7 minute read

bħala ikona ta’ karità

Next Article
Saviour Farrugia

Saviour Farrugia

San Publju bħala ikona ta’ karità

Advertisement

Dun David Torpiano S.Th.B., S.Th.L. (Melit.), S.T.L. (Romae).

Fil-qalba tas-sena liturġika, bħala Nsara, induqu b’qawwa kbira l-imħabba ta’ Alla b’mod partikolari u mill-iżjed profond fiċ-ċelebrazzjoni tat-Tridu tal-Għid. Il-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Sidna Ġesù Kristu li aħna nimmeditaw u li nidħlu fih biex ngħixuh illum, speċjalment permezz tas-sagramenti, iġagħalna nifhmu s-sbuħija u l-importanza ta’ dak li San Pawl kiteb dwar ilġustifikazzjoni tagħna. San Pawl itenni “li meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iżżmien, miet għall-ħżiena. Bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed ġeneruż. Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin. Kemm aktar u aktar issa li aħna ġġustifikati b’demmu, insalvaw permezz tiegħu mill-korla ta’ Alla” (Rum 5, 6-9). Kif nitolbu fit-talba liturġika li tingħad nhar il-Ġimgħa l-Kbira, għaliex ħenn għalina, aħna li niffurmaw il-familja ta’ Alla, l-umanità kollha li hija frott il-ħniena ħallieqa ta’ Alla, Kristu offra ħajtu għalina. Minħabba fina, “Ġesù Kristu Sidna ma stmerrx jagħti ruħu f’idejn il-ħżiena u jsofri t-tbatija ħarxa tas-Salib”. Il-Mulej huwa għalhekk “il-wiċċ talħniena tal-Missier” (Misericordiae Vultus, 1) li jirrivela l-imħabba ta’ Alla. Jekk il-qaddisin huma, fi Kristu, xrara mill-qdusija ta’ Alla, huma wkoll “uċuħ” li permezz tagħhom Alla jxerred il-ħniena bla tarf tiegħu fil-Knisja u fid-dinja.

Għalina l-Furjaniżi, huwa diffiċli nifirdu l-ferħ tal-Għid miċ-ċelebrazzjoni tal-festa titulari tal-Patrun tagħna San Publju. Hija ħaġa milliżjed sabiħa li aħna niftakru fix-xhieda ta’ San Publju u nqimuh f’dawn il-ġranet Paskwali. Jekk il-liturġija fil-ġranet tal-Għid tfakkarna filħajja tal-ewlenin Insara u fit-twelid tal-Knisja speċjalment bil-proklamazzjoni liturġika talKtieb tal-Atti tal-Appostli waqt il-liturġija talKelma li ssir matul il-quddies, daqstant ieħor aħna xxurtjati li fil-jiem tal-festa titulari ndawru ħarsitna lejn l-għeruq u lejn it-tnissil tal-fidi Nisranija f’pajjiżna.

Alla tassew ħenn għalina għaliex minn fost ilġnus il-kbar tad-dinja, gżiritna kienet iddestinata li tirċievi u tilqa’ id-dawl tal-Evanġelju sa millbidu tal-Kristjaneżmu. Din l-imħabba speċjali li Alla għandu għalina narawha fil-kliem li Pawlu qal fi triqtu lejn Ruma: “Jinħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira” (Atti 27, 26). Jekk Pawlu kien tassew “għodda maħtura” (Atti 9, 15) biex iwassal isem il-Mulej quddiem il-ġnus u s-slaten, daqstant ieħor kien Publju biex jilqa’ s-salvazzjoni ta’ Alla u jafda lilu nnifsu u lill-poplu li kien imexxi f’idejn Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu. Dan huwa l-ikbar att ta’ karità li San Publju għamel u forsi huwa wisq iżjed importanti mill-opra ta’ ħniena li għamel ma’ Pawlu u man-nawfragi li spiċċaw providenzjalment fuq gżiritna. Bl-atteġġjament akkoljenti tiegħu u bil-fatt li ma ostakolax il-

Kwadru fis-saqaf tal-Korsija

predikazzjoni ta’ Pawlu (kif ilna nemmnu għal tant sekli), San Publju kien l-iprem Evanġelizzat u iżjed tard sar ukoll l-ewwel Evanġelizzatur minn gżiritna li xandar dak li għaddielu Pawlu. Minn protos ċivili San Publju sar ukoll l-ewlieni fix-xhieda għall-Evanġelju mqaddes.

