
1 minute read
tal-Ewwel Isqof ta’ Malta

L-ewwel festa tiegħi tal-Ewwel Isqof ta’ Malta
Advertisement
Dun Charles Cini Arċipriet
Għeżież Furjaniżi, huwa ta’ pjaċir għalija li qiegħed nikteb għall-ewwel darba bħala l-Arċipriet tagħkom. Dan il-messaġġ huwa aktar speċjali għaliex qiegħed niktbilkom fl-okkażjoni tal-ewwel festa tiegħi magħkom. Kif ngħidu bilMalti bdejt bil-kbir għaliex bdejt il-ħidma tiegħi mal-ewwel festa tal-patrun tagħna San Publiju.
Kien ta’ pjaċir għalija li mal-ewwel ilqajtuni fostkom. Ħassejt li l-merħba tagħkom kienet tixbah lil dik ta’ San Publiju meta laqa’ lil San Pawl f’pajjizna. Huwa sentiment li jġib ferħ, u fuq kollox għaqda bejnietna. Il-Papa Franġisku jurina kif ix-xewqa ta’ Alla hi li rridu nkunu ferħanin: “Hu l-ferħ li nsibuh qalb il-ħwejjeġ żgħar tal-ħajja ta’ kuljum, bħala tweġiba għassejħa kollha mħabba ta’ Alla Missierna: “Ibni, ġib ruħek tajjeb miegħek innifsek, skont kemm għandek mnejn… Tiċċaħħadx minn ġurnata tajba” (Sir 14:11, 14). Xi ħlewwa ta’ Missier hemm moħbija wara dan il-kliem!” (Evangelii Gaudium 4)
Iżda ta’ min isemmi kif l-istess Papa jirrimarka dwar l-għaqda ta’ bejnietna, meta qal: “Fi żmien Pawlu, il-komunità ta’ Korintu kienet qed issibha ħafna bi tqila tagħmel dan, (jiġifieri li jkun hemm l-għaqda) u kienet għaddejja, kif spiss ngħaddu aħna wkoll, mill-esperjenza tal-firdiet, tal-mibegħda u l-għira, tan-nuqqas ta’ ftehim u tal-emarġinazzjoni. Xejn minn dan mhu sew, għax, flok jibnu u jkabbru l-Knisja bħala ġisem ta’ Kristu, dawn ifarrkuh f’elf biċċa, jaqsmuh f’biċċiet. U dan qed jiġri anki fi żmienna. Jiġuni f’moħħi l-komunitajiet Insara, f’xi parroċċi, fil-postijiet fejn ngħixu; kemm firdiet, kemm mibegħda, kif nitkellmu ħażin fuq xulxin, kemm ma nifhmux lil xulxin u nwarrbu wieħed lillieħor. U dan għal xiex iwassal? Jaqtagħna minn ma’ xulxin. Hu l-bidu tal-gwerra. Il-gwerra ma tibdiex fuq il-kamp tal-battalja: il-gwerra, ilgwerer jibdew fil-qalb, bin-nuqqas ta’ ftehim, firdiet, mibegħda, b’dan il-tilwim mal-oħrajn.” (Udjenza Ġenerali – 22 ta’ Ottubru 2014).
Għalhekk għeżież, nixtieq minn qalbi, fil-bidu tal-ħidma pastorali tiegħi fostkom, li jkollna dan is-sentiment dejjem ħaj tal-ferħ u tal-għaqda, kif wara kollox urihulna San Publiju li bħal ħafna li mietu martri f’ħalq l-iluni dejjem rajna dawn il-martri ferħanin anke fil-martirju kif ukoll kemm kienet tispikka l-għaqda fost dawn hutna l-Insara.
Nikkonkludi biex f’dan l-ispirtu ta’ festa u ta’ ferħ ġenwin nuru lil kulħadd kemm aħna nħobbu lil San Publiju u lill-Furjana billi ngħożżu l-għaqda ta’ bejnietna. Il-Festa t-tajba lil kulħadd.
