
6 minute read
L-Altar Mejda tal-Irħam
Il-Perit Michael Schembri
Minn dejjem konna nqisu li l-artal mejda talinjam li kien jintuża fil-knisja tagħna, kien jistona mal-kumplament tal-għamara li kien hemm fuq ilpresbiterju. Darba minnhom avviċinani l-Kappillan u kien qalli li jixtieq li jagħmel xi ħaġa differenti li tkun bilkolonni. Semmieli xi artali oħra li saru fi knejjes oħra. Jien għedtlu li naqbel mal-proposta li jsir altar mejda ġdid, iżda kont qed naħseb dwar jekk kienx possibli jsir tal-irħam, minflok tal-injam.
Advertisement
Għedtlu li jekk isir tal-injam, nagħmlulu kolonni irqaq, pariġġ l-għamara l-oħra li kien hemm, filwaqt li jekk isir tal-irħam, dawn ikunu relattivament eħxen, simili għal tal-artal maġġur. Kont għamiltlu disinn, għaddejtulu u beda jistaqsi dwaru. Sadattant kont smajt li xi ħadd kien staqsa disinjatur magħruf u għamillu disinn differenti u elaborat. Iżda dan l-artal propost ma kienx se jkun kumplimentari u l-prezz biex jinħadem fl-injam, aktarx li kien se jkun sostanzjali wkoll. Jien s’ issa, dan id-disinn qatt ma ġie f’ idejja.
Inġabru wkoll xi stimi dwar id-disinn li għamilt jien. Jidhirli li kien hemm min talbu 6 000 ewro biex isir talinjam. Jien imbagħad għedtlu biex niġbru stimi ħalli nieħdu idea dwar kemm jiġina kieku kellu jsir tal-irħam. Għax kultant toqgħod lura milli tagħmel xi ħaġa ta’ valur għax tibża’ li se tiswa xi ammont ta’ barra minn hawn biex imbagħad tonfoq il-flus fuq oġġett ieħor li ma jkollu ebda valur dejjiemi.
Inġabru xi stimi li wrewna li l-prezz jibda minn 16 000 ewro ’il fuq. Jiena kkonfermajt l-opinjoni li kelli, jiġifieri li aħjar li jsir tal-irħam milli mmorru għal dak talinjam. Kont nippreferi li nibqgħu b’li kellna milli nonfqu l-flus u nibqgħu b’artal tal-injam.
Imbagħad ressaqna r-rikors quddiem il-kunsill pastorali parrokkjali u quddiem il-kummissjoni talknisja dwar l-arti sagra. Fil-kunsill kien hemm min ma ħax pjaċir li l-artal isir tal-irħam għax dan se jtellef milli jsiru reċti u kunċerti fuq l-artal. L-ewwel rimarka li ħarġet mill-Kurja kienet li permessi simili jinħarġu biss lil dawk il-knejjes li jkunu se jsiru bażiliċi.
Intant komplejna bil-proċess u l-kummissjoni arti sagra riedu li l-artal ikollu 8 kolonni flok 4 u li l-artal ikun akbar fid-daqs. Jiena kont naqbel li bi 8 kolonni, l-artal jidher isbaħ milli b’ 4, iżda jekk inkabbar l-artal, kont se noħloq problema. Billi l-knisja tagħna fiha l-pilastri maġġuri li qegħdin ħafna ’l barra, l-ambone ma jistax jersaq iżjed lejn il-ġenb, għax inkella jitgħatta bilpilastru li semmejna. U jekk inkabbar l-artal mingħajr ma nressaq l-ambone jkun ifisser li se jidjieq l-ispazju bejniethom. Mill-banda l-oħra, jekk inżid il-kolonni mingħajr ma nkabbar l-artal, allura jiċkien l-ispazju vojt fin-nofs tal-artal. Dan ma xtaqtux għax jien ma rridx li ssir bażi sħiħa u hekk inkun nista’ nħalli jidher is-salib li hemm fl-irħam tal-presbiterju.
Issuġġerejt li nagħmlu 8 nofs kolonni iżda m’aċċettawx. Allura ċekkint id-daqs tal-kolonni biex indaħħal 8 iżgħar mingħajr ma ngħatti s-salib li semmejt. Id-disinn kien aċċettabbli iżda tfaċċaw diffikultajiet oħra. Qalulna li rridu naħsbu biex wara li nlestu l-artal, inkomplu billi nibdlu l-ambone u s-sedja. U ridna naraw x’ tip ta’ rħam se nużaw għall-kolonni. Għalkemm aħna xtaqna li l-kolonni jkunu pariġġ dawk tal-artal maġġur, illum m’għadekx issib dak it-tip ta’ rħam. Issuġġerejna li nagħżlu rħam kulurit fuq l-isfar jew l-aħmar fil-kannella iżda baqgħu jgħidulna li l-irħam irid ikun l-istess. Allura għażilna tip li jsejħulu arabescato. Dan huwa rħam abjad Taljan bil-vini griżi. Jixbaħ ħafna lill-irħam talkolonni tal-maġġur li fihom il-vini iżda dawk b’kulur aħdar - jien kont nistħajjilhom ġobon tat-tursina.
Intant, wara ħafna skossi u bl-intervent personali talArċisqof, ħareġ il-permess u l-marmista Ronnie Pisani tana d-data meta se jkun jista’ jaqdina, jiġifieri salaħħar ta’ Ġunju 2020. Bdejt nhewden dwar l-affarijiet l-oħra li talbuna. Għamilt id-disinji u staqsejtu dwar l-istimi. Bdejt naħseb li jekk ma jsirux issa, jiġrilna li ’l quddiem ma jirnexxilniex inqabblu d-disinn jew l-irħam. Għalhekk iddeċidejt li napplikaw għall-kumplament u nkomplu safejn nistgħu.
Meta bdejna s-sena 2020, il-marmista beda jiġi fuq il-post sabiex jieħu l-qisien eżatt, niddiskutu d-dettalji u jordna l-materjal. Għalkemm Ronnie kien tana d-data, ma stajniex naqbdu u nikkonfermaw mal-Arċisqof biex, bħalma kien qalilna, jiġi jikkonsagrah. Bdejna naħsbu li l-aħjar li nissuġġerixxu sabiex iċ-ċerimonja ssir f’ Ottubru u nkunu rasna aktar mistrieħa, li x-xogħol sa dakinhar ikun komplut.
Imbagħad f’ Marzu waslet il-Pandemija, ingħalqu l-Knejjes u ħafna postijiet oħra, inħolqot inċertezza kbira bir-riżultat li ħadd ma seta’ jippjana xejn. Il-pandemija serviet biex f’ ċerti affarijiet, għenet fit-twettiq tax-xogħol

u f’ ċerti affarijiet oħra, fixklet l-istess xogħol. Min-naħa minnhom, l-imgħallem beda jqatta’ aktar ħin waħdu fil-ħanut tax-xogħol tiegħu u għamel progress kbir fix-xogħol. Min-naħa l-oħra, kemm-il darba nqalgħulu bżonnijiet li jixtri materjali jew isewwi xi għodod, kien isib il-ħwienet magħluqin minħabba r-restrizzjonijiet.
L-artal wasal fl-24 t’ April. Inġieb żarmat f’ biċċiet u ddaħħal mill-bieb iż-żgħir tal-knisja li jinsab in-naħa tal-kampnar. Intrama f’ postu dakinhar stess u fis-7 ta’ filgħaxija, il-kappillan qaddes fuqu għall-ewwel darba, il-quddiesa li kienet tintwera online fuq il-facebook talparroċċa. L-għada l-imgħallem reġa’ ġie jkompli jimla l-fili bejn il-partijiet differenti li jifformaw l-artal.
Għaddew 3 ġimgħat oħra u għal ħabta ta’ xi nofs Mejju, wasal l-ambone filwaqt li għall-bidu ta’ Ġunju, waslet is-sedja flimkien mal-banketti. U hekk il-partijiet ewlenin tal-proġett, kienu waslu kollha qabel ma l-knisja reġgħet infetħet għall-quddies, nhar is-Sibt 13 ta’ Ġunju filgħaxija, għas-solennità ta’ Corpus Domini.
Il-ftuħ mill-ġdid tal-knisja ppermetta li jerġgħu isiru xi funzjonijiet, anke jekk dawn kienu ristretti. Meta rajna li parroċċi oħra bdew jiċċelebraw okkażjonijiet u avvenimenti importanti li jmexxihom l-Arċisqof, issuġġerejna li jekk jista’ jkun, nhar is-Sibt l-1 t’ Awwissu 2020, fil-ġurnata liturġika ta’ San Pietru in vinculis, nitolbuh ħalli jiġi jikkonsagra l-artal u jbierek l-ambone u s-sedja. L-Arċisqof aċċetta l-istedina u nbdew ilpreparamenti meħtieġa għal dik l-okkażjoni speċjali. Fl-artal mejda tqiegħdu r-relikwi tal-qaddis Malti, San Ġorġ Preca, kif ukoll tal-Beati Adeodata Pisani u Nazju Falzon.
Dik is-sena, il-festa setgħet tiġi ċċelebrata fuq jumejn biss jiġifieri s-Sibt filgħaxija u l-Ħadd. Ma setgħux isiru t-tridijiet u t-translazzjoni iżda setgħu jsiru l-quddiesa solenni u l-purċissjoni. Din tal-aħħar tħassret hekk kif il-Ġimgħa filgħaxija, inbidlu d-direttivi u b’effett mill-1 t’ Awwissu, reġgħu tħassru l-purċissjonijiet.
Il-proġett ma waqafx hemm. Matul Lulju wasal ukoll il-leġiju tas-sedja. Imbagħad fl-aħħar ġimgħa ta’ Marzu 2021, wasal il-battisteru li ntuża bħala pedestall għall-kapsola tas-sepulkru u mbagħad għall-funzjoni ta’ Sibt il-Għid, li għat-tieni sena konsekuttiva, saret filmagħluq. Il-knisja reġgħet infetħet ħmistax fuq l-Għid u f’ Mejju waslu l-gredenzini.
Bħala apprezzament għall-fiduċja li wrejna fih, isSur Ronald Pisani offra 2 rigali. L-ewwel wieħed kien l-arma tal-Arċisqof interzjata fl-irħam u bil-kitba tattifkira fuq wara. Din ingħatat bħala rigal lill-Arċisqof dakinhar tal-konsagrazzjoni tal-artal. Imbagħad filġimgħa tal-festa 2021, għaddielna bażi tal-irħam li fiha jitpoġġa l-blandun iż-żgħir u li qed tintuża wkoll għallblandun ta’ żmien il-Għid.
Sfortunatament, sabiex ikollna sett unit tal-għamara tal-artal, kellna nissagrifikaw ix-xogħlijiet l-oħra sbieħ li kien hemm qabel, fosthom l-ambone li kien sar fl-1976. Dan kien sewa 500 lira, tħallas minn Antonio u Lukrezia Mangion, b’ disinn u skultura ta’ Salvu Bugeja. Partijiet mill-għamara tal-injam għadna narawhom fil-knisja u qed nużawhom għal skopijiet differenti. M’għamilniex bħal parroċċi oħra li waslu biex biegħu l-opri li kellhom.

Matul iċ-ċerimonja tal-Konsagrazzjoni jinħaraq l-inċens fuq l-artal.
Ix-xogħol fil-knisja parrokkjali ma jiqafx. Hawn jidher jintrama l-iscaffolding sabiex tinbeda l-ħidma fuq is-saqaf tal-korsija.
Dehra tal-proġett tas-saqaf tal-knisja restawrat komplut.
Waħda miż-żewġ gradenzini l-ġodda.