Il-qari mill-Iskrittura Mqaddsa li aħna nimmeditaw fil-jiem tal-festa ta’ San Publju jenfasizza l-laqgħa sabiħa u eżemplari li l-Protos Publju ta lil Pawlu u lil sħabu. Il-qari mill-isbaħ meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija (Kap. 58) jurina li l-profeta jwiddeb lill-poplu li Alla ma’ jiġix mixtri jew mogħmi mill-prattiċi ritwali jew bil-qima vojta tax-xofftejn imma jfittex lil min jadurah fl-Ispirtu u fil-verità, ifittex bnedmin li huma sensittivi għall-ħtiġijiet ta’ ħuthom u li jħennu għalihom mhux bil-kliem iżda bil-fatti. “Jaqaw mhux dan is-sawm li jiena rrid, jiġifieri, li tħoll l-irbit tal-ħażen, u tqaċċat ix-xkiel talmadmad li tibgħat ħielsa l-maħqurin, u tkisser kull madmad? Mhux li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf?” (Isaija 58, 6-7). Kemm joqgħod tajjeb dan il-kliem għall-għażiż patrun tagħna! Mhux talli daħħal ġewwa daru lil min kien barrani iżda għex ukoll it-twissija l-oħra tal-profeta Isaija li tenna “in-nies ta’ darek ma tinsihomx” (Isaija 58, 7). Publju kien karitattiv ma’ dawk li kienu viċin tiegħu u kienu jagħmlu parti millfamilja (billi ressaq lil Pawlu ħdejn missieru li kien marid) iżda ħenn ukoll għal dawk li kienu barranin u soċjalment emarġinati bħalma kienu ħafna mill-priġunieri fuq il-ġifen, tant li waqt in-nawfraġju s-suldati riedu joqtluhom li ma jmurx jaħrab xi ħadd minnhom bil-għawm (Atti 27, 42). Huwa u jipprietka dwar il-karità, filwaqt li jikkwota l-istess silta mill-Ktieb talProfeta Isaija (58, 6), San Girgor ta’ Nissa jfakkarna fid-dinjità ta’ kull fqir. Huwa jikteb “Tkasbarx lill-fqar. Staqsi minn huma u tiskopri l-kobor tagħhom. Huma għandhom il-bixra tal-Feddej...il-fqar huma l-għassiesa tat-tama tagħna, il-ħarriesa tas-Saltna. Huma jiftħu l-bieb lill-ġusti, u jagħlquh lill-ħżiena u lill-egoisti”. Huma l-fqar li tassew fetħu l-bieb tal-fidi lil San Publju u lil Malta! Meta l-bniedem jiddakkar mill-imħabba ta’ Alla u jimitah, Alla ma jistax ħlief isawwab kotra ta’ barka u ħniena ikbar fuq min jaġixxi b’ġenerożità. Fis-silta li ta’ kull sena naqraw u nimmeditaw fit-talba liturġika talUffiċċju tal-Qari (li jagħmel parti mil-Liturġija tas-Sigħat jew aħjar il-Brevjar) nhar il-festa ta’ San Publju, San Ġwann Krisostmu jenfasizza propju l-virtù tal-ħniena, bħala l-virtù li tidher eminentement f’San Publju. San Ġwann Krisostmu jikkummenta: “F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. Araw bniedem ieħor, iħobb jilqa’ l-barranin. Dan Publju, raġel għani u jista’ , ġietu ħniena minnhom, laqagħhom għandu bil-qalb u dar bihom, mhux għax kien ra xi ħaġa minnhom, iżda minħabba l-għawġ li ġie fuqhom.

Wara li ħelsu mill-għarqa, in-nies ma għalqux għajnejhom għalihom, anzi laqgħuhom bil-qalb minħabba Pawlu, u għal tliet xhur sħaħ waqfu magħhom ilkoll u ħasbulhom għall-ikel. Dawn in-nies iġagħluna nistħu: ma kinux jafuhom lil dawk li ħelsu mill-għarqa, iżda rawhom flgħawġ u fehmu sewwa li huma wkoll kienu bnedmin; għalhekk laqgħuhom bil-ħlewwa.

Fil-qrib kien hemm l-oqsma ta’ Publju, ilprinċep tal-gżira, li laqagħhom u żammhom għandu bil-qalb. Sewwa qal, għax irid ikollok qalb kbira biex tilqa’ u żżomm għandek mitejn u sitta u sebgħin ruħ. Araw xi qligħ kbir għandu min jilqa’ l-barrani. Laqagħhom u żammhom għandu għal tlitt ijiem, mhux għax dan ma rahx meħtieġ, anqas ma għamlu fuq il-qalb,

Dettall mill-Kwadru Laterali tal-Kor

imma għax intebaħ bil-qligħ li kien se jikseb. U għalhekk bil-ħaqq kollu tħallas tal-laqgħa tajba li għamlilhom, anzi ngħatalu wisq aktar ukoll, għax Pawlu fejjaqlu lil missieru, li kien marid bid-disenterija, u mhux lil missieru biss imma fejjaq ukoll ħafna morda oħra”. Il-loġika li juża San Ġwann Krisostmu hija l-loġika li Sidna Ġesù Kristu stqarr b’mod mill-iżjed ċar fl-Evanġelju. Huwa u jkellem lid-dixxipli, Ġesù qalilhom: “Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni. Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’

bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu” (Mt 10, 41). M’għandux ikollna l-iċken dubju li Alla mexa ma’ San Publju kif wiegħed li ser jagħmel ma’ min ikollu qalb ġeneruża u miftuħa b’mod speċjali għal dawk li jħabbru l-Evanġelju tiegħu. Għalhekk nemmnu bis-sħiħ li Alla ħallas lil San Publju mhux biss permezz tal-miraklu ta’ San Pawl ma’ missieru iżda l-iżjed billi tah id-don li jirċievi l-Evanġelju u jsir ħolqien ġdid permezz tat-tiswib tal-ilma u l-Ispirtu. Ovvjament, ma’ din il-kullana skritturali, ma nistgħux ma niftakrux fl-Evanġelju li jiġi mħabbar lilna nhar il-festa ta’ San Publju (Mt 25, 31- 46). Il-Mulej jassigurana li fl-aħħar taż-żminijiet, il-ġudizzju aħħari tagħna se jistrieħ fuq kemm konna kapaċi nħobbu lilu f’ħutna. Jekk hemm personaġġ li żgur qeda u serva lil Kristu f’ħutu mingħajr ma kien jaf, dan huwa San Publju. Minħabba f’hekk, nistgħu inqisu lil San Publju bħala l-aqwa ikona ta’ ġenerożità flistorja tal-poplu Malti. Alla xtaq li San Publju ma jkunx biss personaġġ li jinfluwenza l-istorja tagħna, iżda permezz tal-atti ta’ karità tiegħu mniżżla fl-Iskrittura Mqaddsa, isir mudell ta’ ġenerożità għal kull post, għal kull żmien u għal kull ġenerazzjoni.

Madanakollu huwa neċessarju li nagħrfu nenfasizzaw dak li huwa l-iżjed importanti. San Publju, kien kapaċi jissiġilla ħajtu bl-offerta tiegħu nnifsu lil Alla, wara ħajja ta’ servizz ċivili u reliġjuża, għaliex kellu ħaġa waħda ċara f’moħħu u f’qalbu. San Publju kien konxju li l-ikbar imħabba li wieħed jista’ jkollu hi li wieħed iħobb lil Alla bil-qawwa u bil-persuna kollha tiegħu. Mingħajr ir-rispett lejn dan l-ewwel kmandament, ma jista’ jkun hemm qatt imħabba ġenwina, awtentika u perseveranti lejn l-aħwa li huma dgħajfin u fil-bżonn. Kien għal din l-imħabba li bħala Isqof u bħala ragħaj, San Publju ma ħarabx u ma abbandunax il-merħla tiegħu kif jagħmel ir-ragħaj merċenarju li jaħrab fil-mument tal-prova. San Publju baqa’ jippersevera sakemm ħalla ħajtu għal Kristu. Jalla aħna l-Maltin u wisq iżjed il-Furjaniżi, ulied spiritwali ta’ San Publju, nagħrfu nissudaw ir-relazzjoni ta’ mħabba li għandna ma’ Alla biex inkunu kapaċi nieqfu tassew ma’ xulxin kif għamel u għadu jagħmel għalina Missierna li hu fis-smewwiet u kif jgħallimna nagħmlu l-patrun tagħna San Publju bl-eżempju dejjiemi tiegħu.

This article is from: