
1 minute read
Messaġġ mill-Ex-Arċipriet Mons Fr Richard Borg

Mons. Richard Borg Ex-Arċipriet
Advertisement
Għeżież ħuti Furjaniżi, minn qalbi nixtiqilkom il-festa t-tajba.
Għal dawn l-aħħar sittax-il sena kelli x-xorti li niċċelebra u mmexxi l-festa ta’ San Publju. Ngħid kelli x-xorti, għaliex dejjem iċċelebrajna festa dinjituża u fuq kollox Nisranija. Nista’ ngħid li f’kull festa kellna l-paċi, u qatt ma kellna l-inqas ħaġa li tebbgħat il-ġieħ tal-festi li ċċelebrajna. Jien dejjem ippruvajt nikkopera ma’ kull min kellu sehem fil-festa u min-naħa tiegħi dejjem xtaqt u ħdimt biex il-festa tikber.
Fil-fatt, dejjem rajt kif għamilt biex il-festa ta’ ġewwa mhux biss ma jkollha xejn nieqes, imma dejjem kabbarnieha u għamilna ċelebrazzjonijiet ippreparati sewwa, imżewqa u magħmulin birreqqa.
Għal dak li huwa l-festa ta’ barra, din ukoll dejjem iċċelebrajnieha bid-dinjità, b’dak kollu li huwa mitlub, u b’dak kollu, li fil-limiti tagħna, kien possibbli. Filwaqt li qatt ma naqqasna xejn, jien, flimkien mal-Grupp Ħidma San Publju, ħloqna inizjattivi ġodda. Meta ħaddieħor, ħoloq inizjattivi ġodda, appoġġjajthom, kemm jekk kienu attivitajiet, u kemm jekk inizjattivi marbuta mal-armar ta’ barra, tiżjin, baned jew nar.
Din is-sena, għalkemm xtaqt, mhux se nkun jien fit-tmun. Issa jmiss lill-Arċipriet il-ġdid li jmexxi lejn festa kbira oħra. Minn qalbi nixtieq li kulħadd jikkopera miegħu. Minn qalbi nawgura lilu u lilkom, għeżież ħuti Furjaniżi, l-isbaħ xewqat għal festa fil-paċi u l-għaqda bejn kulħadd. Kemm nixtieq li l-isem tajjeb li dejjem għożżejna u dejjem tkabbarna bih, jibqa’ bla mittiefes. Aħna niftaħru li għandna Qaddis Wieħed u Banda waħda, u għalhekk Festa Waħda, il-festa lill-għażiż Qaddis Patrun u Missier tagħna SAN PUBLJU. Dejjem fraħna bħala familja waħda flimkien.

Insellmilkom kif dejjem sellimtilkom – Tislijiet u Barka, u mill-ġdid, IL-FESTA T-TAJBA.