2 minute read

San Publju u San Luqa

Next Article
Saviour Farrugia

Saviour Farrugia

Illum qed nirrealizza li aħna l-Maltin, waqt li konna tant ġenerużi, kif jirrakkonta hu stess, ma’ San Luqa, li sofra n-nawfraġju ma’ San Pawl u l-mitejn u ħamsa u sebgħin l-oħra, tant konna xħaħ miegħu wara li telaq minn hawn f’dik li hi devozzjoni u gratitudni. Irridu nifmhu li jekk isem Malta u isem Publju saru jagħmlu parti mill-aqwa ktieb li qatt jista’ jinkiteb, il-Bibbja, dan kien kollu mertu ta’ Luqa, li rrakkonta dak li ġarrab personalment f’pajjiżna. Daħħalna flIstorja tas-Salvazzjoni.

Advertisement

Hu rrakkonta b’ħafna interess u entużjażmu. Kieku kien żmien it-turiżmu, nistgħu ngħidu li għamlilna riklam mill-aqwa. Hu, li kien tant attent għall-għajnuna mogħtija lill-batut, irrileva b’mod enfatiku, il-ġenerożità ta’ Publju u tal-Maltin, u pproponiehom bħala eżempju meraviljuż ta’ Karità Nisranija. Il-frażijiet li uża kważi kollha użahom fi grad superlattiv – l-ikbar possibbli. Il-Maltin “ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha’’. “Laqgħuna tajjeb lilna lkoll’’ (276). “Publju laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem’’. Tawna wkoll minn kull xorta ta’ ġid’’. “Għabbew fuq il-ġifen kulma konna neħtieġu’’.

Imma San Luqa ma kienx biss speċi ta’ ġurnalist biex jirrapporta l-vjaġġi ta’ San Pawl. Fl-Atti tal-Appostli, li kiteb hu stess, jidher ċar u tond li kien ukoll katekist. Kien Evanġelista fis-sens sħiħ tal-kelma – bil-kitba u bid-diskors. Jien żgur li fit-tliet xhur li għamel Malta, għen lil San Pawl fix-xandir tal-Vanġelu. Il-Vanġelu miktub minnu (fis-sena 70), meta ġie Malta kien għadu ma nkitibx. Kien għadu jfittex il-materjal rilevanti. “Bir-reqqa kollha qgħadt infittex ittagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidu nett’’ (Lq 1, 3). Jiġifieri ġie Malta, fis-sena 60, meta kien għadu jfittex kollox bir-reqqa.

Fil-Vanġelu tiegħu hemm xi materjal li jinsab fih biss: per eżempju l-Parabboli meraviljużi tas-Sammaritan it-Tajjeb, u tal-Iben il-Ħali. Jien persważ li jekk kien ġa skopriehom sas-sena 60, meta ġie Malta, ma naqasx li jirrakkuntahom lil

Minn Dun Pawl Camilleri

Publju u lill-Maltin, u jispjegalhom kif japplikaw tant tajjeb għalihom. Ċert li għen lil San Pawl filħidma tiegħu biex il-Maltin jaċċettaw lil Ġesù u l-Vanġelu Tiegħu.

Nistgħu ngħidu li bl-episodju ta’ Malta, tagħlaq il-parti storika tal-Bibbja. M’hemm ebda storja oħra warajha. Kważi San Luqa għamilna l-Ammen tal-Bibbja. Il-Karità Nisranija fl-aqwa tagħha. Malta ma nistgħux inkunu Maltin, u iktar u iktar Furjaniżi, devoti ta’ San Publju, mingħajr ma nkunu devoti veri ta’ San Luqa. Min jaf kieku l-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta, tieħu dil-biċċa xogħol tad-devozzjoni lejn San Luqa, f’idejha wkoll ? Naħseb li ma tkunx idea ħażina.

This article is from: