6 minute read

Inkomplu Niltaqgħu mal-Mużiċisti u l-Allievi

Li nsejħu ismek, Pietru, ikun biżżejjed

Inkomplu Niltaqgħu mal-Mużiċisti u l-Allievi tal-Banda Birżebbuġa

Advertisement

Christopher Bonnici B.A.(Hons); M.A.; ALCM; LLCM

Editur

Fis-sena 2019, hekk kif ngħatajt il-fiduċja mill-Kumitat Ċentrali ta’ dak iż-żmien sabiex inkun l-Editur ta’ din il-pubblikazzjoni talfesta titulari, ħsibt sabiex fuq medda ta’ snin niltaqgħu mal-mużiċisti u l-allievi talBanda Birżebbuġa. Fis-sena 2019 konna ltqajna mal-bandisti aħwa Matthias u Jana Agius illi jdoqqu l-kurunetta u l-perkussjoni rispettivament, filwaqt illi l-alliev kien Liam Braden Desira, illi minn dak iż-żmien kompla japprofondixxi l-istudju tiegħu u bħalissa qed jistudja fil-livell ta’ Grad 5 fit-teorija mużikali u riċentament beda jistudja wkoll il-kurunetta. Kif nafu, fis-snin 2020 u 2021, il-pubblikazzjoni kienet limitata u għalhekk ma stajniex inkomplu niltaqgħu mal-mużiċisti tagħna. Għal din is-sena ħsibt sabiex bħala bandist talpost niltaqgħu ma’ Francesco Barbara filwaqt illi għażilt illi niltaqgħu ma’ Hayden Grech bħala l-alliev.

Francesco Barbara

Franesco għandu 27 sena, trabba u għex f’Birżebbuġa. Ġej mill-familja magħrufa ‘tal-fukli’ u

Francesco Barbara fis-sala tal-kunċert famuż tal-Ewwel tas-Sena, fi Vjenna. dejjem trabba viċin is-Soċjetà Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa. Gradwa fil‘Management’ u fil-‘Marketing’ mill-Università ta’ Malta u l-impjieg prinċipali tiegħu huwa ma’ bank ewlieni f’Malta. F’Settembru 2021 ingħaqad fis-Sagrament taż-Żwieġ ma’ Daniela, illi wkoll hija bandista tas-soċjetà u attiva flimkien mal-familja tagħha fl-istess soċjetà. Il-passatempi ta’ Francesco huma t-tisjir u l-prattika sportiva, speċjalment ‘gym’, ġiri u futbol.

Bandist

Staqsejt lil Francesco x’ħajru jibda jitgħallem ilmużika u qalli li min ċkunitu kien espost għall-arti mużikali peress illi ommu u ħutu kienu jdoqqu malBanda Birżebbuġa. F’dan iż-żmien kien iħares lejn ittrumbetta u jaffaxxina ruħu bil-melodiji sbieħ tagħha. Fih nibtet il-ħajra li jitgħallem dan l-istrument. Oħtu Stephanie kienet tgħallem lill-allievi u kultant kien jattendi magħha waqt il-lezzjonijiet, għalkemm aktar kien ikun moħħu fil-boċċi tal-biljard milli fl-istudju mużikali. Beda jistudja l-kurunetta mas-Surmast Direttur Michael Bugelli u ta’ tnax-il sena ddebutta malBanda Birżebbuġa fl-2007. Maż-żmien tpoġġa solista tas-sezzjoni tal-kurunetti.

Aktar ma beda jdoqq ma’ baned, nies u gruppi differenti fosthom il-‘Versatile Brass’, iktar sar iħobb l-istrument. Applika u ġie aċċettat sabiex japprofondixxi l-istudju fil-‘Johann Strauss School of Music’. Hemm studja l-ħoss, teknika u aspetti oħrajn tal-istrument ma’ Mro Joseph Chircop u Mro Martin Cooper. Beda jesponi ruħu għall-mużika orkestrali u jiltaqa’ ma’ mużiċisti promettenti Maltin u internazzjonali. F’dan iżżmien beda jistudja t-teorija ma’ Mro Ray Sciberras u kiseb id-Diploma fit-teorija A.Mus.T.C.L. Jinsisti li huwa importanti li dejjem jisma’ u jipprova jqarreb lejn dawk aħjar minnu. Jisħaq illi l-perfezzjoni mużikali ma teżistix, u għalhekk dejjem għandu jfittex illi jkun aħjar mill-jum preċedenti. Huma s-sagrifiċċji u l-imħabba mużikali li jżommuh għaddej fl-istudju mużikali.

L-Orkestra Nazzjonali

Xi snin ilu, Francesco sar parti mill-‘Malta Youth Orchestra’ u hemm esperjenza parti differenti totalment tal-istrument tant illi kellu jitħarreġ kif idoqq mużika orkestrali ma’ orkestra kompluta u anke repertorju f’ambjent differenti. Studja ma’ bosta għalliema differenti, fosthom fi Spanja. Aktar ma dera u beda javvanza beda jsib interess mit-tuturi. Kull lezzjoni jqisha li hija awdizzjoni fiha nfisha għax ikun assassjat kontinwament. Kultant, Francesco qed jissejjaħ ukoll sabiex idoqq f’xi kunċerti mal-Orkestra Nazzjonali u fl-

istess waqt kompla jispeċjalizza fuq l-istudji orkestrali ma’ Mro Brendan Ball li jifforma ukoll parti mill-Orkestra Nazzjonali. Hawn tgħallem idoqq trumbetti differenti fosthom ‘Eb Trumpet, Piccolo, Flugelhorn u Cornet’. L-impenn huwa kbir għaliex dan jinvolvi ħafna studju u preparamenti kuljum għaliex il-livell huwa għoli immens. Riċentament ukoll għamilt awdizzjoni u ngħaqad malOrkestra Nazzjonali bħala ‘Intern’.

Francesco kompla jistudja u akkwista żewġ Diplomi oħra: l-Associateship u l-Licenciateship mit-Trinity College of Music kif ukoll kien parti mill-‘Interlaken Classics Festival’ fl-Isvizzera f’kors u taħriġ ma’ professuri tal-istrument fosthom Reinhold Friedrich u Jeroen Berwaerts. Riċentament kien ukoll membru tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali f’mawra Ewropea. F’din il-mawra, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali tat kunċerti fil-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, l-Islovakkja u l-Awstrija. F’dan il-pajjiż, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali esegwiet programm fil-‘Musikverein’ fejn isir il-kunċert tal-Ewwel tas-Sena.

Il-Każini tal-Banda

Staqsejt lil Francesco dwar il-każini tal-banda u pront weġibni li diversi drabi u anke fil-każ tiegħu, huma l-ewwel post fejn it-tfal u l-kbar jersqu qrib il-mużika. Għalhekk huwa importanti li nibżgħu għalihom. Illum f’ċerti każini bħal fil-każ tal-każin tagħna anke t-teorija qed tiġi mgħallma u qed isiru eżamijiet fuq bażi regolari. Hemm affarijiet x’jitranġaw imma jħoss illi l-livell għola b’mod ġenerali. Il-każini joffru opportunità għal dawk li jixtiequ jibdew u jkomplu javvanzaw fl-istrument sabiex ikollhom post fejn idoqqu. Illum in-nies jistgħu jaraw ħafna xogħol ta’ fejda jsir mal-allievi u mużiċisti.

U l-Futur tal-Banda Birżebbuġa?

Francesco jinsab sodisfatt ħafna meta jara li l-banda avvanzat kemm minn att ta’ arkivju fejn issib diversi xogħlijiet bħal innijiet u anke oratorju ta’ kompożituri kbar fosthom il-mibki Professur Joseph Vella u anke Mro Ray Sciberras kif ukoll min att ta’ tagħlim għaliex dan isir b’mod strutturat u komplet fejn anke jsiru eżamijiet akkreditati. Is-Soċjetà wkoll għandha sede fejn isiru provi u tagħlim u sett ta’ perkussjoni sħiħ tagħha li jservu bħala bażi soda ta’ infrastruttura.

Barra min hekk Francesco jħossu kburi li fis-soċjetà hemm grupp ta’ muziċisti tal-post li jiktbu l-mużika huma; ‘u din hija xi ħaġa rari li ssibha llum u dan ikompli jimla l-arkivju sabiħ li qed jinbena fis-soċjeta’.’ Isemmi s-safar li sar matul is-snin mis-soċjetà f’diversi pajjiżi barranin għaliex dan għen sabiex jinbena pedament ma’ soċjetajiet mużikali u surmastrijiet barranin li anke qassmu xogħlijiet tagħhom mas-soċjetà tagħna.

Dawn u aktar ipoġġu is-soċjeta’ pjuttost ġdida tagħna ma’ ta’ quddiem f’Malta. Ovvjament fid-dinja tallum l-isfidi bix iżżomm il-bandisti u l-allievi kif ukoll biex tħeġġeġ l-interess wara l-‘Covid’ jibqgħu bħal kulħadd, imma l-futur jekk isir ix-xogħol fuqu huwa sabiħ.

L-Appell Finali

L-appell ta’ Francesco għal dawk kollha li jixtiequ jitgħallmu strument u jiddejqu javviċinaw lis-soċjetà jew jistħu huwa biex ma jiddejqux u jħeġġeġ lit-tfal u anke kbar sabiex jibdew jitgħallmu l-mużika. Dan jista’ jkun l-ewwel pass għaliex illum hawn ħafna opportunitajiet għal min ikun irid javvanza. Il-mużika tiftaħ ħafna opportunitaijiet kif ukoll hija terapija li tgħin mentalment lil kulħadd. L-istrument u t-tagħlim dejjem jiġi provdut bla ħlas. Taqtgħux qalbkom, kulħadd beda mill-bidu!

Hayden Grech

Iltqajt ukoll ma’ Hayden Grech, student tat-Teorija tas-Soċjetà, żagħżugħ, student Universitarju li wkoll tkellimt miegħu dwar l-esperjenza tat-tagħlim fi ħdan l-Iskola tal-Mużika tagħna, għalkemm mhux minn Birżebbuġa. Hayden qed jistudja fil-Livell ta’ Grad 4 tal-London College of Music. Huwa saħaq kemm ilmużika hija essenzjali f’ħajjitna għax kapaċi sserraħna, tferraħna, iġġeddilna l-memorji u tgħinna ngħaddu l-ħin. Issib min jismagħha għal żvog, issib min jismagħha biex janalizzaha, issib min jipprattikaha u ssib min jistudjaha.

Hayden jifhem kemm il-ħajja tal-lum saret mgħaġġla, u huwa f’dan l-ambitu li l-mużika tikseb aktar ħtieġa li tkun mgħallma u aċċettata, għax tista’ tagħti żvog sabiħ lil kulħadd. Minn età tenera kellu mħabba lejn l-arti mużikali, tant illi missieru ħajru jibda jistudja strument. Fil-fatt, Hayden beda jistudja l-kurunetta u wara ftit ġie mħajjar jistudja wkoll it-teorija mużikali fid-dettall. Jisħaq illi l-istudju tat-teorija jgħinu jifhem il-kumplessità tal-mużika. Minkejja li għall-bidu kien isibha diffiċli jlaħħaq mal-istudju akkademiku u l-istudju mużikali, speċjalment meta kien qed jagħmel l-eżamijiet fil-Livell Ordinarju u fil-Livell Avvanzat u Intermedju, permezz tal-mużika tgħallem jifhem aħjar dak illi jkun qed jistudja u għenitu jottjeni marki aħjar.

Iħares ’il quddiem sabiex jissokta jistudja l-mużika għax isserħu f’mumenti stressanti u għalhekk sar jiddedika aktar ħin għaliha għax qed jirnexxilha tagħmlu aktar dixxiplinat miegħu nnifsu.

Filwaqt illi jawgura l-festa t-tajba lill-poplu ta’ Birżebbuġa kollu, jappella liż-żgħażagħ sabiex jieħdu l-opportunità u jersqu għat-tagħlim mużikali, illi minkejja l-ħajja mgħaġġla, żgur se jsibuha utli matul il-ħajja.

This article is from: