

Il-Ħadd 26 ta’ Novembru kienet il-Festa ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu. Mons Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona qaddes ilQuddiesa tal-10.30 am tal-Ħadd 12 Novembru. Waqt din il-Quddiesa tqassmu l-flus miġbura mill-Fondazzjoni U fil-Maratona ta’ ġbir għallMissjoni li saret f’Settembru b’din il-festa, aħna flimkien mal-Knisja temmejna s-Sena Liturġika.

L-Avvent, il-Milied u ż-żmien tal-Milied

Il-Ħadd ta’ wara 3 ta’ Diċembru bdiet Sena Liturġika ġdida bl-ewwel Ħadd tal-Avvent. Ta’ min ifakkar li l-Avvent mhux kull sena jibda fl-istess ġurnata. L-Avvent jinkludi fih l-erbat iħdud ta’ qabel il-Milied. Peres li din is-sena l-Milied ġie t-Tnejn, dan l-Avvent kien l-iqsar wieħed li jista’ jkun. Minkejja dan, il-programm ta’ tħejjija għall-Milied kien bħas-soltu wieħed intensiv.

Malli beda l-Avvent tqiegħed ma’ wieħed millpilastri ta’ maġenb l-altar banner bil-motto talParroċċa għas-Sena Liturġika ġdida. Il-motto magħżul għal din is-sena huwa: ‘Sinjur Alla, Int Missierna u aħna wliedek.’

Din il-frażi hija addattatament ta’ waħda mittalbiet ta’ San Ġorġ Preca.

Fl-ewwel Ħadd tal-Avvent, jiġifieri s-Sibt 2 ta’ Diċembru filgħaxija u l-għada l-Ħadd sar iċ-Ċensiment Djoċesan dwar l-attendenza talQuddies tal-Ħadd. Grazzi għall-koperazzjoni ta’ kulħadd, kif ukoll għall-għajnuna ta’ numru ta’ helpers li għenu f’kull Quddiesa kollox mar sew.

It-Tnejn 4 ta’ Diċembru filgħaxija saret ilLaqgħa Staġjonali tal-Avvent. Fil-Quddiesa, permezz ta’ omelija, l-Arċipriet spjega t-tifsira spiritwali ta’ dan l-istaġun.

L-għada, it-Tlieta, 5 tax-xahar saret il-laqgħa tal-Avvent għat-tfal fil-Knisja fil-5.15 pm. F’din il-laqgħa, li għaliha l-attendenza reġgħet kienet tajba ħafna, minbarra l-ispjega ta’ xi jfisser dan l-istagun, it-tfal kienu mgħallmna kif jagħmlu, b’mod sempliċi, il-girlanda tal-Avvent. Fl-aħħar tal-laqgħa t-tfal ingħatalhom il-Kalendarju talAvvent.

Saru diversi inizjattivi waqt in-Novena, li bħassoltu tqassmet fost l-għaqdiet tal-Parroċċa. F’jumejn min-Novena għedna t-Talba ta’ Filgħaxija (l-Għasar) fil-bidu tal-Quddiesa, darbtejn oħra kellna features qosra waqt ilQuddiesa minflok l-omelija, darb’oħra kellna ċelebrazzjoni komunitarja tal-Qrar qabel ilQuddiesa li matulha kellna l-għajnuna ta’ konfessur minn barra l-Parroċċa, u f’ġurnata oħra kien mogħti s-Sagrament tal-Griżma tal-

Waqt quddiesa fix-xahar ta’ Ottubru

Morda waqt il-Quddiesa.

Nhar is-Sibt 16 ta’ Diċembru fil-Quddiesa ta’ filgħaxija minflok omelija sar kunċert ta’ Kant tal-Milied mill-Kor Parrokkjali alternat ma’ riflessjonijiet qosra. It-titlu tal-kunċert ta’ din issena kien ‘Marija tirrakkonta’ . Waqt il-Quddiesa l-Arċipriet ħabbar li Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna ħatru bħala Monsinjur Onorarju talKatidral tal-Imdina. Wara l-Quddiesa saret l-ikla annwali tal-Milied.

Il-Ġimgħa 22 tax-xahar, wara l-Quddiesa ta’ filgħaxija kellna kunċert ta’ Kant tal-Milied min- New Choral Singers. Il-Knisja kienet mimlija b’nies minn Malta kollha u d-donazzjonijiet li nġabru dakinhar ingħataw lill-Fondazzjoni Karl Vella.

Fl-aħħar jum tan-Novena, jiġifieri s-Sibt ta’ wara, 23 ta’ Diċembru, il-Quddiesa ta’ filgħaxija kienet fil-5.30 pm. Wara l-Quddiesa l-membri tal-Museum għamlu l-Proċessjoni Tradizzjonali bil-Bambin madwar it-toroq tal-Parroċċa u wara l-Proċessjoni sar programm fis-Sala talKoperaturi.

L-għada l-Ħadd, waqt il-Quddiesa tad-9.00 am. tbierku l-Bambini tat-tfal.

Minbarra l-attivitajiet li saru fil-Knisja, saru żjarat lir-residenti fid-dar tal-Anzjani talFloriana u f’xi Djar residenzjali oħra u fl-Isptar Mater Dei.

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Ferħ ta’ qabel il-Quddiesa ta’ nofsillejl tal-Milied bdiet fil-10.45 pm. Kien fiha, qari, feature qasir, talb u kant mill-Kor Parrokkjali u kantanti żgħar kif ukoll il-Prietka

97

tal-Milied li din is-sena saret minn żewġ aħwa, tifel u tifla.. Sfortunatament, l-attendenza filLejl tal-Milied kienet anqas minn dik tas-snin ta’ qabel.

Il-ġimgħa bejn il-Milied u l-ewwel tas-Sena kienet mimlija attivitajiet ukoll: l-aħħar tlitt ijiem tas-sena, jiġifieri l-Ġimgħa 29, is-Sibt 30 u l-Ħadd 31 ta’ Diċembru kienu jiem sħaħ ta’ Adorazzjoni. Il-Ħamis 28 ta’ Diċembru sar ilparty għat-Tfal u l-għada l-Ġimgħa 29 sar dak tal-helpers.

Minħabba li l-aħħar tas-sena, inzerta l-Ħadd, il-Quddiesa ta’ filgħaxija kienet fil-5.30 pm. Wara l-Quddiesa ingħad it-Te Deum u saret Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Dakinhar, l-attendenza kienet tajba ħafna.

Matul dan l-istaġun, il-Knisja tkun imżejna kif jixraq. Minbarra l-istilla l-kbira, ħdejn il-kanċell ikun hemm il-girlanda tal-Avvent imfassla madwar il-Blandun. L-erba’ xemgħat jinxtegħlu, waħda waħda, fil-bidu tal-Quddiesa tas-Sibt filgħaxija. Ix-xemgħa tan-nofs li tirrappreżenta lil Kristu tixtegħel fil-bidu tal-Quddiesa ta’ nofsillejl tal-Milied.

Fil-Korsija jintrama Presepju, sempliċi imma sabiħ, li tbierek fl-ewwel jum tan-Novena. Ħdejn dan il-Presepju issir wirja ta’ għadd ta’ Presepji żgħar maħduma minn diversi persuni.

Ħdejn il-pulptu tintrama s-siġra tal-Milied, b’tifkira tal-arblu tar-razza ta’ Ġesù. Ħdejn din is-siġra kull min ried qiegħed ikel u oġġetti oħra li ngħataw lid-dar Angela House.

Il-ġbir għall-Karità sar peremzz ta’ stickers li twaħħlu ma’ board biex jiffurmaw il-kelma ‘GRAZZI’ u saru diversi ġabriet b’mod speċjali dik tal-aħħar tas-sena. Din is-sena s-somma miġbura kienet €1565. Minn dawn €1200 ingħataw lid-Dar tal-Providenza u l-bqija tqassmu bejn il-Hospice Movement u familji/ persuni fil-bżonn mill-Parroċċa.

Jannar 2018

Għalkemm il-qofol tal-attivitajiet ta’ dan ix-xahar ikunu ċċentrati madwar il-Festa Liturġika ta’ San Publju kellna wkoll diversi okkażjonijiet oħra.

98

Wieħed mill-korijiet waqt il-provi

Mill-għada tal-ewwel tas-Sena, jiġifieri mitTlieta 2 ta’ Jannar, Monsinjur Paul Camilleri beda jqaddes fil-Parroċċa b’mod regolari l-Quddiesa tat-8.00 am, fil-ġranet ta’ matul ilġimgħa, għaliex għalissa fil-Ħdud l-Festi għadu jagħti s-servizz tiegħu fil-Parroċċa tal-Iklin. Għalkemm Dun Pawl ilu impenjat f’Parroċċi oħra għal aktar minn 30 sena, dejjem baqa’ jagħti servizz utli b’mod regolari, l-aktar permezz ta’ qrar, fil-Floriana.

Nhar is-Sibt 13 ta’ Jannar fis-6.00 pm. kellna feature bl-isem ‘Il-Patruni tagħna.’ Dan ilfeature kien miktub mill-Arċipriet għall-Festi ċentinarji li saru ftit snin ilu u ġie addattat ftit biex ikun jista’ jsir din is-sena.

It-Tlieta ta’ wara, 16 tax-xahar, saret laqgħa għattfal fil-Knisja fil-5.15 pm, u nħarġet l-istatwa ta’ San Publju min-niċċa.

Fil-Knisja kollha, matul il-ġimgħa bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar isir Talb għall-Għaqda fost l-Insara. Għalhekk nhar il-Ħamis 18 ta’ Jannar il-Quddiesa ta’ filgħaxija kienet il-Quddiesa għall-Għaqda fost l-Insara. Din kienet ukoll ittema tal-Adorazzjoni li saret wara l-Quddiesa.

Minħabba li l-Festa Liturġika ta’ San Publju nzertat it-Tnejn, it-Traslazzjoni u l-Għasar ta’ Lejlet il-Festa saru qabel il-Quddiesa tas-Sibt filgħaxija. Dan għaliex minbarra li nhar ta’ Ħadd il-Quddiesa ta’ filgħaxija tibda fil-5.30 pm., ilQuddiesa tas-Sibt filgħaxija hija dik l-aktar frekwentata u l-biċċa l-kbira ta’ dawk li jattendu

jkunu mill-Parroċċa waqt li l-Ħadd l-aktar li jkun hemm huma nies minn barra. Din il-bidla rnexxiet għax kemm għall-Għasar kif ukoll għall-Quddiesa kien hemm ħafna nies.

Dan minkejja li dakinhar kien hemm ċelebrazzjonijiet fil-Belt. Għal din l-istess raġuni, l-Ikla tal-Festa kienet trasferita għasSibt ta’ wara 27 tax-xahar. L-Ikla ta’ din issena minbarra li kienet għall-Festa kienet ukoll fl-okkażjoni tal-ħatra tal-Arċipriet bħala Monsinjur.

Minħabba li l-pussess tal-Arċipriet se jkun ilĦadd 28 ta’ Jannar, iċ-ċelebrazzjoni tal-Festa ta’ San Publju, fil-Kappella ddedikata lilu fl-Għarb Għawdex din is-sena saret il-Ħadd 21 ta’ Jannar u mhux il-Ħadd ta’ wara l-Festa bħas-snin ta’ qabel. Għal din l-attività li kienet organizzata mill-Grupp Ħidma San Publju kien hemm l-għajnuna tal-Kunsill Lokali.

Dakinhar ukoll l-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta organizzat pellegrinaġġ minn Burmarrad għallKappella tal-Ħġejjeġ f’San Pawl il-Baħar. Għalkemm dawn iż-żewġ attivitajiet inzertaw fl-istess ġurnata, l-attendenza fit-tnejn li huma kienet tajba.

It-Tnejn 22 ta’ Jannar iċċelebrajna l-Festa Liturġika ta’ San Publju. Filgħodu, il-Quddiesa tad-9.00am, kienet għat-tfal tal-Iskola. Filgħaxija, it-Talba ta’ Filgħaxija bdiet fis6.00pm, u l-Quddiesa solenni tal-Festa fis6.30pm. Wara l-Quddiesa tkantat l-Antifona waqt li l-Vara nġarret f’Purċissjoni qasira fil-Knisja stess. Fl-aħħar saret ċelebrazzjoni Ewkaristika.

Il-Knisja kienet mimlija u ċ-ċelebrazzjoni xxandret mill-Fondazzjoni U ta’ Dun Ġwann fuq it-televiżjoni.

Għal din l-okkażjoni l-Ktieb ‘Il-Floriana filMixja Nisranija tagħha’ ta’ Fr. Alessandru Bonnici OFM Konv. kien offrut għall-bejgħ bi prezz ridott ħafna.

L-investitura tal-Arċipriet bħala Monsinjur Onorarju tal-Katidral

Nhar il-Ħadd 28 ta’ Jannar, fid-8.45am, ilMonsinjuri elettti fosthom l-Arċipriet tagħna ngħataw il-ħatra ta’ Kanonċi (Monsinjuri) talKatidral. Wara t-talba tal-bidu, inqara d-digriet tal-ħatra u l-Monsijuri l-ġodda, wieħed wieħed, kienu mlibbsa l-insinji ta’ Monsinjuri, jiġifieri, ir-rukkett, il-muzzetta, is-salib u l-berettin millArċisqof. Inqara u kien iffirmat il-ġurament tal-ħatra u mbagħad il-Monsinjuri l-ġodda ikkonċelebraw flimkien mal-Arċisqof, inNunzju Apostoliku u l-membri tal-Kapitlu filPontifikal tal-Festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, it-titular tal-Katidral.

Għadd ta’ persuni mill-Parroċċa kienu preżenti għal din l-okkażjoni.

Frar 2018

Nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Frar, flimkien mal-Knisja kollha ċċelebrajna l-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej fit-Tempju. (Il-Kandlora) Il-Quddiesa ewlenija kienet dik ta’ filgħaxija li fiha sar itTberik tax-xemgħat.

L-għada s-Sibt 3 ta’ Frar, il-Quddiesa ta’ filgħaxija kienet b’suffraġju tad-disa’ ħaddiema li mietu fid-diżgrazzja tat-Tarzna tat-3 ta’ Frar 1995. Fi tmiem din il-quddiesa l-Arċipriet

Il-mejda tal-ġurija internazzjonali waqt il-Festival Internazzjonali tal-Korijiet. Mal-ġurati jidher Mro Profs Joseph Vella li miet fil-25 ta’ Frar 2018.

Il-purċissjoni bil-Bambin fil-knisja It-tfal Rico u Elias waqt il-prietka tal-Milied

Xarba sħuna wara l-quddiesa ta’ nofsillejl

Uħud mit-tfal waqt il-party tal-Milied

It-tfajjel Mattias Camilleri jkanta fil-lejl tal-Milied meta l-Bambin tpoġġa f’riġlejn ommu Marija

ħabbar li l-Parrokat tiegħu issa wasal biex jintemm u li l-Arċipriet il-ġdid tal-Floriana sa jkun Dun Charles Cini, imwieled Ħal Qormi.

Ta’ min ngħidu grazzi kbira lil Monsinjur Richard Borg għall-ħidma bla heda li wettaq b’entużjażmu u ħeġġa kbira fil-Floriana għal dawn l-aħħar sittax-il sena u nagħtu merħba mill-qalb li Dun Charles u nwegħduh li nkomplu naħdmu għall-ġid ta’ parroċċa tagħna. Ad multos annos.

Din is-sena r-Randan jibda nhar l-Erbgħa 14 ta’ Frar. Kważi kull sena, il-pellegrinaġġ ippjanat qabel il-Quddiesa ta’ filgħaxija ma jsirx minħabba temp ħażin. Għalhekk biex ikunu evitati ħafna inċertezzi kważi sal-aħħar, din is-sena kien deċiż minn qabel li l-pellegrinaġġ ma jsirx u minflok iċ-ċelebrazzjoni penitenzjali ssir fil-Knisja stess qabel il-Quddiesa. Kif kien innutat kull darba li sar hekk, l-attendenza kienet akbar u kien hemm aktar ġabra u devozzjoni filkongregazzjoni.

Grazzi

Nirringrazzjaw l-ewwel u qabel kulħadd lil Alla għal tant grazzji li xerred fuqna biex dawn ilħidmiet setgħu jsiru għall-glorja tiegħu u għallġid tal-Komunità Parrokkjali.

Nirringrazzjaw lil San Publju Patrun tagħna li ngħata lilna biex ikun ta’ eżempju u gwida fil-mixja Nisranija tagħna. Aħna żguri li l-interċessjoni tiegħu qatt ma tonqosna. Grazzi lill-Arċipriet u lis-saċerdoti għas-servizz kontinwu li jagħtu fil-Parroċċa. Għandna lkoll napprezzaw li dan is-servizz li lkoll ilhom jagħtu għal ħafna snin b’dedikazzjoni kbira.

Grazzi wkoll lill-membri tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, il-Grupp Ħidma San Publju, ilmembri tal-Għaqdiet, Gruppi u Kummissjonijiet tal-Parroċċa kif ukoll lil tant voluntiera li b’ġenerożità kbira taw l-għajnuna u l-kontribut tagħhom biex il-ħidma msemmija f’dan l-artiklu, kif ukoll ħafna ħidma oħra li ssir filParroċċa setgħu jsiru.

Konklużjoni

Il-ħafna ħidmiet u inizjattivi ma jsirux weħidhom. Isiru għax hawn ħafna persuni li jagħtu s-sehem tagħhom.

Kulħadd persważ li riżorsa qawwija li għandha l-Parroċċa hija l-għadd kbir ta’ voluntiera dedikati li jagħmlu ħafna ħidma b’risq il-Knisja u l-ħidmiet u l-attivitajiet kollha tagħha.

Jalla li, fir-rapport ta’ sena oħra, jkun jista’jinkiteb li l-għadd ta’ volontiera f’kull qasam ta’ ħidma li għandha l-Parroċċa, żdied.

Il-Festa t-Tajba lil kulħadd.

The Top Shop

70, St Thomas Street, Floriana • Tel: 2122 0651 Għal kull xorta ta’ ħwejjeġ tal-aħħar moda bi prezzijiet ferm tajbin kif ukoll żraben u bjankerija

This article is from: